Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb.
Illum l-Evanġelju jgħidilna li Ġesù bagħat lid-dixxipli tiegħu għall-missjoni (ara Mk 6:7-13). Jibgħathom tnejn tnejn u jirrikmandalhom ħaġa importanti: biex jieħdu magħhom biss dak li hu neċessarju.
Nieqfu ftit fuq din ix-xena: id-dixxipli jintbagħtu flimkien u magħhom għandhom jieħdu biss dak li hu neċessarju.
L-Evanġelju ma nħabbruhx għal rasna, le: inħabbruh flimkien, bħala komunità u għalhekk hemm bżonn nagħrfu kif għandna nħarsu l-moderazzjoni: inkunu moderati fl-użu tal-affarijiet, naqsmu r-riżorsi mal-oħrajn, il-ħiliet u d-doni, u nirrinunzjaw għal kulma hu żejjed. Għaliex? Biex inkunu ħielsa: kulma hu żejjed jagħmlek ilsir. U wkoll għax kulħadd għandu l-meħtieġ biex jgħix b’mod dinjituz u jista’ jagħti sehemhu attivament fil-missjoni; imbagħad inkunu moderati wkoll fi ħsibijietna, inkunu moderati fis-sentimenti, nabbandunaw il-preġudizzji, nabbadunaw l-ebusija li, bħal bagolli bla użu, itaqqlu u jfixklu l-mixja, u minflok, niffavorixxu l-konfront u s-smigħ biex ix-xhieda tagħna tkun aktar effikaċi.
Naraw, per eżempju: x’jiġri fil-familji tagħna jew fil-komunitajiet tagħna meta nikkuntentaw b’dak li hu meħtieġ, anki bil-ftit, u bl-għajnuna t’Alla, jirnexxielna nibqgħu għaddejjin u nftehemu bejnietna, naqsmu dak li jkollna bejnietna, niċċaħdu lkoll minn xi ħaġa u nwieżnu lil xulxin (ara Atti 4:32-35). U dan diġà hu tħabbira missjunarja, qabel u aktar minn kull kelma, għax fih jinkarna s-sbuħija tal-messaġġ ta’ Ġesù fil-konkretezza tal-ħajja. Familja jew komunità illi jgħixu b’dal-mod, infatti, joħolqu madwarhom ambjent għani fl-imħabba, li fih ikun aktar faċli li bniedem jinfetaħ għall-fidi u għan-novità tal-Evanġelju, u li minnu nistaħju u nerġgħu nibdew it-triq aktar sereni.
Jekk, min-naħa l-oħra, kulħadd jaqdef għal rasu, jekk moħħna jkun biss fl-affarijiet – li qatt mhuma biżżejjed -, jekk ma nisimgħux lil xulxin, jekk isaltnu l-individwaliżmu u l-għira – l-għira hi mortali, velenu! – l-arja tiqal, il-ħajja ssir aktar diffiċli, u kull laqgħa ssir okkażjoni ta’ nkwiet, swied il-qalb u skoraġġiment aktar milli okkażjoni ta’ ferħ (ara Mt 19:22).
Għeżież ħuti, il-komunjoni (l-għaqda) u l-moderazzjoni huma valuri importanti fil-ħajja nisranija tagħna: il-komunjoni, l-armonija bejnietna u l-moderazzjoni huma valuri importanti, valuri indispensabbli biex il-Knisja tkun missjunarja, f’kull livell.
Allura nistgħu nsaqsu: jien inħoss il-ġibda li nħabbar l-Evanġelju, li hemmhekk, fejn inkun ngħix, inġib il-ferħ u d-dawl li jiġu mil-laqgħa mal-Mulej? U biex nagħmel dan, jien impenjat biex nimxi mal-oħrajn, naqsam magħhom ideat u ħiliet, b’moħħ miftuħ, b’qalb ġeneruża? U fl-aħħar: naf nikkultiva stil ta’ ħajja sobriju, stil ta’ ħajja attent għall-ħtiġiet ta’ ħuti? Huma mistoqsijiet li jiswewlna ħafna jekk nagħmluhom.
Marija, Reġina tal-Appostli, tgħinna nkunu verament dixxipli missjunarji, bil-komunjoni u l-moderazzjoni fil-ħajja. F’komunjoni bejnietna u bil-moderazzjoni f’ħajjitna.
Wara l-Anġelus
Għeżież ħuti!
Insellem lilkom, rumani u pellegrini mill-Italja u minn diversi pajjiżi. Insellem partikolarment lill-parteċipanti tal-Kungress Internazzjonali tal-lajċi tal-Ordni ta’ Santu Wistin; insellem lis-Sorijiet tal-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret li qed jiċċelebraw il-Kapitlu Ġenerali; insellem liż-żgħażagħ mill-parroċċa ta’ Luson (Alto Adige) li ġew tul it-Triq Franċiġena; lill-Kunsill taż-Żgħażagħ tal-Mediterran, ispirati mill-messaġġ tal-Venerabbli Giorgio La Pira; liż-żgħażagħ parteċipanti tal-Kors Internazzjonali tar-Regnum Christi. Insellem lill-fidili pollakki miġburin fis-Santwarju tal-Madonna s-Sewda f’Częstochowa, fl-okkażjoni tal-pellegrinaġġ annwali tal-familja ta’ Radju Marija. F’dal-Ħadd tal-Baħar nitolbu għal kulmin jaħdem f’das-settur marittimu u għal kulmin jieħu ħsiebhom.
L-Omm t’Alla, li pitgħada niċċelebraw il-festa tagħha bit-titlu tal-Monte Carmeli, tagħti l-faraġ u ġġib il-paċi fost il-popolazzjonijiet kollha li huma maħkumin mill-kefrija tal-gwerra. Jekk jogħġobkom, ma ninsewx lill-Ukrajna flaġellata, il-Palestina, Iżrael, il-Myanmar.
Insellem liż-żgħażagħ tal-Immacolata.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org