Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Ninsabu fil-qofol tal-mixja tar-Randan u fil-bidu tiegħu, l-Evanġelju tal-lum jippreżentalna lil Ġesù li jikkkumenta dwar xi ġrajjiet li seħħew. Waqt li kienet għada friska t-tifkira tat-18-il persuna li kienu mietu fit-tiġrif ta’ torri, jirrakkuntawlu wkoll dwar xi Galilej li sfaw maqtulin minn Pilatu (ara 13:1). U hemm mistoqsija li donnha takkumpanja dawn l-aħbarijiet traġiċi: ta’ min hi l-ħtija ta’ dawn il-fatti terribbli? Forsi dawn in-nies kienu aktar ħatja minn oħrajn u Alla ried jikkastigahom? Dawn huma mistoqsijiet li jibqgħu jkunu dejjem attwali; meta l-aħbarijiet ħżiena jgħakksuna u nħossuna bla saħħa quddiem il-ħażen, spiss nistaqsu lilna nfusna: forsi dan hu kastig minn Alla? Huwa Hu li jibgħat xi gwerra jew pandemija biex jikkastigana minħabba dnubietna? U għaliex il-Mulej jibqa’ passiv?

Irridu noqogħdu attenti: meta l-ħażen itaqqalna nirriskjaw li ħsiebna jittappan, u biex insibu tweġiba faċli għal dak li ma nagħrfux nispjegawh, nispiċċaw biex inwaħħlu f’Alla. U bosta drabi, id-drawwa bla sens u kerha tad-dagħa, minn dan tinbet. Kemm drabi nwaħħlu fih għad-diżgrazzji li jiġru fid-dinja u Hu, minflok, iħallina dejjem ħielsa u ma jindaħalx, qatt ma jimponi ruħu, imma jibqa’ biss jurina lilu nnifsu; Hu li qatt ma juża l-vjolenza, anzi jsofri magħna! Infatti, Ġesù jirrifjuta u jikkritka l-idea li nwaħħlu f’Alla għall-ħażen tagħna: dawk in-nies li nqatlu minn Pilatu u dawk li mietu taħt it-tiġrif tat-torri ma kinux ħatja aktar minn oħrajn u lanqas huma vittmi ta’ xi Alla bla qalb u vendikattiv, li mank jeżisti! Il-ħażen qatt ma jista’ jiġi minn Alla għax Hu “ma mexiex magħna skont ma’ ħaqqhom ħtijietna” (Salm 103:10), imma skont il-ħniena tiegħu. Dan hu l-istil ta’ Alla. Ma jistax jimxi magħna mod ieħor. Dejjem jimxi magħna bil-ħniena.

Imma flok inwaħħlu f’Alla, jgħid Ġesù, hemm bżonn inħarsu fina nfusna: hu d-dnub li jġib il-mewt; huma l-egoiżmi tagħna li jkissru r-relazzjonijiet; huma l-għażliet żbaljati u vjolenti tagħna li jinċitaw il-ħażen. F’dan il-waqt il-Mulej joffri l-vera soluzzjoni. Liema hi? Il-konverżjoni: “jekk ma tindmux ilkoll tintilfu xorta waħda” (Lq 13:5). Hi stedina urġenti, speċjalment f’daż-żmien tar-Randan. Ejjew nilqugħa b’qalbna miftuħa. Nikkonvertu mill-ħażen, niċħdu d-dnub li jsaħħarna, ninfetħu għal-loġika tal-Evanġelju: għax fejn isaltnu l-imħabba u l-fraternità, il-ħażen m’għandux aktar setgħa!

Hu d-dnub li jġib il-mewt; huma l-egoiżmi tagħna li jkissru r-relazzjonijiet; huma l-għażliet żbaljati u vjolenti tagħna li jinċitaw il-ħażen

Iżda Ġesù jaf li l-konverżjoni mhix ħaġa ħafifa, u jrid jgħinna f’dan. Jaf li bosta drabi nerġgħu naqgħu fl-istess żbalji u fl-istess dnubiet; li naqtgħu qalbna, u aktarx, naħsbu li l-impenn tagħna fit-tajjeb hu fieragħ f’dinja fejn il-ħażen donnu jsaltan dejjem. U allura, wara l-appell tiegħu, itina l-kuraġġ permezz ta’ parabbola li tirrakkonta kemm Alla għandu paċenzja.  Għandna niftakru fil-paċenzja t’Alla, il-paċenzja li Alla jieħu bina. Joffrilna t-tixbiha farraġa tas-siġra tat-tin li ma tagħmilx frott fi żmienha, li iżda ma titqaċċatx: itiha aktar żmien, possibbiltà oħra. Inħobb naħseb li isem sabiħ li joqgħod lil Alla jkun “Alla li jagħti ċans ieħor”: dejjem itina opportunità oħra, dejjem dejjem. Hekk hi l-ħniena tiegħu. Hekk jagħmel magħna l-Mulej: ma jbarriniex minn imħabbtu, ma jaqtax qalbu, ma jegħjiex jerġa’ jtina l-fiduċja bil-ħlewwa. Ħuti, Alla jemmen fina! Alla jafda fina u jimxi magħna bil-paċenzja, il-paċenzja t’Alla magħna. Ma jaqtax qalbu imma dejjem jerġa’ jimliena bit-tama. Alla hu Missier u jħares lejk bħala missier: bħall-aħjar fost il-missirijiet, ma jħarisx lejn ir-riżultati li għadek ma ksibtx, imma lejn il-frott li għad tista’ tikseb; ma jżommx kont tan-nuqqasijiet tiegħek, imma jseddaq il-possibbiltajiet tiegħek; ma jibqax jimraħ fuq l-imgħoddi tiegħek, imma bil-fiduċja jemmen fil-ġejjieni tiegħek. Għax Alla jinsab qribna, Hu jinsab qrib tagħna. L-istil ta’ Alla – ma ninsewx: qrubija, Hu qrib bil-ħniena u t-tenerezza. Hekk jimxi magħna Alla: qrib, ħanin u mimli ħlewwa.

Għalhekk nitolbu lill-Verġni Marija biex timliena bit-tama u l-kuraġġ u tkebbes fina x-xewqa tal-konverżjoni.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Sfortunatament għadha għaddejja l-aggressjoni vjolenti kontra l-Ukrajna, massakru bla sens fejn ta’ kuljum qed iseħħu straġi u atroċitajiet. M’hemm ebda ġustifikazzjoni għal dan! Nitlob minn qiegħ qalbi lill-atturi kollha tal-komunità internazzjonali biex jimpenjaw ruħhom bis-serjetà ħalli jwaqqfu dil-gwerra diżgustanti.

Dil-ġimgħa wkoll, missili u bombi niżlu fuq nies ċivili, anzjani u ommijiet tqal. Mort inżur lit-tfal feruti li hawn f’Ruma. Wieħed driegħu nieqes, l-ieħor b’ġerħa f’rasu… Tfal innoċenti. Qed niftakar fil-miljuni ta’ refuġjati Ukrajni li jkollhom jaħarbu u jħallu kollox warajhom u nħoss niket kbir għal dawk li lanqas għandhom il-possibbiltà li jaħarbu. Tant nanniet, morda u foqra, mifrudin minn qrabathom, tant tfal u persuni fraġli jibqgħu hemm biex imutu taħt il-bombi, bla ma jista’ jkollhom għajnuna u li lanqas jistgħu jsibu kenn fix-xelters. Dan kollu hu diżuman! Anzi, hu wkoll sagrileġġ, għax jeħodha kontra s-sagralità tal-ħajja umana, fuq kollox, kontra l-ħajja umana bla difiża, li għandha tkun rispettata u mħarsa, mhux tisfa’ merquda, u dan jiġi qabel kull xorta ta’ strateġija! Ma ninsewx, hi krudeltà, diżumana u sagrileġa! Nitolbu fis-skiet għal dawk kollha li qed isofru.

Hu ta’ faraġ li naf li l-popolazzjoni li baqgħet taħt il-bombi mhix nieqsa mill-qrubija tar-ragħajja, li f’dawn il-jiem traġiċi qed jgħixu l-Evanġelju tal-karità u tal-fraternità. Dal-ġranet smajt lil xi wħud minnhom bit-telefown, kif huma qrib il-poplu t’Alla. Grazzi għeżież ħuti rġiel u nisa għal dix-xhieda u għas-sapport konkret li qed toffru bil-kuraġġ lil tant nies li jinsabu f’diperazzjoni! Qed niftakar ukoll fin-Nunzju Appostoliku, li għadu kif inħatar, Mons. Visvaldas Kulbokas, li sa mill-bidu tal-gwerra baqa’ fi Kyiv flimkien mal-kollaboraturi tiegħu u bil-preżenza tiegħu, ta’ kuljum qed iżomm lili qrib il-poplu martri tal-Ukrajna. Ejjew inkunu qrib dal-poplu, inħaddnuh bl-għożża u b’impenn konkret u bit-talb. U jekk jogħġobkom, ejjew ma nidrawx il-gwerra u l-vjolenza! Ma ngħejjew qatt nilqgħu bil-ġenerożità, kif qed isir: mhux biss issa, fl-emerġenza, imma wkoll fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Għax intom tafu li għall-ewwel ilkoll kemm aħna nagħmlu ħilitna biex nilqgħu, imma wara, nidraw u qlubna jibirdu xi ftit u ninsew. Niftakru f’dawn in-nisa, f’dawn it-tfal li maż-żmien, bla xogħol, mifrudin minn żwieġhom, se jibdew ifittxuhom “l-isqra spekulaturi” tas-soċjetà. Nipproteġuhom, jekk jogħġobkom.

Nistieden lil kull komunità u lil kull fidil biex jingħaqdu miegħi l-Ġimgħa 25 ta’ Marzu, Solennità tat-Tħabbira tal-Anġlu, biex nagħmlu att solenni ta’ konsagrazzjoni tal-umanità, speċjalment tar-Russja u tal-Ukrajna, lill-Qalb Immakulata ta’ Marija, sabiex Hi, is-Sultana tal-Paċi, ġġibilna l-paċi fid-dinja.

Insellem lilkom ilkoll Rumani u pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn pajjiżi oħra.  Insellem partikolarment lill-fidili minn Madrid, lill-grupp internazzjonali “Agorà ta’ dawk li jgħammru fl-art”, lit-tobba u dawk li jagħtu l-għajnuna fis-servizz tal-emerġenza 118, lit-Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku “Charis” – li hu l-uniku wieħed li għandu għarfien uffiċjali” mhux l-oħrajn, lill-membri tal-Moviment tal-Fokolari. Insellem lil Piccolo Coro tal-Antoniano ta’ Bologna flimkien mal-banda tal-Pulizija tal-Istat, il-kor ‘Ensemble Vox Cordis’ minn Fornovo, il-kor ‘San Vincenzo Grossi’ minn Pizzighettone, lill-adoloxxenti tal-istqarrija tal-fidi minn Angera, Sesto Calende u Ternate, lill-pellegrinaġġ mid-djoċesi ta’ Asti u lill-fidili minn Venezja u Sassari.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.

Sors: laikos.org