Għeżież ħuti!

Qabel intemm din iċ-ċelebrazzjoni nixtieq insellem lilkom ilkoll, partikolarment lill-pellegrini ġejjin minn diversi pajjiżi, fosthom għadd sabiħ ta’ żgħażagħ. Lil kulħadd, lil dawk ukoll li huma kollegati magħna permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni, nawguralkom il-Ġimgħa Mqaddsa t-tajba!

Jiena qrib l-għażiż poplu tal-Perù li għaddej minn mument diffiċli ta’ tensjoni soċjali. Qed nakkumpanjakom bit-talb u nħeġġeġ lin-naħat kollha biex bla telf ta’ żmien ifittxu soluzzjoni paċifika għall-ġid tal-pajjiż, speċjalment tal-aktar foqra, b’rispett lejn id-drittijiet ta’ kulħadd u tal-istituzzjonijiet.

Minn hawn u ftit ieħor se nduru lejn il-Madonna bit-talba tal-Angelus. Kien propju l-Anġlu tal-Mulej li, waqt it-Tħabbira lil Marija qalilha: “Għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1:37). Xejn mhu impossibbli għal Alla. Anki li jwaqqaf gwerra li mhux qed naraw li se tintemm. Gwerra li ta’ kuljum qed iġġib quddiem għajnejna straġi ta’ ħruxija bla qies u krudeltajiet atroċi fuq nies ċivili bla difiża. Nitolbu għal dan.

Ninsabu fil-jiem ta’ qabel l-Għid. Qed inħejju ruħna biex niċċelebraw ir-rebħa tal-Mulej Ġesù Kristu fuq il-mewt u fuq id-dnub. Fuq id-dnub u fuq il-mewt mhux fuq wieħed kontra xi ħaddieħor. Imma llum hawn il-gwerra. Għaliex iridu nirbħu hekk, bil-mod tad-dinja? B’hekk hemm biss telf! Għax ma nħallux lilu jirbaħ? Kristu ġarr is-salib biex jeħlisna mill-jasar tal-ħażen. Miet biex isaltnu l-ħajja, l-imħabba, il-paċi.

Sikktu l-armi! Ħalli jinbeda waqfien mill-ġlied għall-Għid, imma mhux biex nikkargaw l-armi mill-ġdid u nerġgħu nibdew nitqabdu, le! Waqfien mill-ġlied biex naslu għall-paċi, permezz ta’ negozjat veru, disposti wkoll għal xi sagrifiċċju għall-ġid tan-nies. Infatti x’rebħa tkun dik li ttella’ bandiera fuq borġ tifrik?

Għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir. Nintelqu f’idejh bl-interċessjoni tal-Verġni Marija.