Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Illum l-Evanġelju tal-Liturġija jkellimna dwar Alla permezz tat-tixbiha taż-żerriegħa (ara Mk 4:26-34). Ġesù juża din is-similitudni diversi drabi (ara Mt 13:1-23; Mk 4:1-20; Lq 8:4-15), u llum jagħmel dan billi jistedinna nirriflettu partikolarment dwar atteġġjament importanti marbut mat-tixbiha taż-żerriegħa, u l-atteġġjament hu l-istennija fiduċjuża.
Infatti, waqt iż-żergħa, minkejja li l-bidwi jferrex żerriegħa tajba u abbundanti, iħejji kemm iħejji l-art, il-pjanti ma jinbtux mill-ewwel: jieħdu ż-żmien u hemm bżonn il-paċenzja! Għalhekk jeħtieġ li wara li jkun żera’, hu jagħraf jistenna bil-fiduċja, biex iħalli ż-żerriegħa tiftaħ fil-ħin tagħha u biex il-barma tinfed l-art u tikber, b’saħħitha biżżejjed biex fl-aħħar tagħti frott abbundanti (ara vv. 28-29). Taħt l-art diġà qed jissawwar il-miraklu (v. 27),, hemm żvilupp enormi li iżda, ma jidhirx, hemm bżonn il-paċenzja u fl-istess ħin hemm bżonn tkompli l-kura tal-irqajja, tieħu ħsiebhom u żżommhom nodfa, minkejja li fil-wiċċ donnu jidher li ma jkun qed jiġri xejn.
Is-Saltna t’Alla l-istess. Il-Mulej iqiegħed fina ż-żerriegħa tal-Kelma tiegħu u tal-grazzja tiegħu, żerriegħa tajba u abbundanti, imbagħad, bla ma qatt jieqaf jakkumpanjana, jistenna bil-paċenzja. Il-Mulej ikompli jieħu ħsiebna, bil-fiduċja ta’ Missier, imma jtina ż-żmien – il-Mulej paċenzjuz – sabiex iż-żerriegħa tiftaħ, tikber u tiżviluppa sa ma’ tagħti l-frott tal-opri tajba. Dan għaliex irid li fl-għalqa tiegħu ma jintilef xejn, li kollox jasal għall-maturazzjoni sħiħa; irid li lkoll kemm aħna nikbru bħaż-żbul miżgħuda bil-qamħ.
Mhux biss. Meta jagħmel dan, il-Mulej itina eżempju: jgħallem lilna wkoll niżirgħu l-Evanġelju bil-fiduċja kull fejn inkunu, imbagħad nistennew li ż-żerriegħa miżrugħa tikber u tagħmel il-frott fina u fl-oħrajn, bla ma naqtgħu qalbna u bla ma nieqfu nwieżnu lil xulxin u ngħinu lil xulxin ukoll fejn, minkejja l-isforzi, jidhrilna li mhux qed naraw riżultati minnufih!
Għalhekk nistgħu nsaqsu lilna nfusna: il-Kelma nħalliha tinżera’ fija? Min-naħa tiegħi, niżra’ bil-fiduċja l-Kelma t’Alla fl-ambjenti fejn ngħix? Għandi paċenzja nistenna, jew naqta’ qalbi għax ma narax riżultati mill-ewwel? Naf inħalli kollox f’idejn il-Mulej bis-serenità, waqt li nagħmel ħilti kollha biex inħabbar l-Evanġelju?
Il-Verġni Marija li laqgħet u kabbret fiha ż-żerriegħa tal-Kelma, tgħinna nkunu nies li niżirgħu l-Evanġelju bil-ġenerożità u bil-fiduċja.
Wara l-Anġelus
Għeżież ħuti,
Ilbieraħ, fi Krakovja, Michele Rapacz, saċerdot u martri, ragħaj skont il-qalb ta’ Kristu, xhud fidil u ġeneruz tal-Evanġelju li sofra l-persekuzzjoni nażista u komunista, u wieġeb billi ta ħajtu, kien iddikjarat beatu. Applaws lill-Beatu l-ġdid!
Għadhom qed jaslu aħbarijiet ta’ niket dwar kunflitti u massakri li qed iseħħu fil-parti orjentali tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Nagħmel appell lill-Awtoritajiet nazzjonali u lill-Komunità Internazzjonali, sabiex isir dak kollu possibbli biex tieqaf il-vjolenza u biex tkun imħarsa l-ħajja tan-nies ċivili. Fost il-vittmi hemm insara li nqatlu minħabba l-mibgħeda lejn il-fidi. Is-sagrifiċċju tagħhom hu żerriegħa li ġġelben u tagħmel il-frott, u tgħallimna nkunu xhieda tal-Evanġelju bil-kura u l-koerenza.
M’għandna nehdew qatt nitolbu għall-paċi fl-Ukrajna, fl-Art Imqaddsa, fis-Sudan, fil-Myanmar u kull fejn hemm it-tbatija minħabba l-gwerra.
Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini! Insellem partikolarment lill-fidili mil-Libanu, mill-Eġittu u minn Spanja; lill-istudenti tal-“London Oratory School”; lil dawk mid-djoċesi ta’ Opole fil-Polonja u lil dawk minn Budapest-Albertfalva; lill-parteċipanti tal-Forum Ewropew tal-Lajċi bit-tema “Fidi, arti u sinodalità”; u lill-grupp tal-ommijiet tal-komunità kattolika mill-Congo li joqgħodu f’Ruma. Dawn l-ommijiet ikantaw tajjeb ħafna! Nieħu gost nerġa’ nismagħhom darb’oħra.
Insellem lill-fidili minn Carini, Catania, Siracusa e Messina; lill-adoloxxenti minn Castelsardo (Sassari), minn Bolgare (Bergamo) u minn Camin (Padova); u fl-aħħar, kelma ta’ gratitudni tmur lejn dawk li jagħtu d-demm li għadhom kif iċċelebraw il-Jum Nazzjonali tagħhom.
Insellem lilkom ilkoll u nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. U jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org