L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Arani, se nibgħat anġlu quddiemek biex iħarsek fit-triq, u jwasslek fil-post li jien hejjejt” (Eż 23:20). Dan hu li naqraw fil-ktieb tal-Eżodu llum, u dan hu prattikament l-istess kliem li nsibuh imbagħad fis-Salm li għadna kif tlabna: “L-anġli tiegħu jibgħatlek biex iħarsuk fi triqatek kollha” (Salm 91:11).

Għandna hawnhekk it-tifsira tat-tifkira li qed nagħmlu llum – it-tifkira tal-anġli kustodji mqaddsa. Fl-anġlu kustodju aħna naraw dak li Alla jibgħat lilna biex iħarisna, jeħlisna “mix-xibka tan-nassab” (Salm 91:3), jipproteġina. Għalhekk “kustodju”. Hu espressjoni tal-imħabba kbira ta’ Alla lejna, li mhux ’il bogħod minna, jew maqtugħ minna, imma jrid jakkumpanjana fil-mixja ta’ ħajjitna u jipproteġina.

L-anġlu kustodju jesprimi din il-viċinanza ta’ Alla u l-protezzjoni tiegħu. Illum, fil-Ftuħ tas-Sena Forensi, se nitlob lill-Mulej għal kull wieħed u waħda minnkom biex iħariskom fit-triq tal-ħajja, u biex intom tħossu din il-protezzjoni tiegħu.

Minn xiex jipproteġikom il-Mulej? Jipproteġikom minn mentalità mifruxa u żbaljata li l-integrità u l-onestà huma valuri sbieħ imma biss tal-qaddisin fis-sema, mhux tal-bnedmin. Hi mentalità li tgħid li dawn mhux valuri realistiċi, qegħdin għal xi erwieħ qaddisa imma mhux għan-nies ta’ żmienna. Din hi mentalità li twassal għal kull tip ta’ illegalità u ta’ tnawwir tal-pedamenti tas-soċjetà.

Il-Mulej jipproteġikom minn mentalità fejn il-ħażin kultant jingħata verniċ minn barra biex jidher sabiħ …

Il-Mulej jipproteġikom minn mentalità fejn il-ħażin hu ġġustifikat jew skużat, fejn il-ħażin isir stil ta’ ħajja u jsir istituzzjoni li tikseb normalità. Hi l-mentalità li tirraġuna “mhux kulħadd hekk qed jagħmel?”, u x’qed jagħmlu ħafna min-nies jiġi l-kriterju ta’ dak li hu sewwa u ġust. B’din il-mentalità, min jipprova jiġġieled il-ħażin isir qisu hu jew hi anormali.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi jsellem lill-Prim Imħallef Mark Chetcuti

Il-Mulej jipproteġikom minn mentalità fejn il-ħażin kultant jingħata verniċ minn barra biex jidher sabiħ – fejn il-korruzzjoni u t-tixħim isiru forma ta’ benefiċċju jew għajnuna lil min hu fil-bżonn, kważi jitqiesu qishom xi valur ta’ sostenn Nisrani. B’din il-mentalità, il-qadi jkun intenzjonat li jaġevola lil min hemm bżonn jingħata pjaċir, anke meta ma ħaqqux. Min iqarraq isir il-“qaddis” li tista’ titlob l-interċessjoni tiegħu għax taf li se jaqdik.

Il-Mulej jipproteġikom minn mentalità fejn l-ugwaljanza tissemma biss għal ċerti oqsma fis-soċjetà imma trattament ugwali ma jkunx għal kulħadd; fejn hemm il-liġi li tgħodd għal ċerti nies imma ma tgħoddx għal oħrajn.

Il-Mulej jipproteġikom minn mentalità ta’ qtigħ ta’ qalb, li jitfi l-kuraġġ li jkollok bżonn biex tieħu deċiżjonijiet ġusti, ukoll jekk mhux popolari, jew qed tmur kontra l-kurrent.

Għalhekk, it-tifkira tal-anġli kustodji hi ta’ ġid kbir u għajnuna għalikom ilkoll li għandkom din il-missjoni nobbli mhux biss li timxu skont il-liġi imma li b’għerf taraw li l-ġustizzja sseħħ. Hi okkażjoni li tfakkarkom li l-Mulej joffrilkom din il-protezzjoni. Jien ċert li l-preżenza tagħkom hawnhekk hi espressjoni ċara tar-rieda tagħkom biex taqdu r-responsabbiltà kbira li għandkom b’mod rett, imparzjali, b’rispett sħiħ lejn il-verità, u bla ma tħarsu lejn wiċċ ħadd. Il-kontribut tagħkom hu essenzjali għal soċjetà ġusta li tħares id-dinjità ta’ kull bniedem.

Fil-bidu ta’ din is-sena forensi, nixtieq nirringrazzja lilkom ġudikanti u professjonisti legali għal dak kollu li intom tagħmlu b’mod korrett, għaqli u integru. Ninkoraġġikom biex taħdmu dejjem b’dedikazzjoni u b’sagrifiċċju, u b’effiċjenza. Aħna lkoll għal dan se nitolbu f’din il-quddiesa, biex il-Mulej ibierek il-ħidma tagħkom, il-kontribut kbir tagħkom lejn is-soċjetà Maltija, u jżommkom dejjem taħt il-ħarsien tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi jsellem lill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard

Aktar ritratti