Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb! 

Illum, ir-raba’ u l-aħħar Ħadd tal-Avvent, il-liturġija tippreżentalna l-figura ta’ San Ġużepp (cfr Mt 1,18-24).  Hu bniedem ġust, li wasal biex jiżżewweġ.  Nistgħu nimmaġinaw x’kien qed joħlom dwar il-ġejjieni tiegħu: familja sabiħa, mara ta’ għożża u tant ulied bravi, u xogħol dinjituż: ħolm sempliċi imma tajjeb, ħolm tan-nies sempliċi u twajbin. F’daqqa waħda, però, dan il-ħolma titfarrak minħabba skoperta soprendenti: Marija, l-għarusa mwiegħda, qed tistenna tarbija, u dit-tarbija mhix tiegħu!  X’qatt seta’ ħass Ġużeppi?  Konfużjoni, niket, fixla, forsi ħassu irritat u deluż ukoll….  Ġarrab il-piż li jħoss id-dinja li qed taqa’ fuqu!  U x’jista’ jagħmel?

Il-Liġi ttih żewġ possibbiltajiet.  L-ewwel li jiddenunzja lil Marija u jġiegħlha tħallas il-prezz tal-infedeltà mistħajla.  It-tieni kienet li jħassar l-għerusija bil-moħbi, mingħajr ma jxandar l-iskandlu ta’ Marija li l-konsegwenzi tiegħu kienu iebsin ħafna, u b’hekk jitgħabba hu bil-piż tal-mistħija. Ġużeppi jagħżel dit-tieni triq, it-triq tal-ħniena.  U hekk hu, li fl-eqqel tal-kriżi, waqt li kien jaħseb u jipprova jifhem dan kollu, Alla jixgħellu f’qalbu dawl ġdid: f’ħolma jħabbarlu li l-maternità ta’ Marija mhix frott ta’ tradiment, imma hi l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, u t-tarbija li se titwieled hija s-Salvatur (cfr vv. 20-21); Marija kellha tkun omm il-Messija u hu (Ġużeppi) kellu jkun il-kustodju ta’ binha. Meta qam, Ġużeppi fehem li l-akbar ħolma ta’ kull Lhudi – li jkun missier il-Messija – qed isseħħ fih b’mod assolutament mhux mistenni.

Infatti, biex seħħ dan ma kienx biżżejjed li hu kien ġej min-nisel ta’ David u kien josserva l-liġi bir-reqqa, imma kellu jafda għal kollox f’Alla, jilqa’ lil Marija u lil binha b’mod differenti għal kollox minn kif kien qed jimmaġina, differenti minn kif kien isir minn dejjem.  Fi kliem ieħor Ġużeppi kellu jinsa ċ-ċertezzi ta’ serħan ir-ras, jinsa’ l-pjanijiet perfetti tiegħu, l-aspettattivi leġittimi tiegħu u jinfetaħ għall-misteru tal-ġejjieni. U quddiem Alla, li jħawwad il-pjanijiet tagħna u jitlob minna l-fiduċja, Ġużeppi jwieġeb iva.  Il-kuraġġ ta’ Ġużeppi huwa erojku u jitwettaq fis-skiet: il-kuraġġ tiegħu hu li jafda, jafda, jilqa’ u huwa lest (disponibbli), ma jitlob ebda garanzija oħra. 

Ħuti, x’jgħid lilna Ġużeppi llum? Aħna wkoll għandna l-ħolm tagħna, forsi fi żmien il-Milied naħsbu aktar dwaru, nitkellmu bejnietna dwaru. Forsi nitnikktu minħabba ħolm li ġġarraf u naraw li l-aħjar stennija tagħna dejjem trid tħabbat wiċċha ma’ sitwazzjonijiet mhux mistennija, skunċertanti.  U meta jiġrilna dan, Ġużeppi jurina t-triq: ma nistgħux ngħakksu lilna nfusna b’sentimenti negattivi bħalma huma r-rabja u l-għeluq, din it-triq hi żbaljata!  Minflok, hemm bżonn li wieħed jilqa’ s-sorpriżi tal-ħajja, u l-kriżijiet ukoll, b’ċerta attenzjoni: meta nkunu ninsabu fi kriżi hemm bżonn ma nagħmlux għażliet għaġġilija, skont l-istint, iżda ngħaddu kollox mill-għarbiel, kif għamel Ġużeppi, “inqisu kollox” (cfr v. 20) u nserrħu fuq il-kriterju essenzjali: il-ħniena t’Alla.  Meta l-kriżi ngħixuha bla ma nċedu għall-għeluq, għar-rabja, għall-biża’, imma minflok, nħallu l-bieb miftuħ għal Alla, Hu jkun jista’ jidħol fl-azzjoni.  Hu espert biex il-kriżi jittrasformaha f’ħolma: iva, il-kriżijiet Alla jiftħilhom perspettivi ġodda, li aħna ma konniex nimmaġinawhom qabel, forsi mhux skont l-istennija tagħna, imma kif jaf Hu. U, ħuti, dawn huma l-ixqfa ta’ Alla: soprendenti, imma l-wisa’ tagħhom hu bla tarf u ferm isbaħ minn tagħna!  Il-Verġni Marija tgħinna nibqgħu ngħixu miftuħin għas-sorpriżi t’Alla.

Sors: laikos.org