Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Ix-xena li jiddeskrivilna l-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum isseħħ ġot-Tempju ta’ Ġerusalemm.  Ġesù jħares, josserva dak li qed jiġri f’dal-post, l-aktar wieħed qaddis, u jara kif l-iskribi jħobbu joqogħdu jippassiġġaw biex jiġbdu l-attenzjoni, isellmulhom, juruhom rispett u biex ikollhom il-postijiet ta’ quddiem. U Ġesù jżid li “jberbqu ġid ir-romol u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu jitolbu ħafna” (Mk 12:40). Fl-istess ħin għajnejh jaqgħu fuq xena oħra: armla fqira, propju waħda minn dawk sfruttata mis-setgħana, titfa’ “kulma kellha biex tgħix” (v. 44), fit-teżor tat-Tempju. Hekk jgħid l-Evanġelju, titfa’ kulma kellha biex tgħix fit-teżor. L-Evanġelju jqiegħed quddiemna dan il-kuntrast li jdarras: l-għonja li jagħtu miż-żejjed tagħhom biex jidhru, u mara fqajra li bla ma tidher, toffri l-ftit kollu li kellha. Żewġ simboli ta’ atteġġjamenti umani.

Ġesù josserva ż-żewġ xeni. U hu propju dal-verb – ‘josserva’ – li jiġbor fil-qosor it-tagħlim tiegħu: “hemm bżonn nitħarsu” minn min jgħix fidi “doppja” bħal dawk l-iskribi, biex ma nsirux bħalhom; filwaqt li l-armla għandna bżonn “inħarsu lejha” biex tkun mudell għalina.  Nieqfu ftit dwar dan: nitħarsu mill-ipokriti u nosservaw lill-armla fqajra.

Qabel kollox, nitħarsu mill-ipokriti, jiġifieri noqogħdu attenti biex ħajjitna ma nibnuhiex fuq il-kult tal-apparenza, fuq l-importanza esaġerata li nagħtu lill-mod kif nidhru. U, fuq kollox, li noqogħdu attenti biex il-fidi ma nagħwġuhiex skont kif jaqbel lilna, skont l-interessi tagħna.  Dawk l-iskribi, f’isem Alla, kienu jaħbu l-vanaglorja tagħhom u, agħar minn hekk, kienu jużaw ir-reliġjon għall-interessi tagħhom, jabbużaw mill-awtorità tagħhom u jisfruttaw il-foqra.  Hawn nosservaw atteġġjament tant ikrah li naraw f’ħafna postjiet illum, il-klerikaliżmu, li jirkbu fuq dahar l-umli, jisfruttawhom, javveluhom, u jqisu lilhom infushom perfetti. Dan hu l-ħażen tal-kerikaliżmu. Hi twissija għal kull żmien u għal kulħadd, għall-Knisja u s-soċjetà: qatt m’għandna napprofittaw ruħna mill-pożizzjoni tagħna biex tkisser lill-oħrajn, qatt m’għandna nagħmlu l-qligħ minn fuq dahar l-aktar dgħajfa! U noqogħdu attendi li ma naqgħux fil-vanità, biex ma niffissawx fuq l-apparenzi, u b’hekk nitilfu s-sustanza u ngħixu superfiċjalment. Nistaqsu lilna nfusna, jagħmlilna tajjeb: irridu nkunu apprezzati u gratifikati f’dak li ngħidu u nagħmlu, jew li nkunu ta’ servizz għal Alla u l-proxxmu, speċjalment mal-aktar dgħajfa? Irridu noqogħdu għassa għall-falsità tal-qalb, kontra l-ipokrezija li hi marda perikoluża tar-ruħ! Hu ħsieb doppju, ġudizzju doppju, kif tgħid l-istess kelma: “tiġġudika minn taħt”, li tidher mod u tkun ‘hypo’ taħt, imma ħsiebek ikun xort’oħra.  Doppji, nies bi spirtu doppju, ruħ doppja.

L-Evanġelju jqiegħed quddiemna dan il-kuntrast li jdarras: l-għonja li jagħtu miż-żejjed tagħhom biex jidhru, u mara fqajra li bla ma tidher, toffri l-ftit kollu li kellha. Żewġ simboli ta’ atteġġjamenti umani.

U biex infiqu minn dil-marda, Ġesù jistedinna nħarsu lejn l-armla fqajra. Il-Mulej jiddenunzja l-isfruttament ta’ dil-mara li, biex tagħti l-offerta, terġa’ lura lejn darha saħansitra nieqsa mill-ftit li għandha biex tgħix. Kemm hu importanti li neħilsu s-sagru mir-rabta mal-flus!  Infatti, Ġesù kien qalha: “Ma tistgħux taqdu żewġ sidjien.  Jew taqdi lil Alla – u aħna naħsbu li se jgħid jew “lix-xitan”, le – jew Alla jew il-flus.  Dawn jaħkmu, u Ġesù jgħid li ma nistgħux naqduhom.  Imma fl-istess ħin Ġesù jfaħħar il-fatt li din l-armla titfa’ fit-teżor dak kollu li kellha.  Ma jibgħalha xejn, imma ssib il-milja ta’ kollox f’Alla.  Ma tibżax titlef il-ftit li għandha, għax għandha fiduċja fil-ħafna ta’ Alla, u dan il-ħafna ta’ Alla jkattar l-hena ta’ min jagħti. Dan iġagħalna naħsbu wkoll f’dik l-armla l-oħra, dik tal-Profeta Elija, li kienet se taħbeż bl-aħħar ftit dqiq li kellha u bl-aħħar ftit żejt li kien fadlilha; Elija jgħidilha: “Tini niekol” u hi tagħti; u d-dqiq ma jonqos qatt aktar, miraklu (cfr 1Rejiet 17:9-16). Quddiem il-ġenerożità tal-bnedmin, il-Mulej dejjem imur aktar ‘l hinn, ikun aktar ġeneruz. Imma dan hu Alla, mhux ix-xeħħa tagħna. Allura Ġesù jtihielna bħala mudell tal-fidi tagħna lil dil-mara: hi ma tmurx regolarment fit-tempju biex tikkalma l-kuxjenza, ma titlobx biex tidher, ma tperriċċx il-fidi, imma tagħti bil-qalb, bil-ġenerożità u l-gratwità. Il-muniti żgħar tagħha għandhom ħoss isbaħ mill-offerti kbar tal-għonja. Għax jesprimu ħajja dedikata, mogħtija lil Alla bis-sinċerità, fidi li ma tistrieħx fuq l-apparenzi imma fuq fiduċja mingħajr ebda kundizzjoni. Nitgħallmu minnha: fidi mingħajr frilli għad-dehra, imma b’qalb sinċiera; fidi magħmula minn imħabba umli lejn Alla u lejn ħutna.

U issa nduru lejn il-Verġni Marija li b’qalb umli u trasparenti ħajjitha għamlitha kollha don għal Alla u għall-poplu tiegħu.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

qed insegwi bi tħassib l-aħbarijiet li qed jaslu mill-Qarn tal-Afrika, parikolarment mill-Etjopja, mheżżha minn kunflitt li ilu sejjer aktar minn sena u li ħalla ħafna vittmi kif ukoll kriżi umanitarja kbira. Nistieden lil kulħadd biex jitlob għal dawk il-popolazzjonijiet mifnija għall-aħħar, filwaqt li nġedded l-appell tiegħi biex jibdew isaltnu l-ftehim u t-triq paċifika tad-djalogu.

U qed nitlob ukoll għall-vittmi tan-nar li seħħ wara l-isplużjoni tal-fuel fil-periferija ta’ Freetown, il-kapitali ta’ Sierra Leone.

Ilbieraħ f’Manresa, fi Spanja ġew dikjarati beati tliet martri tal-fidi, membri tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri Kapuċċini: Benet de Santa Coloma de Gramenet, Josep Oriol de Barcelona u Domènech de Sant Pere de Riudebitlles. Kienu nqatlu fi żmien il-persekuzzjoni reliġjuża tas-seklu li għadda fi Spanja, u wrew li kienu xhieda ta’ Kristu mansweti u kuraġġużi. Jalla l-eżempju tagħhom jgħin lill-insara tal-lum jibqgħu fidili lejn il-vokazzjoni tagħhom, anki fil-waqtiet tal-prova. Applaws lill-Beati l-ġodda!

Insellem lilkom ilkoll, għeżież fidili minn Ruma u pellegrini minn pajjiżi varji, partikolarment lil dawk ġejjin mill-Istati Uniti u mill-Portugall. Insellem lill-gruppi tal-fidili minn Prato u minn Foligno; u lill-adoloxxenti tal-Professione di Fede minn Bresso.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: Laikos