Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Illum qed niċċelebraw il-festa tal-familja mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi. L-Evanġelju jurihielna fit-tempju ta’ Ġerusalemm għall-preżentazzjoni tal-Bambin Ġesù (cfr Lq 2,22-40)m
Il-familja tasal fit-tempju u tieħu magħha l-offerta l-aktar umli fost dawk preskritti mill-liġi, bħala xhieda tal-faqar tagħha. Fl-aħħar Marija titħabbrilha profezija; sejf għad jinfidlek ruħek” (v. 35). Jaslu fil-faqar u jitilqu mgħobbijin bis-sofferenza. Din hi sorpriża “kif!, il-familja ta’ Ġesù, l-unika familja fl-istorja li għandha l-unur li fiha hemm il-preżenza t’Alla bil-demm u l-laħam, mhux talli mhix sinjura, talli hi fqira! Minflok irċeviet favuri, jidher li qed tirċievi l-gambetti! Mhux biss mhix meħlusa mill-għajja imma mgħaddsa f’niket kbir!
Xi jfisser dan għall-familji tagħna, dan il-mod ta’ għixien, l-istorja tal-Familja Mqaddsa, fqira, mfixkla, mimlija niket? Jgħidilna xi ħaġa sabiħa ħafna: Alla, li spiss nimmaġinawh bogħod mill-problemi, ġie biex jgħix il-ħajja tagħna bil-problemi tagħha. Hekk salvana Hu (cfr Ġw 1,14): ma ġiex diġà adult, imma ċkejken; għex fi ħdan familja, iben omm u missier; hemmhekk qatta’ l-biċċa l-kbira ta’ ħajtu, jikber, jitgħallem, f’ħajja ta’ rutina komuni, fis-satra u s-skiet. U ma ħarabx mid-diffikultajiet, anzi, bl-għażla ta’ familja “esperta fis-sofferenza”, li lill-familji tagħna tgħidilhom: “Jekk issibu ruħkom f’diffikultà, nifhimkom għax għextu jien stess: jiena, ommi u missieri għaddejna minnu biex lill-familji tagħkom ukoll ngħidulhom: “m’intkomx waħdekom!”
Ġużeppi u Marija “baqgħu mistagħġbin b’dak li kien qed jingħaq dwar Ġesù” (cfr Lq 2,33), għax ma kinux jobsru li kellu jkun ix-xwejjaħ Xmun u l-profetessa Anna li kellhom jgħidu dawn il-ħwejjeġ. Baqgħu mistagħġbin. U llum fuq dan nixtieq nieqaf. Il-ħila li wieħed jistagħaġeb hu s-sigriet biex il-familja timxi ‘l quddiem sewwa. Ma nidrawx ir-rutina tal-affarijiet. Nagħrfu nistagħaġbu, qabel kollox, b’Alla li jakkumpanjana. Imbagħad nistagħaġbu bħala familja. Nifhem li jkun tajjeb fil-koppja li naħa tistagħaġeb bl-oħra, per eżempju billi filgħaxija jaqbdu idejn xulxin iħarsu f’għajnejn xulxin għal xi waqtiet, bit-tenerezza: l-istagħaġib inissel fik it-tenerezza, dejjem. Sabiħa t-tenerezza fiż-żwieġ. Imbagħad (il-familja) tistagħġeb bil-miraklu tal-ħajja, tal-ulied, u ssib il-ħin biex tilgħab magħhom u tismagħhom.
Nistaqsi lilkom, ommijiet u missirijiet: issibu ħin biex toqgħodu tilagħbu ma wliedkom? Biex teħduhom passiġġata? Ilbieraħ ċempilli xi ħadd u staqsejtu: “Fejn tinsab?” – “Ninsab il-pjazza, ħriġt lil uliedi passiġġata”. Din hi paternità u maternità sabiħa. Imbagħad nistagħaġbu bid-dehen tan-nanniet. Ħafna drabi lin-nanniet inwarrbuhom minn ħajjitna. Le, in-nanniet huma għejjun ta’ għaqal. Nitgħallmu nistagħaġbu bl-għaqal tan-nanniet, bl-istorja tagħhom. In-nanniet li jreġġgħu lura l-ħajja lejn dak li hu essenzjali. U, fl-aħħar, nistagħaġbu bl-istorja tal-imħabba tagħna – kulħadd għadnu l-istorja tiegħu: il-Mulej mexxiena bl-imħabba, dan għandna nistgħaġbu bih. Ħajjitna żgur fiha aspetti negattivi, imma nistagħaġbu wkoll bit-tjubija ta’ Alla li jimxi magħna, minkejja lil aħna neqsin mill-esperjenza bil-kbir.
Marija Reġina tal-Familja, tgħinna nistagħaġbu: nitolbu llum il-grazzja tal-istagħaġib. Il-Madonna tgħinna nistagħaġbu ta’ kuljum bil-ġid u biex nagħrfu ngħallmu lill-oħrajn is-sbuħija tal-istagħaġib.
Sors: laikos.org