Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Illum fl-Italja u f’nazzjonijiet oħra qed niċċelebraw is-solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, Corpus Domini. Fit-tieni qari tal-liturġija tal-lum, San Pawl jerġa’ jkebbes il-fidi tagħna f’dal-misteru ta’ komunjoni (cfr i Kor 10,16-17). Huwa jisħaq dwar żewġ effetti tal-kalċi li nixorbu u tal-ħobż li naqsmu: l-effett mistiku u l-effett komunitarju.
L-ewwel, l-Appostlu jafferma: “Il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka mhuwiex għaqda mad-demm ta’ Kristu? U l-ħobż li naqsmu mhuwiex għaqda mal-ġisem ta’ Kristu?” (v. 16). Dal-kliem jesprimi l-effett mistiku jew, nistgħu ngħidu, l-effett spiritwali tal-Ewkaristija: dan hu l-għaqda ma’ Kristu li fil-ħobż u l-inbid joffri ruħu għas-salvazzjoni ta’ kulħadd. Ġesù huwa preżenti fis-sagrament tal-Ewkaristija biex ikun il-manteniment tagħna, biex nitwaħħdu miegħu u fina jsir dik il-qawwa li ġġedded u li ttina mill-ġdid l-enerġija, issaħħaħ fina r-rieda li nerġgħu nibdew il-mixja wara kull waqfa jew wara kull waqgħa. Imma jeħtieġ li dan aħna nkunu rriduh, inkunu disponibbli li nibdlu lilna nfusna, il-mod kif naħsbu u kif inġibu ruħna; inkella ċ-ċelebrazzjonijiet ewkaristiċi li nieħdu sehem fihom jispiċċaw biex isru qieshom att soċjali, mimli rispett, imma soċjali. Iżda l-misteru hu xi ħaġa oħra: huwa Ġesù preżenti li jiġi biex jitmagħna.
It-tieni effett hu dak komunitarju u San Pawl jesprimih b’dal-kliem: “La l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed” (v.17). Hija l-komunjoni reċiproka bejn dawk kollha li jieħdu sehem fl-Ewkaristija, sal-punt li kollha flimkien isiru ġisem wieħed, bħalma huwa wieħed il-ħobż li jinqasam u jitqassam. Aħna komunità mitmugha bil-ġisem u d-demm ta’ Kristu. L-għaqda mal-ġisem ta’ Kristu huwa sinjal effikaċi tal-għaqda, tal-komunjoni, ta’ dak li naqsmu bejnietna. Ma nistgħux nieħdu sehem fl-Ewkaristija bla ma nimpenjaw ruħna fi fraternità bejnietna, li tkun sinċiera. Imma l-Mulej jaf tajjeb li l-ħiliet umani tagħna mhumiex biżżejjed biex jaslu għal dan. Anzi jaf li bejn id-dixxipli dejjem se jkun hemm it-tentazzjoni tal-pika, tal-għejra, tal-preġudizzju, tal-firda…. Ilkoll kemm aħna nafuhom dawn l-affarijiet. Hu għalhekk ukoll li Hu ħallielna s-Sagrament tal-Preżenza reali, konkreta u dejjiema, sabiex hekk kif nibqgħu magħqudin miegħu inkunu nistgħu nirċievu dejjem id-don tal-imħabba fraterna. “Ibqgħu fi mħabbti” (Ġw 15,9), qal Ġesù; u dan huwa possibbli bis-saħħa tal-Ewkaristija. Nibqgħu fil-ħbiberija, fl-imħabba. Dal-frott doppju tal-Ewkaristija: l-ewwel, l-għaqda ma’ Kristu u t-tieni, il-komunjoni bejn kull min jitmantna bih, inissel u jġedded bla heda l-komunità nisranija. Hija l-Knisja li tagħmel l-Ewkaristija, imma hu aktar fundamentali li l-Ewkaristija tagħmel il-Knisja, u tippermettilha tkun il-missjoni tiegħu, qabel ma tasal għall-milja tagħha. Dan hu l-misteru tal-komunjoni bl-Ewkaristija: nirċievu lil Ġesù biex jittrasformana minn ġewwa u nirċievu lil Ġesù biex bejnietna jkun hemm l-għaqda u mhux il-firda.
Il-Verġni Qaddisa tgħinna nilqgħu dejjem bi stgħaġib u gratitudni d-don kbir li tana Ġesù meta ħallielna s-Sagrament ta’ Ġismu u ta’ Demmu.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
Qed insegwi b’inkwiet u b’niket kbir is-sitwazzjoni drammatika fil-Libja. Ilha preżenti fit-talb tiegħi għal dawn l-aħħar jiem. Jekk jogħġobkom, inħeġġeġ lill-organiżazzjonijiet internazzjonali u lil kull min għandu responsabbiltà politika u militari biex jergħhu jibdew ifittxu b’konvinzjoni u determinazzjoni t-triq li twassal biex tieqaf il-vjolenza, li twassal għall-paċi, għall-istabbiltà u l-għaqda fil-pajjiż. Nitlob ukoll għall-eluf ta’ migranti, rifuġjati, dawk li jitolbu l-ażil u l-Libjani stess imxerrdin. Is-sitwazzjoni sanitarja ħażżnet il-qagħda tagħhom, qagħda li diġà kienet imwiegħra u għamlithom aktar vulnerabbli għall-isfruttament u l-vjolenza. Hemm il-krudeltà. Nistieden lill-komunità internazzjonali, jekk jogħġobkom, biex tagħmlu tagħkom il-kundizzjoni li dawn jinsabu fiha, tfittxu toroq u tagħtu l-mezzi biex ikollhom il-protezzjoni li jeħtieġu, kundizzjoni dinjituża u futur ta’ tama. Ħuti, aħna lkoll responsabbli ta’ dan, ħadd minna ma jista’ jqis li hu meħlus minn dan id-dmir. Ni8tolbu lkoll fis-skiet għal-Libja.
Illum jaħbat il-Jum Dinji tal-Għoti tad-Demm. Hija okkażjoni biex tistimula lis-soċjetà tkun solidali u sensibbli lejn min hu fil-bżonn. Insellem lill-volontarji preżenti u nesprimi l-apprezzament tiegħi lejn kull min jagħmel dan l-att sempliċi imma importanti ħafna biex jgħin lill-proxxmu: jagħti d-demm.
Insellem lilkom, fidili rumani u pellegrini. Nawguralkom flimkien ma’ dawk magħqudin magħna permezz tal-medja, il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.
Maqlub għall-Malti minn Joe Huber