Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (Mk 12:28-34) ikellimna dwar waħda mill-bosta diskussjonijiet li kellu Ġesù fit-tempju ta’ Ġerusalemm. Wieħed mill-iskribi jersaq lejh u jsaqsih:”Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha hu l-ewwel?” (v. 28). Ġesù jwieġeb billi jgħaqqad flimkien żewġ kelmiet fundamentali tal-liġi ta’ Mosè” “ħobb lill-Mulej Alla tiegħek” u “ħobb lil għajrek” (vv. 30-31)
Bil-mistoqsija tiegħu l-iskriba qed ifittex “l-ewwel” wieħed fost il-kmandamenti, jiġifieri l-prinċipju li hemm fis-sies tal-kmandamenti kollha; il-Lhud kellhom bosta preċetti u kienu jfittxu l-bażi tagħhom, wieħed li kien fundamentali; kienu jippruvaw isibu qbil dwar wieħed fundamentali, u kienu jiddiskutu dan bejniethom, diskussjonijiet tajbin għax kienu jfittxu l-verità. U dil-mistoqsija hi essenzjali għalina wkoll, għal ħajjtina u għall-mixja tal-fidi tagħna. Infatti, aħna wkoll kultant inħossuna mifxulin minħabba l-bosta mistoqsijiet li jaqgħu f’moħħna: imma wara kollox liema hi l-aktar ħaġa importanti fost kollox? Fejn nista’ nsib iċ-ċentru ta’ ħajti, tal-fidi tiegħi? Ġesù jtina t-tweġiba, jgħaqqad dawn iż-żewġ kmandamenti li huma l-ewlenin: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek” u “ħobb lill-proxxmu tiegħek”. U dan ftit jew wisq hu r-ruħ tal-fidi tagħna.
Ilkoll kemm aħna – nafuha – għandna bżonn induru lura lejn ir-ruħ tal-ħajja u tal-fidi għax il-qalb hi “l-għajn u l-għerq tal-forzi u l-konvinzjonijiet l-oħrajn kollha” (Enċ. Dilexit Nos, 9). U Ġesù jgħidilna li l-għajn ta’ kollox hi l-imħabba, li qatt m’għandna nifirdu lil Alla u l-bniedem. Lid-dixxiplu ta’ kull żmien il-Mulej jgħidlu: l-aktar li jgħodd fil-mixja tiegħek mhumiex id-drawwiet esterjuri, bħalma huma l-olokawsti u s-sagrifiċċji(v. 33), imma d-dispożizzjoni tal-qalb li biha inti tinfetaħ għal Alla u għall-aħwa bl-imħabba. Infatti, ħuti, ma nistgħux nagħmlu ħafna affarijiet, u nagħmluhom għalina nfusna biss u mingħajr imħabba, dan mhux sew; nagħmluhom b’qalb distratta inkella b’qalb magħluqa, dan mhux sew. Kollox għandu jsir bl-imħabba.
Il-Mulej jiġi u qabel kollox isaqsina dwar l-imħabba: ‘Kif ħabbejt?” Importanti għalhekk li fi qlubna nittimbraw il-kmadament l-aktar importanti. Liema hu? Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek u lill-proxxmu bħalek innifsek. U kuljum nagħmlu l-eżami tal-kuxjenza u nsaqsu lilna nfusna: l-imħabba t’Alla u tal-proxxmu huma ċ-ċentru ta’ ħajti? It-talb tiegħi lil Alla jħeġġiġni biex nersaq lejn l-aħwa u nħobbhom bil-gratwità? Fil-wiċċ tal-oħrajn nagħraf il-preżenza tal-Mulej?
Il-Verġni Marija li fil-qalb immakulata tagħha kellha stampata l-liġi t’Alla, tgħinna nħobbu lill-Mulej u lill-ħutna.
Wara l-Angelus
Insellmilkom ilkoll, Rumani u Pellegrini mill-Italja u minn pajjiżi oħra!
Insellem lis-Sorijiet Karmelitani Missjunarji tal-Ispirtu s-Santu li qed jiċċelebraw il-25 sena tal-Fraternità sekulari tagħhom; insellem lill-fidili minn Venezja, Pontassieve, Barberino del Mugello, Empoli u Palermo, u ta’ Santa Maria alle Fornaci f’Ruma; kif ukoll lill-adoloxxenti minn Catanzaro flimkien mal-edukaturi parrokkjali tagħhom.
Insellem lid-donaturi tad-demm minn Coccaglio (Brescia); lill-grupp Emergency ta’ Roma Sud, li għandu l-impenn li jfakkar l-Artiklu 11 tal-Kostituzzjoni Taljana li jgħid: “L-Italja tiċħad il-gwerra bħala strument ta’ offiża għal-libertà tal-popli l-oħra u bħala mezz biex issolvi kontroversji internazzjonali”. Ftakruh dan l-artiklu! Avanti!
U jalla dal-prinċipju jattwa ruħu fid-dinja kollha: il-gwerra għandha tkun imwarrba għal kollox u l-kwistjonijiet għandhom ikunu affrontati fid-dawl tad-dritt u bin-negozjati. Għandhom jissiktu l-armi biex jeħdilhom posthom id-djalogu. Nitolbu għall-Ukrajna mifluġa, għall-Palestina, għal-Iżrael, għall-Myanmar, għas-Sudan t’Isfel.
U nkomplu nitolbu għal Valencia u għall-komunitajiet l-oħra ta’ Spanja, li qed isofru ħafna f’dal-ġranet. X’nagħmel jien għan-nies ta’ Valencia? Nitlob? Noffri xi ħaġa? Aħsbu ftit f’dil-mistoqsija.
U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.