Papa Franġisku waqt l-Angelus tal-Ħadd fi Pjazza San Pietru (Vatican Media)

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dan l-ewwel Ħadd tar-Randan, l-Evanġelju (cfr Mt 4, 1-11) jirrakkuntalna li wara l-Magħmudija fix-xmara Ġordan, “l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ikun imġarrab mix-xitan” (v. 1).  Hu jħejji ruħu għall-bidu tal-missjoni tiegħu ta’ ħabbar tas-Saltna tas-Smewwiet, u, bħal Mosè u Elija qablu (cfr Eż 24,18; 1 Sla 19,8) fl-Antik Testment, jitħejja bis-sawm għal erbgħin jum.  Jidħol “fir-Randan”.

Fi tmiem daż-żmien ta’ sawm, jidħol b’saħħa it-tantatur, ix-xitan, li għal tliet darbiet jipprova jdaħħal lil Ġesù f’diffikultà.  L-ewwel tentazzjoni tieħu spunt mill-fatt li Ġesù għandu l-ġuħ; ix-xitan jissuġġerilu: “Jekk int Iben Alla ordna lil dal-ġebel isir ħobż” (v. 3).  Sfida. Imma t-tweġiba ta’ Ġesù hi ċara: “Hemm miktub: Mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” (4,4).   Hu qed jirreferi għal Mosè meta lill-poplu fakkru fil-mixja li għamel fid-deżert, li tulha kien tgħallem li ħajtu tiddependi mill-Kelma t’Alla (cfr Dewt 8.3).

Imbagħad ix-xitan jipprova t-tieni darba, (vv. 5-6) u jsir aktar stuż, jikkwota wkoll l-Iskrittura Mqaddsa.  L-istrateġija hija ċara: jekk int għandek tant fiduċja fil-qawwa t’Alla, allura ġarrabha, infatti l-Iskrittura stess tafferma li se jiġu l-anġli jgħinuk (v.6)  Imma f’dal-każ ukoll Ġesù ma jħallix lix-xitan iħawdu għax min jemmen jaf li lil Alla ma nġarrbuhx, imma l-fiduċja tagħna hi fil-ħniena tiegħu.  Għalhekk, għall-kliem mill-Bibbja li Satana jinterpreta kif jaqbel lilu Ġesù jwieġeb bi kwotazzjoni oħra: “Hemm miktub ukoll: iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek” (v. 7).

Fl-aħħar, it-tielet tentattiv (vv. 8-9) jikxef il-veru għan tax-xitan: minħabba li l-miġja tas-Saltna tas-Smewwiet tfisser il-bidu tat-telfa tiegħu, il-malinn jipprova jifred lil Ġesù mit-twettiq tal-missjoni tiegħu billi joffrilu prospettiva ta’ messjaniżmu politiku.  Iżda Ġesù jirrofta l-idolatrija tas-setgħa u tal-glorja umana u, fl-aħħar, ikeċċi lit-tantatur u jgħidlu: “Itlaq, xitan!  Għax hemm miktub:  “Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi” (v. 10).  U f’dal-ħin ħdejn Ġesù, li baqa’ fidil għall-missjoni li tah il-Missier, resqu l-anġli biex jaqduh (cfr v. 11).

Dan jgħallimna ħaġa: Ġesù ma jiddjaolgax max-xitan.  Ġesù jwieġeb bil-Kelma t’Alla, mhux bil-kelma tiegħu.  Ħafna drabi waqt it-tentazzjoni aħna nibdew niddjalogaw magħha, niddjalogaw max-xitan: “Iva, jien nista’ nagħmel hekk….., imbagħad immur inqerr, imbagħad dan, dak….”.  Qatt ma għandna niddjalogaw max-xitan.  Ġesù jagħmel żewġ affarijiet max-xitan: ikeċċih ‘l hemm jew, kif ġara f’dal-każ, iwieġeb bil-Kelma t’Alla.  Oqgħodu attenti, qatt tiddjalogaw mat-tentazzjoni, qatt tiddjalogaw max-xitan.

Illum ukoll Satana jinvadi l-ħajja tal-bnedmin biex jittantahom bil-proposti tiegħu li jiġbduk: iżid leħnu ma’ tant oħrajn li jippruvaw imannsu l-kuxjenza.  Minn  kull naħa ġejjin messaġġi li jistiednuk biex taqa’ għat-tentazzjoni ħalli ġġarrab is-sakra tat-trasgressjoni.  L-esperjenza ta’ Ġesù tgħallimna li t-tentazzjonni hi tentattiv biex teħodna f’triqat differenti minn dawk ta’ Alla:  “U agħmel hekk, m’hemmx problemi, imbagħad Alla jaħfer!  Imma ġurnata gost titlifhiex…..” – “Imma hu dnub!” – “Le, mhu xejn”.  Toroq alternattivi li jtuna s-sensazzjoni tal-awtosuffiċjenza, tat-tgawdija tal-ħajja bħala għan fih innifsu.  Imma dan kollu hu illużjoni: malajr nindunaw li aktar ma nitbiegħdu minn Alla, aktar inħosuna bla difiża u bla saħħa quddiem il-problemi l-kbar tal-eżistenza.

Jalla l-Verġni Marija, Omm dak li saħaq ras is-serpent, tul daż-żmien tar-Randan, tgħinna biex nishru quddiem it-tentazzjonijiet, biex ma nsirux ilsira ta’ ebda idolu ta’ din id-dinja, biex nimxu wara Ġesù fit-taqbida kontra l-ħażen; b’hekk aħna wkoll noħorġu rebbiħin bħal Ġesù.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Insellem lilkom ilkoll fidili minn Ruma u pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn diversi pajjiżi.

Insellem partikolarment liż-żgħażagħ minn Formentera, lill-fidili minn Ostuni u li dawk mill-parroċċa San Piju ta’ Pietralcina f’Ruma.

Nawgura lil kulħadd li l-mixja tar-Randan, li għadu kif beda, tkun għanja bil-frott tal-Ispirtu u għanja bl-opri tajba.

Jien xi ftit imnikket minħabba l-aħbarijiet li qed jaslu dwar tant persuni maħrubin, tant irġiel, nisa, tfal imkeċċijin minħabba l-gwerer, tant migranti li jitolbu kenn fid-dinja u għajnuna.  Dal-ġranet is-sitwazzjoni marret għall-agħar.  Nitolbu għalihom.

Nitlobkom ukoll tiftakru fit-talb fl-Eżerċizzi Spiritwali tal-Kurja ta’ Ruma li se jibdew illejla f’Ariccia.  Sfortunatament ir-riħ li għandi mhux se jippermettili nieħu sehem fihom dis-sena: il-meditazzjonijiet se nsegwihom minn hawnhekk.  Ningħaqad spiritwalment mal-Kurja u mal-persuni kollha li qed jgħixu waqtiet ta’ talb bl-Eżerċizzi spiritwali li qed jagħmlu mid-dar.

Il-Ħadd it-tajjeb u l-pranzu t-tajjeb!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber