Katekeżi: Il-Vjaġġ Appostoliku fil-Bahrein

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Qabel ma nkellimkom fuq dak li ppreparajt, nixtieq niġbed l-attenzjoni fuq dawn iż-żewġt itfal li ġew hawn. Huma ma talbux permess, ma qalux: “Aħ, nibża’”: qabdu u ġew direttament. Hekk għandna nagħmlu aħna ma’ Alla: direttament. Tawna eżempju ta’ kif għandna nġibu ruħna ma’ Alla, mal-Mulej: nimxu ’l quddiem! Hu dejjem jistenniena. Swieli ta’ ġid nara l-fiduċja ta’ dawn iż-żewġt itfal: kienu eżempju għalina lkoll. Hekk għandna nersqu dejjem lejn il-Mulej: bil-libertà. Grazzi.

Tlitt ijiem ilu dħalt lura mill-vjaġġ fir-Renju tal-Bahrein, li jien ma kont naf xejn fuqu, veru: ma kontx naf tajjeb kif kien, dak ir-renju. Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li akkumpanjaw din iż-żjara bit-talb tagħhom, u nġedded ir-rikonoxxenza tiegħi lejn il-Maestà Tiegħu r-Re, lejn l-Awtoritajiet l-oħra, lejn il-Knisja lokali u lejn il-popolazzjoni għall-akkoljenza sabiħa. U anki, nixtieq nirringrazzja lill-organizzaturi tal-vjaġġi: biex sar dan il-vjaġġ kien hemm moviment ta’ nies, is-Segreterija tal-Istat taħdem ħafna biex tħejji d-diskorsi, biex tħejji l-loġistika, kollox, ħafna nies… imbagħad, it-tradutturi… u mbagħad, il-Korp tal-Ġendarmerija, il-Korp tal-Gwardja Żvizzera, li huma bravissmi. Hemm xogħol enormi! Lil dawn kollha rrid nirringrazzjahom pubblikament għal dak li jagħmlu biex vjaġġ tal-Papa jmur sew. Grazzi. 

Tiġi spontanja l-mistoqsija: għaliex il-Papa ried iżur dan il-pajjiż żgħir b’maġġoranza kbira ħafna ta’ Musulmani? Hemm tant pajjiżi Nsara: għaliex l-ewwel ma jmurx f’dan jew f’dak? Nixtieq inwieġeb bi tliet kelmiet: djalogu, laqgħa u mixja.

Djalogu: l-okkażjoni tal-Vjaġġ, li ilu mixtieq żmien, kienet offruta mill-istedina tar-Re għal Forum fuq id-djalogu bejn Lvant u Punent. Djalogu li jservi biex niskopru l-għana ta’ min ġej minn popli oħra, tradizzjonijiet oħra, twemmin ieħor. Il-Bahrein, arċipelagu msawwar minn tant gżejjer, għenna nifhmu li ma għandna qatt ngħixu iżolati, imma nersqu lejn xulxin. Fil-Bahrein, li huma gżejjer, resqu lejn xulxin, u qed iwarrdu. Dan tesiġih il-kawża tal-paċi, u d-djalogu hu “l-ossiġnu tal-paċi”. Tinsewhx dan: id-djalogu hu l-ossiġnu tal-paċi. Anki fil-paċi domestika. Jekk saret gwerra hemm, bejn raġel u mara, imbagħad bid-djalogu jimxu ’l quddiem għall-paċi. Fil-familja, ukoll tiddjaloga: tiddjaloga, għax bid-djalogu nħarsu l-paċi. Kważi sittin sena ilu l-Konċilju Vatikan II, xħin tkellem fuq il-binja tal-paċi, stqarr li “dan ix-xogħol illum ċertament jitlob [mill-bnedmin] li jestendu l-ħsibijiet u l-ispirtu tagħhom lil hinn mill-fruntieri tan-nazzjon tagħhom, li jwarrbu minnhom l-egoiżmu nazzjonali u l-ambizzjoni li jiddominaw fuq nazzjonijiet oħra, li jikkultivaw stima profonda lejn l-umanità kollha li, għalkemm fost tant taħbit, diġà miexja lejn għaqda akbar tagħha” (Gaudium et spes, 82). Fil-Bahrein rajt din l-esiġenza u awgurajt li, fid-dinja kollha, ir-responsabbli reliġjużi u ċivili jagħrfu jħarsu lil hemm mill-konfini tagħhom, il-komunitajiet tagħhom, biex jieħdu ħsieb tal-flimkien. Hekk biss nistgħu naffrontaw ċerti temi universali, ngħidu aħna li Alla qed jintesa, it-traġedja tal-ġuħ, il-ħarsien tal-ħolqien, il-paċi. Flimkien, aħbsu f’dan. F’dan is-sens il-Forum ta’ djalogu, bit-titlu “Lvant u Punent lejn il-koeżistenza umana”, ħeġġeġ biex nagħżlu t-triq tal-laqgħa u nirrifjutaw dik tat-tilwim. Kemm għandna bżonn! Kemm għandna bżonn li niltaqgħu! Qed naħseb fil-ġenn tal-gwerra – ġenn! – li vittma tiegħu hi l-imsejkna Ukrajna, u f’tant ġlied ieħor, li ma jista’ qatt jissolva bil-loġika infantili tal-armi, imma biss bil-qawwa ħelwa tad-djalogu. Imma barra fl-Ukrajna, li hi mifnija, ejjew naħsbu fil-gwerer li jtulu snin sħaħ, u naħsbu fis-Sirja – iżjed minn 10 snin! – naħsbu ngħidu aħna fis-Sirja, naħsbu fit-tfal tal-Yemen, naħsbu fil-Myanmar: ma’ kullimkien! Issa, iżjed qrib tagħna hi l-Ukrajna, għaliex isiru l-gwerer? Jeqirdu, jeqirdu l-umanità, jeqirdu kollox. Il-kunflitti ma jistgħux jissolvew bil-gwerra. 

Imma ma jistax ikun hemm djalogu mingħajr – it-tieni kelma din – laqgħa. Fil-Bahrein iltqajna, u iżjed minn darba ħassejt ix-xewqa li fost l-Insara u l-Musulmani l-laqgħat jiżdiedu, jinħolqu rabtiet iżjed b’saħħithom, li din il-ħaġa neħduha iżjed għal qalbna. Fil-Bahrein – kif hi drawwa fil-Lvant – il-persuni jpoġġu idhom fuq qalbhom meta jsellmu lil xi ħadd. Dan għamiltu jien ukoll, biex nagħmel wisa’ ġewwa fija għal min kont qed niltaqa’ miegħu. Għax, mingħajr akkoljenza, id-djalogu jibqa’ vojt, apparenti, jibqa’ kwistjoni ta’ ideat u mhux ta’ realtà. Fost il-ħafna laqgħat, qed nerġa’ naħseb f’dik mal-għażiż Ħija, l-Imam il-Kbir ta’ Al-Azhar – ħija l-għażiż!; u f’dik maż-żgħażagħ tal-Iskola tal-Qalb ta’ Ġesù, studenti li tawna tagħlima kbira: jistudjaw flimkien, Insara u Musulmani. Bħala żgħażagħ, bħala adolexxenti, bħala tfal għandna nkunu nafu lil xulxin, biex hekk il-laqgħa bejn l-aħwa tegħleb il-firdiet ideoloġiċi. U hawn nixtieq nirringrazzja lill-Iskola tal-Qalb ta’ Ġesù, nirringrazzja lil Swor Rosalyn li mexxiet tant tajjeb din l-iskola, u lit-tfal li ħadu sehem bid-diskorsi, bit-talb, iż-żfin, il-kant: niftakarhom tajjeb! Grazzi ħafna. Imma anki l-anzjani offrew xhieda ta’ għerf fratern: qed nerġa’ naħseb fil-laqgħa mal-Muslim Council of Elders, organizzazzjoni internazzjonali li twieldet ftit snin ilu, li tippromovi relazzjonijiet tajba bejn il-komunitajiet Iżlamiċi, f’isem ir-rispett, il-moderazzjoni u l-paċi, u teħodha kontra l-integraliżmu u l-vjolenza.

U hekk niġu għat-tielet kelma: mixja. Il-vjaġġ fil-Bahrein ma rridux narawh bħala każ iżolat, jagħmel parti minn mixja, inawgurata minn San Ġwanni Pawlu II meta mar il-Marokk. Hekk, l-ewwel żjara ta’ Papa fil-Bahrein kienet pass ġdid fil-mixja bejn Insara u Musulmani: mhux biex ma nibqgħux ningħarfu jew inxejnu l-fidi, le: id-djalogu ma jġibx fix-xejn; imma biex nibnu pattijiet fraterni f’isem missierna Abraham, li kien pellegrin fl-art taħt il-ħarsa ħanina tal-uniku Alla tas-Sema, Alla tas-sliem. Għalhekk il-motto tal-vjaġġ kien: “Paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba”. U għaliex qed ngħid li d-djalogu ma jġibx fix-xejn? Għax biex tiddjaloga jrid ikollok identità tiegħek, trid titlaq mill-identità tiegħek. Jekk int m’għandekx identità, ma tistax tiddjaloga, għax mank tifhem int x’int. Biex djalogu jkun tajjeb, għandu dejjem jibda mill-identità tagħna, inkunu konxji mill-identità tagħna, u hekk nistgħu niddjalogaw.

Djalogu, laqgħa u mixja fil-Bahrein saru wkoll bejn l-Insara: ngħidu aħna, l-ewwel laqgħa, fil-fatt, kienet ekumenika, ta’ talb għall-paċi, mal-għażiż Patrijarka u Ħija Bartilmew u ma’ ħutna ta’ diversi konfessjonijiet u riti. Saret fil-Katidral, iddedikat lil Sidtna Marija tal-Għarabja, li l-istruttura tiegħu tevoka għarix, dak li fih, skont il-Bibbja, Alla ltaqa’ ma’ Mosè fid-deżert, tul il-mixja. L-aħwa fil-fidi, li ltqajt magħhom fil-Bahrein, jgħixu tassew “f’mixja”: huma fil-parti l-kbira ħaddiema immigranti li, bogħod minn darhom, jerġgħu jsibu l-għeruq tagħhom fil-Poplu ta’ Alla u l-familja tagħhom fil-familja kbira tal-Knisja. Ħaġa sabiħa tara dawn il-migranti, Filippini, Indjani u minn postijiet oħra, Insara li jinġabru u jwieżnu lil xulxin fil-fidi. U dawn jimxu ’l quddiem bil-ferħ, fiċ-ċertezza li t-tama ta’ Alla ma tqarraqx (ara Rum 5:5). Fil-laqgħa tiegħi mar-Ragħajja, l-ikkonsagrati, l-operaturi pastorali u, fil-quddiesa festiva u kommoventi ċċelebrata fl-istadju, tant fidili, ġejjin anki minn pajjiżi oħra tal-Golf, wassaltilhom l-imħabba tal-Knisja kollha. Dan kien il-vjaġġ.

U llum nixtieq ngħaddi lilkom il-ferħ ġenwin, sempliċi u sabiħ tagħhom. Fil-laqgħa u t-talb tagħna flimkien, ħassejna li konna qalb waħda u ruħ waħda. Xħin naħsbu fuq il-mixja tagħhom, fuq l-esperjenza tagħhom ta’ kuljum fid-djalogu, ejjew inħossuna lkoll imsejħa nwessgħu l-ixfqa tagħna: nitlobkom, qlub imwessgħa, mhux qlub magħluqa, ibsin. Iftħu qlubkom, biex inkunu lkoll aħwa u biex din il-fraternità umana tibqa’ miexja ’l quddiem. Inwessgħu l-ixfqa, niftħu, inwessgħu l-interessi u niddedikaw ruħna biex insiru nafu lill-oħrajn. Jekk int tiddedika ruħek biex issir taf lill-oħrajn, ma tkun qatt mhedded. Imma jekk int tibża’ mill-oħrajn, int stess tkun għalihom theddida. Il-mixja tal-fraternità u tal-paċi, biex timxi ’l quddiem, għandha bżonn ta’ kulħadd u ta’ kull wieħed u waħda. Jien nagħtik idi, imma jekk min-naħa l-oħra ma nsibx id oħra, ma jiswa xejn. Il-Madonna tgħinna f’din il-mixja! Grazzi!

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard