Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-lum ikellimna dwar żewġ ulied li missierhom talabhom imorru jaħdmu fl-għalqa tad-dwieli (Mt 21,28-32). Wieħed minnhom jgħid “iva” minnufih iżda ma jmurx. L-ieħor jgħid “le”, imbagħad jindem u jmur.
X’nistgħu ngħidu dwar l-imġieba ta’ dawn it-tnejn? Mill-ewwel jiġi f’moħħna li x-xogħol fl-għalqa tad-dwieli jitlob sagrifiċċju u biex wieħed jissagrifika ruħu fiha prezz, mhix ħaġa spontanja minkejja s-sbuħija tal-fatt li aħna wlied u werrieta. Iżda hawn, il-problema mhix tant marbuta mar-reżistenza jekk imorrux jaħdmu fl-għalqa jew le, imma s-sinċerità jew in-nuqqas tagħha quddiem il-missier u quddiemhom infushom. Infatti, ħadd miż-żewġ ulied ma ġab ruħu b’mod impekkabbli, tal-ewwel ġideb filwaqt li l-ieħor żablja, imma baqa’ sinċier.
Inħarsu lejn l-iben li qal “iva”, imbagħad ma marx. Hu ma jridx jagħmel ir-rieda ta’ missieru, imma lanqas irid jiddiskuti jew jitkellem dwar dan l-atteġġjament. Hekk, jinħeba wara l-“iva”, wara approvazzjoni falza li qed taħbi l-għażż tiegħu u għal waqt qed issalvalu wiċċu, huwa ipokrità. Jgħaddieha lixxa bla ebda kunflitt, imma jgħaddi ż-żmien u jiddiżapputa lil missieru, jonqsu mir-rispett ferm agħar milli kien jagħmel kieku qabad u qal dritt, dritt, “le”. Il-problema ta’ bniedem li jġib ruħu hekk hi li ma jkunx biss midneb imma wkoll korrott, għax jigdeb bla problemi biex jgħatti u jaħbi d-diżubbidjenza tiegħu, bla ma jaċċetta ebda djalogu jew konfront onest.
Iżda l-iben l-ieħor, dak li jgħid “le”, imma mbagħad imur, hu sinċier. Mhux perfett imma sinċier. Ċertament kien ikun isbaħ kieku rajnieh jgħdi “iva” mill-ewwel. Mhux hekk għamel, imma tal-anqas juri b’mod spontanju u f’ċertu sens kuraġġuż, ir-riluttanza tiegħu. Jiġifieri, jerfa’ r-responsabbiltà ta’ mġiebtu u jaġixxi fid-dawl tax-xemx. Imbagħad, b’din l-onestà fundamentali, jispiċċa biex jiddubita minnu nnifsu, jasal jifhem li żbalja u jerġa’ lura. Nistgħu ngħidu għalhekk li hu midneb imma mhux korrott. Isimgħuha sewwa din: dan hu midneb imma mhux korrott. Għax għall-midneb dejjem hemm it-tama tas-salvazzjoni; iżda għall-korrott dan hu aktar diffiċli. Infatti l-“iva” foloz tiegħu, il-bixra eleganti imma ipokrita u l-falsità, li fih saru drawwa, jixbħu “ħajt oħxon tal-lasktu”, li hu jinħeba warajh kull meta tniggżu l-kuxjenza. U dawn l-ipokriti jagħmlu tant ħsara! Ħuti, midinbin iva – ilkoll kemm aħna – korrotti le! Midinbin iva, korrotti le!
Nagħtu issa ħarsa fina nfusna u fid-dawl ta’ dan kollu, nagħmlu xi ftit mistoqsijiet. Quddiem l-iebes li ġġib magħha ħajja onesta u ġeneruża, ta’ impenn skont ir-rieda tal-Missier, jien lest ngħid “iva” kuljum tiswa x’tiswa? U meta ma nasalx, jien niddiskuti sinċerament id-diffikultajiet ma’ Alla, il-waqgħat tiegħi, id-dgħufijiet tiegħi? U meta ngħid “le”, wara nerġa lura? Nitkellmu mal-Mulej dwar dan. Meta niżbalja lest nindem u ndawwar ir-rotta? Jew ngħamel tabirruħi qisu ma ġara xejn u ngħix imlibbes maskra, moħħi biss biex nidher “bravu” u tajjeb? Fl-aħħar mill-aħħar, jien midneb bħal kulħadd, jew fija hemm xi ħaġa korrotta? Tinsewhiex din: midinbin iva, korrotti le.
Il-Madonna, mera tal-qdusija, tgħinna nkunu nsara sinċieri.
Sors: laikos.org