Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Illum fl-Evanġelju (cfr Mt 16,13-20) Ġesù jsaqsi lid-dixxipli – mistoqsija sabiħa: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-Bniedem?” (v. 13).
Mistoqsija li nistgħu nagħmluha tagħna wkoll: xi jgħidu n-nies dwar Ġesù? Ġeneralment ħwejjeġ sbieħ: ħafna jarawh bħala mgħallem kbir, bħala persuna speċjali: twajba, ġusta, koerenti, kuraġġuża… Imma dan biżżejjed biex nifhmu min hu, u, fuq kollox, dan biżżejjed għal Ġesù? Jidher li le. Kieku Hu kien biss persunaġġ tal-imgħoddi – kif għan-nies ta’ żmienu kienu l-figuri kkwotati fl-istess Evanġelju, Ġwanni l-Battista, Mosè, Elija u l-profeti l-kbar – kien ikun biss tifkira sabiħa ta’ żmien li għadda. Imma dan għal Ġesù ma jgħoddx. Għalhekk, minnufih il-Mulej, lid-dixxipli jagħmlilhom il-mistoqsija deċisiva: “Imma intom, min tgħidu li jien?” (v. 15). Min jien jien għalikom, issa? Mhux fl-interess ta’ Ġesù jkun protagonista tal-istorja, imma jrid ikun protagonista tal-illum tiegħek, tal-illum tiegħi; mhux profeta mbiegħed: Ġesù jrid ikun Alla qrib!
Kristu, ħuti, mhux tifkira tal-passat, iżda Alla tal-preżent. Kieku kien biss persunaġġ storiku, illum ma kienx ikun possibbli nimitawh: konna nsibu ruħna quddiem distakk kbir fiż-żmien u fuq kollox quddiem il-mudell tiegħu, li jixbaħ muntanja ta’ għoli bla qies li ma tistax tintlaħaq; imxennqin biex nixxabtu magħha, imma neqsin mill-ħila u mill-mezzi meħtieġa. Iżda Ġesù hu ħaj: niftakruh dan. Ġesù ħaj, Ġesù jgħix fil-Knisja, jgħix fid-dinja, Ġesù jakkumpanjana. Ġesù jinsab maġenbna, joffrilna Kelmtu, joffrilna l-grazzja tiegħu, li jdawlu u jġeddu l-mixja: Hu, gwida espert u deheni, ħieni li jakkumpanjana fil-mogħdijiet l-aktar diffiċli u fit-tlajja l-aktar iebsa.
Għeżież ħuti, fit-triq tal-ħajja m’aħniex waħedna, għax Kristu jinsab magħna, Kristu jgħinna nimxu, kif għamel ma’ Pietru u mad-dixxipli l-oħra. Propju Pietru, fl-Evanġelju tal-lum, jifhmu, u bi grazzja f’Ġesù jagħraf “il-Kristu, Bin Alla l-ħaj” (v. 16): Inti Kristu, jiġifieri l-Messija, il-mistenni; mhux xi eroj midfun, iżda Bin Alla l-ħaj, magħmul bniedem li ġie biex magħna jaqsam il-ferħ u t-tbatijiet tal-mixja tagħna. Ma naqtgħux qalbna jekk xi drabi l-quċċata tal-ħajja nisranija donnha tidher wisq għolja u t-triq wisq wieqfa. Inħarsu lejn Ġesù, dejjem; inħarsu lejn Ġesù li jimxi spalla ma’ spalla magħna, li jilqa’ d-dgħufijiet tagħna, jaqsam magħna l-isforzi tagħna u jqiegħed fuq l-ispallejn debboli tagħna driegħu sod u ġentili. Bih qribna, aħna wkoll innewlu jdjena lil xulxin u nġeddu l-fiduċja: dak li għalina waħedna donnu jidher impossibbli ma jibqax aktar diffiċli flimkien ma’ Ġesù, flimkien ma’ Ġesù nistgħu nibqgħu mexjin ‘il quddiem!
Illum tajjeb nagħmlu lilna nfusna l-mistoqsija deċisiva, li toħroġ minn fommu: “Intom, min tgħidu li jien” (cfr v. 15). Inti – jgħidlek Ġesù – int min tgħid li jien? Nisimgħu leħen Ġesù li qed jitlobna dan. Fi kliem ieħor: min hu Ġesù għalija? Persunaġġ kbir, punt ta’ riferiment, mudell li ma nistax nilħqu? Jew inkella hu Bin Alla, li jimxi maġenbi, li jista’ jwassalni sal-quċċata tal-qdusija, hemm, fejn waħdi ma nistax nasal? Ġesù hu verament ħaj f’ħajti, Ġesù jgħix fija? Hu l-Mulej tiegħi? Nafda ruħi f’idejh fil-mumenti ta’ diffikultà? Nagħti kas tal-preżenza tiegħu permezz ta’ Kelmtu, permezz tas-Sagramenti? Inħallih imexxini flimkien ma’ ħuti, mal-komunità?
Marija, Omm il-mixja, tgħinna nħossu lil Binha ħaj u preżenti maġenbna.
Sors: laikos.org