Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

l-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum jurina lil xi skribi u fariżej li baqgħu skantati bl-atteġġjament ta’ Ġesù.  Skandalizzaw ruħhom għax id-dixxipli tiegħu qed jieklu mingħajr ma mxew fuq it-tradizzjoni ritwali li qabel, jaħslu jdejhom.  Bejnhom u bejn ruħhom jgħidu: “Din l-imġieba tmur kontra l-prattika tar-reliġjon” (cfr Mk 7, 2-5).

Aħna wkoll nistgħu nsaqsu: Għaliex Ġesù jippermetti li d-dixxipli tiegħu ma jagħtux kas ta’ dawn it-tradizzjonijiet?  Fl-aħħar mill-aħħar mhux affarijiet ħżiena, imma ritwali tajbin, sempliċi ħasil qabel wieħed jibda jiekol.  Għaliex Ġesù ma jagħtix kas?  Għax għalih l-aktar importanti hu li l-fidi terġa’ tieħu postha fil-qalba ta’ kollox.  Fl-Evanġelju dan narawh isir il-ħin kollu: li l-fidi terġa’ titqiegħed fiċ-ċentru.  U nevitaw riskju li jgħodd għal dawk l-iskribi u għalina wkoll: li nosservaw il-formalità li tidher u l-vera sustanza tal-fidi ntuha t-tieni post.  Bosta drabi aħna wkoll “nirtukkaw” qlubna.  Il-formalità esterna mhijiex ir-ruħ tal-fidi: dan hu riskju.  Huwa r-riskju ta’ reliġjożità tad-dehra: nidhru tajbin minn barra filwaqt li ma nagħtux kas biex insaffu qlubna.  Dejjem hemm it-tentazzjoni li lil Alla “nsibulu soluzzjoni” b’xi devozzjoni tad-dehra, iżda Ġesù mhux kuntent b’kult bħal dan.  Ġesù ma jridx dak li jidher, irid fidi li tirfed il-qalb.

Infatti, minufih isejjaħ il-folla biex jistqarr verità kbira: “Ma hemm xejn minn barra li meta jidħol fil-bniedem itebbgħu (v. 15).  Iżda “dak li joħroġ minn ġewwa, mill-qalb” (v.21) joħroġ il-ħażen.  Dan hu kliem rivoluzzjonarju għax fil-mentalità ta’ dak iż-żmien ċertu ikel u ċerti kuntatti esterni kien jitqiesu impuri.  Ġesù jaqleb dil-perspettiva ta’ taħt fuq: mhux dak li ġej minn barra jagħmel il-ħsara iżda dak li joħroġ minn ġewwa.

Għeżież ħuti, dan jolqot lilna wkoll.  Spiss naħsbu li l-ħażen l-aktar li ġej hu minn barra; mill-imġieba ta’ ħaddieħor, minn min jaħseb ħażin dwarna, mis-soċjetà.  Kemm drabi nwaħħlu f’ħaddieħor, fis-soċjetà, fid-dinja, għal kull ma jiġrilna!  Dejjem ħtija ta’ ħaddieħor: ħtija tan-nies, ta’ min jiggverna, tal-isfortuna, u sejrin hekk.  Donnu li l-problemi dejjem ġejjin minn barra.  U nqattgħu ħinna nwaħħlu f’dak u fl-ieħor: imma meta ħinna nqattgħuh inwaħħlu fl-oħrajn inkunu qed naħlu ż-żmien.  Nimtlew bl-għadab, bil-qrusa, u lil Alla nżommuh bogħod minn qlubna.  Bħal dawk in-nies tal-Evanġelju li jgemgmu, jiskandalizzaw ruħhom, joħolqu t-tilwim u ma jilqgħux lil Ġesù.  Ma nistgħux inkunu verament reliġjużi dment li mgemgmu: it-tgemgim javvelenak, jimlik bir-rabja, b’sens ta’ fastidju u bis-swied il-qalb, dak tal-qalb li tagħlaq il-bibien għal Alla.

Illum nitolbu lill-Mulej biex jeħlisna milli dejjem inwaħħlu l-ħtija f’ħaddieħor – bħat-tfal: “Le, mhux jien kont!  U l-ieħor, u l-ieħor….” .  Fit-talb tagħna nitolbu l-grazzja li ma naħlux ħin inniġġsu d-dinja bit-tgemgim, għax dan mhux (atteġġjament) nisrani.  Ġesù aktar iridna nħarsu lejn il-ħajja u lejn id-dinja billi nibdew mill-qalb tagħna.

Jekk inħarsu fina nfusna nsibu kważi dak kollu li mmaqdru hemm barra.  U jekk nitolbu lil Alla bis-sinċerità biex isaffilna qlubna, allura, iva, inkunu bdejna nnaddfu d-dinja.  Għax biex ngħelbu l-ħażen hemm metodu infallibbli: nibdew ngħelbuh fina nfusna.  Meta lill-ewwel Missirijiet tal-Knisja, il-monaċi, kienu jistaqsuhom: “Liema hi t-triq lejn il-qdusija?  Mnejn nista’ nibda?”, l-ewwel pass, kien u jgħidu, hu li takkuża lilek innifsek.  Nakkużaw lilna nfusna.  Kemm minna, matul il-ġurnata, f’xi waqt tal-ġurnata jew f’xi ħin matul il-ġimgħa, isibu ħila jagħtu l-ħtija lil dak li hemm ġewwa fihom?  “Veru, dak għamilli hekk… l-ieħor… dak għamilli azzjoni…”  Imma jien?  Jien nagħmel l-istess, jew jien hekk nagħmel…..  Hu għerf, għaqal: nitgħallmu nakkużaw lilna nfusna.  Ippruvawha, jaħbtilkom tajjeb.  Lili ġid jagħmilli meta jirnexxili, imma ġid jiswieli, jiswa ta’ ġid lil kulħadd.

Il-Verġni Marija, li bidlet l-istorja bis-safa ta’ qalbha, tgħinna nsaffu tagħna, qabel kollox billi ngħelbu l-vizzju li kollox inqisuh ħtija tal-oħrajn u li nilmentaw dwar kollox.


Wara l-Angelus

Għeżieħ ħuti,

Qed insegwi bi tħassib kbir is-sitwazzjoni fl-Afghanistan, u qed inħossni nsofri ma’ dawk li jibku lill-persuni li ntilfu fl-attakki suwiċidi li seħħew il-Ħamis li għadda, u ma dawk li qed ifittxu l-għajnuna u protezzjoni.  Nafda lill-mejtin fil-ħniena t’Alla li jista’ kollox u rrodd ħajr lil min hu impenajt biex jgħin lil dik il-popolazzjoni tant imġarrba, partikolarment in-nisa u t-tfal.  Nitlob lil kulħadd biex ikompli jgħin lil min jinsab fil-bżonn u biex jitlob ħalli bid-djalogu u s-solidarjetà tinkiseb konvivenza paċifika u fraterna li jnisslu tama fil-ġejjieni tal-pajjiż.  F’mumenti storiċi bħal dawn ma nistgħux nibqgħu indifferenti, tgħallimna dan l-istorja tal-Knisja.  Sitwazzjoni bħal din hi impenn għalina l-insara.  Għaldaqstant nappella lil kulħadd biex iżid it-talb u jsum.  Talb u sawm, talb u penitenza.  Dan hu l-waqt tagħhom.  Qed nitkellem bis-serjetà: inżidu t-talb u nsumu filwaqt li nitolbu lil-Mulej itina l-faraġ u l-maħfra.

Jien qrib il-popolazzjoni tal-istat ta’ Mérida fil-Venezwela li dan l-aħħar intlaqat minn għarar u tiġrif.  Nitlob għall-mejtin u għall-familjari tagħhom u għal dawk kollha li qed ibatu minħabba dit-traġedja.

Insellem minn qalbi lill-membri tal-Moviment Laudato si’.  Grazzi tal-impenn tagħkom favur id-dar komuni tagħna, partikolarment fl-okkażjoni tal-jum Dinji ta’ Talb għall-Ħolqien u taż-Żmien il-Ħolqien li se jsir wara.  Il-karba tal-Art u l-karba tal-foqra qed isiru dejjem aktar gravi u allarmanti u jeħtieġu azzjoni deċisiva u urġenti biex dil-kriżi tinbidel f’opportunità.

Insellem lilkom ilkoll rumani u pellegrini minn pajjiżi varji.  Insellem partikolarment lill-grupp tan-novizzi sależjani u l-komunità tas-seminarju Veskovili ta’ Caltanissetta.  Insellem lill-fidili minn Zagabria u lil dawk mill-Veneto; il-grupp tal-iskola, ġenituri u għalleima mill-Litwanja; lill-adoloxxenti minn Osio Sotto li għamlu l-Griżma; liż-żgħażagħ minn Malta li qed jagħmlu mixja vokazzjonali, lil dawk li għamlu l-mixja franġiskana minn Gubbio sa Ruma u lil dawk li se jibdew il-Via lucis mal-foqra ta’ ħdejn l-istazzjonijiet tal-ferrovija.

Tislima speċjali lill-fidili miġburin fis-Santwarju ta’ Oropa għall-festa tal-Inkurunazzjoni tax-xbieha tal-Madonna s-Sewda.  Jalla l-Verġni Qaddisa takkumpanja l-mixja tal-poplu t’Alla fit-triq tal-qdusija.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: Laikos