Waqt li Ġesù kien miexi, għaxar imġiddmin ġrew lejh jgħajtu: “Ikollok ħniena minna” (Lq 17:13). L-għaxra li huma ġew imfejqa, imma wieħed biss minnhom reġa’ lura biex jirringrazzja lil Ġesù: kien Samaritan, speċi ta’ eretiku f’għajnejn il-Lhud. Għall-bidu jimxu flimkien, imma mbagħad id-differenza jagħmilha dak is-Samaritan, li jerġa’ lura “jgħajjat u jfaħħar lil Alla” (v. 15). Ejjew nieqfu fuq dawn iż-żewġ aspetti li nistgħu nsibu fil-Vanġelu tal-lum: nimxu flimkien u rroddu ħajr.

Qabelxejn, nimxu flimkien. Għall-bidu tar-rakkont ma hemm ebda distinzjoni bejn is-Samaritan u d-disgħa l-oħra. Nisimgħu sempliċiment dwar għaxar imġiddmin, li huma grupp wieħed u, bla firda bejniethom, imorru jiltaqgħu ma’ Ġesù. Il-ġdiem, kif nafu, ma kienx biss pjaga fiżika – li llum ukoll irridu nħabirku biex neqirdu –, imma anki “marda soċjali”, għax f’dak iż-żmien minħabba l-biża’ tal-kontaminazzjoni l-imġiddmin kellhom jibqgħu barra mill-komunità (ara Lev 13:46). Allura ma setgħux jidħlu fiċ-ċentri fejn jgħixu n-nies, kienu jinżammu ’l bogħod, imwarrbin fit-truf tal-ħajja soċjali u saħansitra dik reliġjuża, iżolati. Mexjin flimkien, dawn l-imġiddmin juru l-karba tagħhom fil-konfront ta’ soċjetà li teskludihom. U ninnutaw tajjeb: is-Samaritan, anki jekk meqjus eretiku, “barrani”, jagħmel parti mill-grupp mal-oħrajn. Ħuti, il-mard u d-dgħufija komuni jwaqqgħu l-ħitan u jegħlbu kull esklużjoni.

Hi xbieha sabiħa għalina wkoll: jekk inkunu onesti magħna nfusna, niftakru li lkoll aħna morda fil-qalb tagħna, li aħna lkoll midinbin, kollha fil-bżonn tal-ħniena tal-Missier. U allura ma nibqgħux noħolqu firdiet bejnietna skont il-merti, ir-rwoli li għandna jew xi aspett ieħor esterjuri tal-ħajja, u hekk jaqgħu l-ħitan interjuri, jaqgħu l-preġudizzji. Hekk, sa fl-aħħar, nerġgħu niskopru li aħna aħwa. Anki Nagħman tas-Sirja – fakkarna l-Ewwel Qari –, imqar jekk kien għani u qawwi, biex ifiq kellu jagħmel ħaġa sempliċi: jinxteħet fix-xmara li fiha kienu jinħaslu l-oħrajn kollha. Qabelxejn kellu jinża’ l-armatura tiegħu, il-ħwejjeġ tiegħu (ara 2 Slat 5): kif jagħmel tajjeb lilna nneħħu l-armaturi tagħna ta’ barra, il-ħitan difensivi tagħna u nieħdu banju tajjeb ta’ umiltà, infakkru lilna nfusna li aħna lkoll dgħajfin minn ġewwa, kollha fil-bżonn tal-fejqan, kollha aħwa. Niftakruh dan: il-fidi Nisranija dejjem titlob minna li nimxu flimkien mal-oħrajn, u qatt li nimmarċjaw waħidna; dejjem tistedinna noħorġu minna nfusna lejn Alla u lejn ħutna, u qatt li ningħalqu fina nfusna; dejjem titlobna nagħrfu li aħna fil-bżonn tal-fejqan u tal-maħfra, u li naqsmu fid-dgħufija ta’ min hu qrib tagħna, mingħajr ma nħossuna superjuri.

Ħuti, ejjew naraw jekk f’ħajjitna, fil-familji tagħna, fil-postijiet fejn naħdmu u li niffrekwentaw ta’ kuljum, aħniex kapaċi nimxu flimkien mal-oħrajn, aħniex kapaċi nisimgħu, negħlbu t-tentazzjoni li ningħalqu wara l-ħitan tal-awtoreferenzjalità tagħna u li naħsbu biss fil-ħtiġijiet tagħna. Imma li nimxu flimkien – jiġifieri nkunu “sinodali” – hi wkoll il-vokazzjoni tal-Knisja. Nistaqsu lilna nfusna kemm aħna tassew komunitajiet miftuħa u inklużivi għal kulħadd; jekk aħniex kapaċi naħdmu flimkien, saċerdoti u lajċi, għas-servizz tal-Vanġelu; jekk għandniex atteġġjament li jilqa’ – mhux biss bit-tpaċpiċ imma b’ġesti konkreti – lil min hu mbiegħed u lil dawk kollha li jersqu lejna, u li jħossuhom mhux denji minħabba fil-mixjiet imqallba ta’ ħajjithom. Qed ngħinuhom iħossuhom parti mill-komunità jew neskluduhom? Tbeżżagħni li nara komunitajiet Insara li jaqsmu d-dinja f’tajbin u ħżiena, f’qaddisin u midinbin: hekk nispiċċaw inħossuna aħjar mill-oħrajn u naqtgħu barra tant persuni li Alla jrid iħaddan miegħu. Nitlobkom, inkludu dejjem, fil-Knisja kif ukoll fis-soċjetà, li għadha mmarkata minn tant diżugwaljanzi u emarġinazzjonijiet. Inkludu lil kulħadd. U llum, fil-jum li fih Scalabrini qed isir qaddis, nixtieq naħseb fil-migranti. Hi skandaluża l-esklużjoni tal-migranti! Anzi, l-esklużjoni tal-migranti hi kriminali, tħallihom imutu quddiem għajnejna. U għalhekk li llum għandna l-Mediterran li sar l-ikbar ċimiterju tad-dinja. L-esklużjoni tal-migranti hi diżgustanti, hi dnub kbir, hi kriminali, li ma tiftaħx il-bibien għal min hu fil-bżonn. “Le, aħna ma neskluduhomx, imma nkeċċuhom”: fil-lager, fejn huma abbużati u mibjugħa bħala lsiera. Ħuti, illum ejjew naħsbu fil-migranti tagħna, dawk li qed imutu. U dawk li kapaċi jidħlu, qed nilqgħuhom bħala aħwa jew qed nisfruttawhom? Inħallikom b’din il-mistoqsija biss.

It-tieni aspett hu rroddu ħajr. Fil-grupp tal-għaxar imġiddmin kien hemm wieħed biss li, meta ra li fieq, reġa’ lura biex ifaħħar lil Alla u juri gratitudni lejn Ġesù. Id-disgħa l-oħra fiequ, imma mbagħad telqu għal triqthom, u nsewh lil Dak li fejjaqhom. Ninsew il-grazzji li jagħtina Alla. Imma s-Samaritan jagħmel mid-don li rċieva l-bidu ta’ mixja ġdida: jirritorna għand Dak li fejqu, imur biex isir jaf lil Ġesù mill-qrib, jibda relazzjoni miegħu. Allura l-atteġġjament tiegħu ta’ gratitudni ma huwiex sempliċi ġest ta’ edukazzjoni, imma l-bidu ta’ mixja ta’ rikonoxxenza: hu jinxteħet f’riġlejn Kristu (ara Lq 17:16), jiġifieri jwettaq ġest ta’ qima: jagħraf li Ġesù huwa l-Mulej, u li hu iżjed importanti mill-istess fejqan li rċieva.

U din, ħuti, hi lezzjoni kbira għalina wkoll, li ta’ kuljum qed ingawdu mid-doni ta’ Alla, imma ta’ spiss nitilqu għal għonq it-triq tagħna u ninsew inżommu relazzjoni ħajja, reali miegħu. Kemm hi marda kerha spiritwali: li nieħdu kollox b’mod ovvju, anki l-fidi, anki r-relazzjoni tagħna ma’ Alla, u nispiċċaw insiru Nsara li ma jafux iżjed jistagħġbu, li ma jafux iżjed kif jgħidu “grazzi”, li ma jurux rikonoxxenza, li ma jafux jaraw l-għeġubijiet ta’ Alla. Insara medjokri, kif kienet tgħid waħda mara li kont naf. U hekk, nispiċċaw naħsbu li dak kollu li nirċievu ta’ kuljum huwa ovvju u dovut lilna. Min-naħa l-oħra l-gratitudni, li nkunu nafu ngħidu “grazzi”, dan iwassalna biex nistqarru l-preżenza ta’ Alla-mħabba. U anki nagħrfu l-importanza tal-oħrajn, negħlbu l-iskuntentizza u l-indifferenza li jaħbtu għal qalbna. Huwa fundamentali li nkunu nafu nirringrazzjaw. Ta’ kuljum, ngħidu grazzi lill-Mulej, ta’ kuljum nagħrfu ngħidu grazzi bejnietna: fil-familja, għal dawk il-ħwejjeġ żgħar li nirċievu xi kultant mingħajr nistaqsu mnejn ġew; fil-postijiet li niffrekwentaw ta’ kuljum, għal tant servizzi li ngawdu minnhom u għall-persuni li jweżnuna; fil-komunitajiet Insara tagħna, għall-imħabba ta’ Alla li nduqu permezz tal-qrubija tal-aħwa li spiss fis-skiet jitolbu, joffru, ibatu, jimxu magħna. Nitlobkom, ejjew ma ninsewx din il-kelma-muftieħ: grazzi! Ma ninsewx inħossu li għandna ngħidu “grazzi”!

Iż-żewġ qaddisin ikkanonizzati llum ifakkruna fl-importanza li nimxu flimkien u li nagħrfu rroddu ħajr. L-Isqof Scalabrini, li waqqaf żewġ Kongregazzjonijiet biex jieħdu ħsieb il-migranti, waħda maskili u waħda femminili, kien jgħid li fil-mixja komuni ta’ dawk li jemigraw ma rridux naraw biss problemi, imma anki pjan tal-Providenza: “Proprju grazzi għall-migrazzjonijiet imposti mill-persekuzzjonijiet”, kien jgħid, “il-Knisja qabżet il-konfini ta’ Ġerusalemm u ta’ Iżrael u saret ‘kattolika’; grazzi għall-migrazzjonijiet tal-lum il-Knisja tista’ tkun strument ta’ paċi u ta’ komunjoni bejn il-popli” (L’emigrazione degli operai italiani, Ferrara 1899). Hemm migrazzjoni, bħalissa, hawn fl-Ewropa, li qed iġġagħalna nbatu wisq u tqanqalna biex niftħu qalbna: il-migrazzjoni tal-Ukreni li qed jaħarbu mill-gwerra. Ma ninsewx illum lill-imsejkna Ukrajna! Scalabrini kien iħares iktar lil hemm, kien iħares ’il quddiem, lejn dinja u Knisja bla ħitan, bla barranin. Min-naħa tiegħu, is-Salesjan Artemide Zatti, fuq ir-rota tiegħu, kien eżempju ħaj ta’ gratitudni: imfejjaq mit-tuberkolożi, iddedika ħajtu kollha biex jagħmel il-ġid lill-oħrajn, biex jikkura l-morda bi mħabba u ħlewwa. Jirrakkontaw li lemħuh jerfa’ fuq spallejh il-ġisem mejjet ta’ wieħed mill-morda tiegħu. Mimli gratitudni għal dak li rċieva, ried jgħid il-“grazzi” tiegħu billi tgħabba bil-ġrieħi tal-oħrajn. Żewġ eżempji dawn.

Nitolbu lil dawn il-qaddisin ħutna jgħinuna nimxu flimkien, bla ħitan ta’ firda; u biex inrawmu dan il-kobor tar-ruħ tant mogħġub minn Alla li hu l-gratitudni.


L-Angelus

Qabel ma ntemmu din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, insellem u rrodd ħajr lilkom ilkoll li ġejtu biex tagħtu ġieħ lill-qaddisin il-ġodda. Insellem lill-kardinali, lill-isqfijiet, lis-saċerdoti, lill-persuni konsagrati, partikolarment lill-missjunarji rġiel u nisa ta’ San Carlo Borromeo u lill-aħwa Salesjani li jgħinuhom. Insellem b’rikonoxxenza lid-delegazzjonijiet uffiċjali.

Illum, fil-belt ta’ Fabriano se tkun beatifikata Maria Costanza Panas, soru Klarissa Kapuċċina, li għexet fil-monasteru ta’ Fabriano bejn l-1917 u l-1963, meta marret lejn is-sema. Kienet tilqa’ lil kull min iħabbat il-bieb tal-monasteru u kienet ixxerred f’kulħadd il-paċi u l-fiduċja. Fl-aħħar snin ta’ ħajjitha, meta kienet marida ħafna, kienet offriet it-tbatijiet tagħha għall-Konċilju Vatikan II, li pitgħada jaħbat is-60 anniversajru mill-ftuħ tiegħu. Il-Beata Costanza tgħinna biex ikollna dejjem il-fiduċja f’Alla u biex nilqgħu dejjem lill-proxxmu!

A propożitu tal-Konċilju, 60 sena ilu, ma nistgħux ninsew il-periklu ta’ gwerra nukleari li kienet qed thedded lid-dinja dak iż-żmien. Għaliex ma nitgħallmux mill-istorja? F’dak il-mument ukoll kien hemm kunflitti u tensjonijiet kbar, imma ntgħażlet it-triq tal-paċi. Fil-Bibbja hemm miktub: “Hekk jgħid il-Mulej: Ieqfu fit-toroq u ħarsu, staqsu għall-mogħdijiet ta’ dari, fejn hi t-triq it-tajba, u aqbdu lilha, u hekk issibu l-mistrieħ għal ruħkom” (Ġer:6,16).

Inwiegħed it-talb tiegħi għall-vittmi tal-vjolenza tal-ġenn li seħħet tlitt ijiem ilu fit-Tajlandja.  B’emozzjoni nħalli f’idejn Missier il-ħajja, partikolarment lit-tfal żgħar u l-familji tagħhom.

U issa nduru lejn il-Verġni Marija, sabiex tgħinna nkunu xhieda tal-Evanġelju mqanqlin mill-eżempju tal-qaddisin.