Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum joffrielna l-parabbola tal-qamħ u s-sikrana (cfr Mt 13,24-43).  Bidwi li ferrex żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu, jiskopri li xi għadu żera’ wkoll is-sikrana matul il-lejl, pjanta li tixbaħ ħafna l-qamħ, imma tinfesta.

B’dal-mod, Ġesù qed jitkellem dwar id-dinja tagħna, li fil-fatt tixbaħ għalqa kbira, fejn Alla jiżra’ l-qamħ u l-malinn is-sikrana, b’hekk jikbru flimkien kemm it-tajjeb u wkoll il-ħażen.  It-tajjeb u l-ħażen jikbru flimkien.  Naraw dan mill-aħbarijiet, fis-soċjetà, fil-familja wkoll u fil-Knisja.  U meta flimkien mal-qamħ it-tajjeb, nindunaw bil-ħaxix ħażin, jiġina li nqaċċtuh minnufih, li “nikinsu kollox”.  Iżda llum il-Mulej iwissina li dan hu frott ta’ tentazzjoni: mhux possibbli tinħoloq dinja perfetta, u ma jistax isir il-ġid billi dak li mhux sejjer sew naqbdu u nqaċċtuh kif ġieb u laħaq, għax l-effetti jistgħu jkunu agħar; nispiċċaw  – kif jingħad – biex “narmu t-tarbija flimkien mal-ilma maħmuġ” (throw away the baby with the bathwater).

Però hemm għalqa oħra fejn nistgħu nagħtu tindifa: l-għalqa ta’ qalbna, l-unika għaqla li fiha nistgħu nintervjenu direttament.  Hemmhekk ukoll hemm il-qamħ u s-sikrana, anzi propju minn hemm, dawn jinfirxu fl-għalqa l-kbira, fid-dinja.  Ħuti, qalbna infatti, hi l-għalqa tal-libertà: mhux laboratorju sterilizzat imma spazju miftuħ u għalhekk vulnerabbli. Biex nikkoltivawha kif jixraq, min-naħa hemm bżonn nieħdu ħsieb b’attenzjoni ż-żerriegħa tat-tajjeb, mill-oħra nagħrfu u nqaċċtu l-pjanti li jinfestaw, fil-mumet it-tajjeb.  Allura nħarsu fina nfusna u neżaminaw ftit x’qed jiġri, x’qed jikber fija, x’inhu t-tajjeb jew il-ħażin li qed jikber fija.  Hemm metodu sabiħ biex nagħmlu dan: dak li nsejħulu ‘l-eżami tal-kuxjenza’, li neżamina kulma għadda minn ħajti matul il-ġurnata, x’laqatli ‘l qalbi u liema deċiżjonijiet ħadt. U dan iservi biex, fid-dawl ta’ Alla, niċċekkjaw fejn jinsab il-ħaxix ħażin u fejn hemm iż-żerriegħa t-tajba.

Wara l-għalqa tad-dinja u l-għalqa tal-qalb hemm għalqa oħra. Nistgħu nsejħulha l-għalqa tal-ġirien tagħna.  Huma l-persuni li niltaqgħu magħhom kuljum u li spiss niġġudikawhom.  Kemm hu ħafif għalina nagħrfu s-sikrana tagħhom, kemm inħobbu “nqaxxru” lill-oħrajn!!  Iżda kemm hi iebsa naraw il-qamħ it-tajjeb li qed jikber fihom! Però niftakru li jekk irridu nikkultivaw l-għelieqi tal-ħajja, importanti li qabel kollox infittxu l-opra t’Alla: nitgħallmu kif fl-oħrajn, fid-dinja, fihom innifishom, naraw is-sbuħija li żera’ l-Mulej, il-qamħ imbewwes mix-xemx biż-żbul dehbieni. Ħuti, nitolbu l-grazzja li nagħrfu dan fina u fl-oħrajn ukoll, u nibdew minn dawk li għandna madwarna.  Mhux ħarsa inġenwa, iżda ħarsa ta’ emmna, għax Alla, il-bidwi tal-għalqa l-kbira tad-dinja, jħobb jara t-tajjeb u jkabbru sakemm mill-ħsad jagħmel festa!

Allura llum ukoll nistgħu nagħmlu xi ftit mistoqsijiet lilna nfusna.  Aħna u naħsbu fl-għalqa tad-dinja: naf negħleb it-tentazzjoni “li nitfa’ kollox f’keffa waħda”, li bil-ġudizzji tiegħi lill-oħrajn niknishom kinsa sewwa? Imbagħad, aħna u naħsbu fl-għalqa ta’ qalbna: jien onest miegħi innifsi meta nfittex il-ħaxix ħażin? Jien narmih b’rieda soda fin-nar tal-ħniena t’Alla?  U, jien u naħseb fl-għalqa tal-ġirien: għandi l-għerf nagħraf dak li hu tajjeb bla ma nħalli l-limitazzjonijiet u t-tkaxkir ta’ ħaddieħor jiskoraġġini?

Il-Verġni Marija tgħinna nikkultivaw bil-paċenzja dak li l-Mulej jiżra’ fl-għalqa tal-ħajja, fl-għalqa tiegħi, f’dik tal-ġâr fl-għalqa ta’ kulħadd.

Sors: laikos.org