Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum jippreżentalna lil Ġesù jeħles persuna li kienet maħkuma minn spirtu ħażin (cfr Ml 1,21-28) li kien iħabbatha u jġiegħelha tgħajjat (cfr vv. 23.26).  Hekk jagħmel ix-xitan: irid jaħkimna biex “jorbtilna qlubna bil-ktajjen”. Jorbtilna qlubna: dak irid ix-xitan. U aħna rridu nitħarsu minn dawn “il-ktajjen” li joħonqu l-libertà. Għax ix-xitan jisraqlek il-libertà, dejjem. Allura ejjew nagħtu isem lil xi wħud minn dawn il-ktajjen li jxekklu qlubna.

Qed naħseb fid-dipendenzi li jagħmluk ilsir, qatt m’int sodisfatt, jherrulek l-enerġija, ġidek u l-għożża ta’ dawk ta’ madwarek; qed naħseb fil-modi dominanti u perfezzjoniżmi impossibbli, fil-konsumiżmu, fl-edoniżmu li lill-persuna jirrenduha biċċa merċa u jirvinawlha r-relazzjonijiet. U ktajjen oħra: hemm it-tentazzjonijiet u l-kundizzjonamenti li jfarrku l-awtostima, is-serenità u l-ħila tal-għażla u l-imħabba lejn il-ħajja; katina oħra: il-biża’ li ġġiegħlek tħares bil-pessimiżmu lejn il-futur, u l-intolleranza li dejjem titfa’ l-ħtija fuq ħaddieħor; imbagħad hemm katina kerha ħafna: l-idoatrija tal-poter, li tiġġenera kunflitti u ddur għall-armi qattiela jew tinqeda bl-inġustizzja ekonomika u l-manipulazzjoni tal-ħsieb.  Bosta huma l-ktajjen ta’ ħajjitna.

U Ġesù ġie biex jeħlisna minn dawn il-ktajjen kollha.  U llum, quddiem l-isfida tax-xitan li jgħajjat: “Xi trid minna?….Ġejt biex teqridna?” (v. 24), iwieġeb: “Iskot! Oħroġ minnu!” (v. 25).  Ġesù għandu s-setgħa jkeċċi lix-xitan. Ġesù jeħles mis-setgħa tal-ħażen, u noqgħodu attenti: ikeċċi lix-xitan imma ma jiddjalogax miegħu! Ġesù qatt ma ddjaloga max-xitan: u meta safa ttantat fid-deżert, it-tweġibiet tiegħu kienu kliem mill-Bibbja, qatt djalogu. Ħuti, max-xitan ma niddjalogawx! Iftħu għajnejkom: max-xitan ma niddjalogawx, għax jekk taqbad tiddjaloga miegħu, jerbaħlek, dejjem. Oqgħodu attenti.

Allura x’nagħmlu meta nħossuna ittantati jew magħkusin? Ninnegozjaw max-xitan? Le, miegħu ma ninnegozjawx. Għandna ninvokaw lil Ġesù: nitolbuh bil-ħerqa, hemmhekk, fejn inħossu l-ktajjen tal-ħażen u tal-biża’ jagħfsuna aktar bil-qawwa. Bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu, lill-malinn, il-Mulej jixtieq itennilu llum ukoll: “Itlaq, ħalli lil dir-ruħ fil-paċi, tifridx id-dinja, il-familji, il-komunitajiet; ħallihom jgħixu bil-kwiet, sabiex fihom iwarrad il-frott tal-Ispirtu tiegħi, mhux tiegħek – hekk jgħid Ġesù -, sabiex bejnitehom isaltnu l-imħabba, il-ferħ, il-ħlewwa u minflok il-vjolenza u l-għajjat ta’ mibgħeda jsaltnu l-libertà u l-paċi.

Nistaqsu lilna nfusna allura: jien irrid verament il-ħelsien minn dawk il-ktajjen marbutin ma’ qalbi? Imbagħad, naf ngħid “le” għat-tentazzjonijet tal-ħażen qabel ma dan jidħol jgħammar f’qalbi? Fl-aħħar, ninvoka lil Ġesù, inħallih jaħdem fija biex ifejjaqni minn ġewwa?

Il-Verġni Mqaddsa tħarisna mill-ħażen.

Sors: laikos.org