Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Illum qed niċċelebraw is-Solennità ta’ Tlugħ tal-Verġni Marija fis-Sema, u fl-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum nikkuntemplaw liż-żgħażugħa ta’ Nazaret, li malli rċeviet it-tħabbira mill-Anġlu, telqet fi vjaġġ biex tmur iżżur lil kuġinitha.
Sabiħa din l-espressjoni tal-Evanġelju: “marret tħaffef” (Lq 1,39). Ifisser li Marija ma tqisx li hu xi privileġġ l-aħbar li taha l-Anġlu, imma, għall-kuntrarju, toħroġ mid-dar u titlaq għal vjaġġ, bil-ħeffa ta’ min irid iħabbar dak il-ferħ lill-oħrajn u bil-premura li tkun ta’servizz għall-kuġina.
Fir-realtà dan l-ewwel vjaġġ hu metafra ta’ ħajjitha kollha, għax minn dak il-ħin Marija tibqa’ dejjem f’mixja: dejjem timxi fis-sekwela ta’ Ġesù, bħala dixxiplu tas-Saltna. U fl-aħħar, il-pellegrinaġġ tagħha jintemm bit-Tlugħ fis-Sema fejn, flimkien ma’ Binha, tgawdi għal dejjem l-hena tal-ħajja bla tmiem.
Ħuti, m’għandniex nimmaġinaw lil Marija qiesha “xi statwa ċassa tax-xama’”, imma fiha aħna nistgħu nilmħu lil oħtna… bil-qorq imqatta’… u b’tant għejja” (C. Carretto, Imbierka int li emmint, Ruma 1983, p. 13), minħabba li hi mxiet wara l-Mulej u lejn ħutha, biex temmet il-vjaġġ tagħha fil-glorja tal-Ġenna. Hekk, il-Verġni Marija hi dik li waslet qabilna fil-mixja – Hi qabilna – u tfakkarna lkoll li ħajjitna wkoll hi vjaġġ, vjaġġ li jibqa’ għaddej sa ma jilħaq ix-xefaq tal-laqgħa definittiva. Nitolbu lill-Madonna tgħinna f’dal-vjaġġ lejn il-laqgħa tagħna mal-Mulej.
Wara l-Anġelus
Għeżież ħuti!
Għal darb’oħra nixtieq nafda f’idejn Marija Reġina, li llum qed nikkuntemplawha fil-glorja tas-Sema, l-ansjetajiet u l-uġigħ tal-popolazzjonijiet li f’tant inħawi tad-dinja qed ibatu minħabba tensjonijiet soċjali u gwerer. Niftakar b’mod partikolari fl-Ukrajna martirizzata, fil-Lvant Nofsani, fil-Palestina, f’Iżrael, fis-Sudan u fil-Myanmar. Jalla Ommna Ċelesti taqla’ l-grazzja tal-faraġ għal kulħadd u ġejjieni ta’ serenità u konkordja!
Qed inkompli nsegwi bi tħassib kbir is-sitwazzjoni umanitarja mill-aktar gravi f’Gaża u għal darb’oħra nitlob li jieqaf il-ġlied fuq il-fruntieri kollha, jinħelsu l-ostaġġi u l-popolazzjoni mifnija jkollha l-għajnuna meħtieġa. Ninkoraġġixxi lil kulħadd biex jagħmel kull sforz sabiex il-kunflitt ma jinfirixx u biex iterrqu t-toroq tan-negozjati ħalli din it-traġedja tintemm malajr! Ma ninsewx: il-gwerra hi telfa.
Ħsiebi jdur ukoll lejn il-Greċja li dawn l-aħħar jiem qed titqabad ma’ nirien kbar li qed jeqirdu l-majjistral ta’Ateni. Għexieren ta’ eluf diġà sfaw evakwati, bosta familji spiċċaw mingħajr dar, eluf ta’ persuni jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ inkonvenjenzi terribbli u, minbarra d-danni materjali bla qies, hemm ukoll diżastru ambjentali. Nitlob għall-vittmi u għall-feruti, niżgura l-qrubija tiegħi ma’ kulmin hu sfinit b’riżultat ta’ dan l-episodju gravi ninsab kunfidenti li s-solidarjetà komuni ttihom l-għajnuna li għandhom bżonn.
U nsellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini ġejjin minn diversi pajjiżi, partikolarment l-iScouts AGESCI minn Cornedo Vicentino, u lill-adoloxxenti tal-Immacolata. Irroddilkom ħajr tal-preżenza tagħkom; mawguralkom il-festa tal-Assunta t-tajba u, jekk jogħġobkom, ħuti, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org