Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-lum, it-tieni Ħadd tar-Randan, jippreżentalna l-episodju tat-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù (cfr Mk 9,2-10).
Wara li ħabbar il-Passjoni tiegħu lid-dixxipli, Ġesù jieħu miegħu lil Pietru lil Ġakbu u ‘l Ġwanni, jitla’ fuq l-għolja u hemm juri ruħu fiżikament fid-dawl kollu tiegħu. B’hekk jurihom is-sens ta’ dak li kienu għexu flimkien sa dak il-waqt. Il-predikazzjoni tas-Saltna, il-maħfra tad-dnubiet, il-fejqan u s-sinjali li saru, infatti, kienu xrar ta’ dawl ferm akbar: id-dawl ta’ Ġesu, id-dawl li hu Ġesù. U d-dixxipli qatt aktar ma kellhom iwarrbu għajnejhom minn dan id-dawl, speċjalment fil-waqtiet tal-prova, bħalma kienu dawk qrib, tal-Passjoni.
Dan hu l-messaġġ: qatt taqla’ għajnejk minn fuq id-dawl ta’ Ġesù. Ftit jew wisq bħalma kienu jagħmlu l-bdiewa fl-imgħoddi, li waqt il-ħrit kienu jwaħħlu għajnejhom fuq xi punt preċiż quddiemhom u b’hekk ir-raddiet kienu jagħmluhom dritti. Aħna l-insara msejħin biex nagħmlu l-istess fil-mixja tal-ħajja: qatt ma nwarrbu lil Ġesù minn quddiem għajnejna.
Ħuti, ninfetħu għad-dawl ta’ Ġesù! Ġesù huwa mħabba, huwa ħajja bla tmiem. Matul il-mogħdijiet tal-eżistenza, kultant imħattba, infittxu wiċċu mimli ħniena, fedeltà, u tama. Jgħinna nagħmlu dan it-talb, is-smigħ tal-Kelma, is-Sagramenti: it-talb, is-smigħ tal-Kelma u s-Sagramenti jgħinuna nżommu għajnejna fissi fuq Ġesù. U din hija proposta tajba għar-Randan: nikkultivaw ħars miftuħ, insiru “bnedmin li jfittxu d-dawl”, li jfittxu d-dawl ta’ Ġesù fit-talb u fil-bnedmin l-oħra.
Allura nistaqsu: fil-mixja tiegħi inżomm ħarsti fissa fuq Kristu li dejjem jakkumpanjani? U biex nagħmel dan, inħalli spajzu għas-silenzju, għat-talb, għall-adorazzjoni? Fl-aħħar, immur inħuf biex infittex imqar l-iċken raġġ tad-dawl ta’ Ġesù, li jirrifletti fija u f’kull wieħed u waħda minn dawk li niltaqa’ magħhom? Niftkakar li għandi niżżi ħajr lil Mulej għal dan kollu?
Marija, li tiddi bid-dawl ta’ Alla, tgħinna nżommu ħarsitna fissa fuq Ġesù u biex inħarsu lejn xulxin bil-fiduċja u bl-imħabba.
Sors: laikos.org