L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Waħda mill-espressjonijiet li kultant nisimgħu hi: “in-nies dejjem għandhom raġun”. Meta jkun hemm xi surveys li juri n-nies x’jaħsbu, ikun hemm dal-kumment kultant: in-nies dejjem għandhom raġun. Li tgħid li dejjem hemm raġuni għal dak li jaħsbu n-nies hu veru, imma li tgħid li n-nies, f’dak li jaħsbu, dejjem għandhom raġun, hu falz.

L-Evanġelju tal-lum jurina, fil-fatt, kemm dan hu żbaljat. Ġesù jistaqsi domanda lid-dixxipli tiegħu biex jara n-nies x’jaħsbu: “min jgħidu nies li hu Bin il-bniedem?” (Mt 16:13) U kif rajna mir-risposti tagħhom, ebda risposta ma hija tajba. Xi wħud jgħidu Ġwanni l-Battista, oħrajn Elija, jew Ġeremija jew wieħed mill-profeti. Jidher li għandhom idea li hu xi ħadd speċjali, imma ħadd ma jidher li jaf sew min hu Ġesù.

X’jgħidu u x’jaħsbu l-oħrajn 

Din turina l-ewwel nett – tagħlima minn dis-silta tal-Evanġelju tal-lum – kemm hu żbaljat meta aħna naħsbu li minn dak li jgħidu jew jaħsbu n-nies, se nsibu bilfors dak li hu tajjeb, dak li hu veru, jew dak li għandna nagħmlu. Ma aħniex se nsibu dan għax fil-fatt ħafna jistgħu jkunu żbaljati. Din hi l-ewwel tagħlima li nieħdu mir-risposta li jagħtu n-nies.

Din tgħodd ħafna għall-ħajja tagħna. Kultant jiġrilna, kemm meta nindunaw kif ukoll meta ma nindunawx, li nkunu tant influenzati minn dak li jaħsbu l-oħrajn, jew li jgħidu jew jagħmlu l-oħrajn, li nibdew naħsbu li jekk ma nagħmlux bħalhom jew jekk naħsbuha differenti, inkunu żbaljati aħna. Imma l-Evanġelju jurina: mir-risposti kollha tan-nies, ħadd ma hu korrett fuq Ġesù. Kulħadd żbaljat.

Hu ħaj

Din is-silta tagħtina messaġġ ieħor importanti. Meta Ġesù jistaqsi lid-dixxipli: “intom min tgħidu li jien?” (Mt 16:15), it-tweġiba ta’ Pietru hija: “Inti l-Messija, bin Alla l-ħaj” (Mt 16:16). Hija r-risposta preċiża. Dak li jgħid Pietru hawn, aktar ’il quddiem ixandru b’qawwa meta Ġesù jqum mill-mewt.

Din il-mistoqsija għandna nagħmluha, kull wieħed u waħda minna: min hu għalija Ġesù? Xi ħadd tal-passat, jew xi ħadd li hu ħaj u li hu preżenti llum? 

Jista’ jiġrilna li Ġesù nitkellmu fuqu bħala xi ħadd tal-passat, li għex snin ilu, bħalma fl-Evanġelju n-nies jitkellmu fuq min hu Ġesù billi jsemmu figuri tal-passat. Imma hi r-risposta ta’ Pietru li hija tajba: l-Iben ta’ Alla l-ħaj. Il-ħaj. Ġesù mhux sempliċiment xi ħadd tal-passat, li aħna nitkellmu fuqu, u ngħidu: kemm kien raġel tajjeb, kemm kien jagħmel affarijiet sew, kemm għamel ġid minkejja t-tbatija kollha! – qisek qed tirrakkonta storja tal-passat. Ġesù għex ħafna snin ilu, imma għax rebaħ il-mewt, hu ħaj, hu preżenti llum. Din tagħmel id-differenza kollha fil-ħajja tagħna.

Għalhekk it-tweġiba ta’ Pietru għandha tkun it-tweġiba tagħna: “inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj”. Mulej, int is-Salvatur tagħna, int li timla lil ħajjitna, li tagħmlilna l-ġid, int li dejjem takkumpanjana fil-ħajja tagħna.

Blata

Imbagħad hemm messaġġ ieħor ta’ siwi kbir. Ġesù lil Pietru jgħidlu: “Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16:18). Nafu li l-kelma Pietru tfisser blata. Issa mal-ewwel tolqotna kemm hi stramba li lilu jsejjaħlu blata, għax blata hija xi ħaġa soda li ma ċċedix taħt pressjoni. Pietru kien bniedem ta’ ħafna kwalitajiet sbieħ: kien bniedem ġeneruż, kien jitkellem f’isem l-oħrajn, jidħol b’ruħu u b’ġismu għax-xogħol, kien iħobb; imma fil-mument tal-Passjoni ċeda taħt il-pressjoni tal-oħrajn, tal-qaddejja tal-qassis il-kbir, u ċaħad lil Ġesù.

Mela għaliex Ġesù jgħidlu blata? Għax hawnhekk Pietru jistqarr li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla l-ħaj. Hija din l-istqarrija ta’ fidi ta’ Pietru li tagħmlu l-blata. Mhijiex minħabba l-kwalitajiet tiegħu ta’ bniedem li hu blata. Hi l-istqarrija ta’ fidi. Fil-fatt, meta Ġesù jqum mill-mewt, Pietru jkun l-ewwel wieħed li jagħmel l-istqarrija, li jxandru bħala Kristu ħaj, Kristu rebbieħ.

Din turina li l-Knisja hija mibnija fuq is-sod bil-qawwa ta’ Alla. Mhux minħabba sempliċiment il-kwalitajiet tal-membri li jiffurmawha. Aħna li niffurmaw il-Knisja kollha midinbin salvati minn Ġesù Kristu. Hija l-qawwa ta’ Alla li tagħmel minna l-poplu ta’ Alla.

Alla jippurifika l-Knisja

Għalhekk Ġesù jgħid: “is-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex” (Mt 16:18) lill-Knisja. X’inhuma dawn “is-setgħat tal-infern”? Jistgħu jkunu dawk li jippersegwitaw lill-Knisja, jirredikolawha, jew jostakolawha fil-ħidma tagħha. Imma huma wkoll id-dnubiet ta’ dawk li jiffurmawha, ta’ ġewwa. Dawn huma s-setgħat tal-infern li jkollhom effett ta’ tnawwir minn ġewwa. 

Għalhekk l-Ispirtu ta’ Alla jippurifika lill-Knisja kontinwament. Minkejja d-dnubiet u l-ħażen ta’ dawk li jiffurmaw il-Knisja, il-Knisja tibqa’ ta’ Alla. Hu Alla li jqaddisha, Alla li jmexxiha, u dan jassigura li s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex.

Nitolbu lill-Mulej, ispirati mill-Kelma tiegħu. Nitolbuh speċjalment li jagħtina l-grazzja li nagħrfuh bħala l-Iben ta’ Alla l-ħaj, is-Salvatur tagħna, dak li lilna jimlielna qalbna bil-paċi u l-ferħ. Nitolbuh li jkompli jippurifikana biex inkunu tassew flimkien il-Knisja tiegħu kif jixtieqha hu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju