Katekeżi fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra l-abbuż u t-traffikar illeċitu tad-droga

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum niċċelebraw il-Jum Dinji kontra l-abbuż u t-traffikar illeċitu tad-droga, imwaqqaf mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fl-1978. It-tema ta’ din is-sena hi Il-provi huma ċari: hemm bżonn ninvestu fil-prevenzjoni.

San Ġwanni Pawlu II afferma li “l-abbuż tad-droga jfaqqar kull komunità li fiha hu preżenti. Inaqqas is-saħħa umana u l-fibra morali. Jimmina l-valuri għoljin. Jeqred ir-rieda li ngħixu u li nikkontribwixxu għal soċjetà aħjar”. [1] Dan jagħmel l-abbuż tad-droga u l-użu tad-droga. Fl-istess waqt, infakkru li kull min hu maħkum mill-vizzju “jġorr miegħu storja personali differenti, li għandha tiġi mismugħa, mifhuma, maħbuba u, sakemm hu possibbli, imfejqa u msoffija. […] Jibqa’ jkollu, iżjed minn qatt qabel, dinjità, għax huma persuni li huma wlied Alla”. [2] Kulħadd għandu dinjità.

Imma ma nistgħux ninjoraw l-intenzjonijiet u l-azzjonijiet ħżiena ta’ dawk li jbigħu u
jittraffikaw id-droga. Huma assassini! Il-Papa Benedittu XVI uża kliem iebes waqt żjara lil
komunità terapewtika: “Lit-traffikanti tad-droga ngħidilhom jirriflettu fuq il-ħażen li qed
jagħmlu lil għadd kbir ta’ żgħażagħ u ta’ adulti minn kull livell tas-soċjetà: Alla se jitlobhom kont ta’ dak li għamlu. Id-dinjità umana ma tistax tiġi mżebilħa f’din id-dinja”. [3] U d-droga żżeblaħ id-dinjità umana.

M’aħniex ħa nnaqqsu d-dipendenza fuq id-drogi billi nilliberalizzaw il-konsum – din hi fantasija –, kif ġie propost, jew diġà attwat, f’xi pajjiżi. Nilliberalizzaw, u aktar ikun hawn konsum. Jiena ltqajt ma’ ħafna stejjer traġiċi ta’ dipendenti fuq id-drogi u tal-familji
tagħhom, u jiena konvint li hu moralment doveruż li nġibu fi tmiemhom il-produzzjoni u t-traffikar ta’ dawn is-sustanzi perikolużi. Kemm traffikanti tal-mewt hawn – għax it-traffikanti tad-droga huma traffikanti tal-mewt –, immexxija mil-loġika tal-poter u tal-flus ikun xi jkun il-prezz! U din il-pjaga, li tipproduċi vjolenza u tiżra’ tbatija u mewt, tesiġi mis-soċjetà kollha att ta’ kuraġġ.

Il-produzzjoni u t-traffikar tad-droga għandhom impatt qerriedi anki fuq id-dar komuni tagħna. Ngħidu aħna, dan qed isir dejjem aktar ċar fil-baċin Amażoniku.

Triq oħra prijoritarja biex neħduha kontra l-abbuż u t-traffikar tad-drogi hi dik tal-prevenzjoni, li nimxuha billi nippromovu iktar ġustizzja, nedukaw iż-żgħażagħ għall-valuri li jibnu l-ħajja personali u komunitarja, nakkumpanjaw lil min hu f’diffikultà u noffru tama fil-futur.

Fil-vjaġġi tiegħi f’diversi djoċesijiet u diversi pajjiżi, stajt inżur bosta komunitajiet ta’
riabilitazzjoni mnebbħa mill-Vanġelu. Huma xhieda b’saħħitha u mimlija tama tal-impenn tas-saċerdoti, l-ikkonsagrati u l-lajċi li jpoġġu fil-prattika l-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb. Kif nitfarraġ ukoll bl-isforzi ta’ diversi Konferenzi Episkopali biex jippromovu liġijiet u politika ġusta dwar it-trattament tal-persuni dipendenti mill-użu tad-drogi u mill-prevenzjoni biex iwaqqfu dan il-flaġell.

Bħala eżempju, insemmi La Pastoral Latinoamericana de Acompañamiento y Prevençión de Adicciones (PLAPA). L-istatut tagħha jagħraf li “d-dipendenza fuq l-alkoħol, fuq sustanzi psikoattivi u forom oħra ta’ dipendenza (pornografija, teknoloġiji ġodda, u l-bqija)… hi problema li tolqotna kollha l-istess, lil hemm mid-differenzi ġeografiċi, soċjali, kulturali, reliġjużi u ta’ età. Minkejja d-differenzi, …irridu norganizzaw ruħna bħala komunità: naqsmu l-esperjenzi, l-entużjażmu, id-diffikultà”. [4]

Insemmi wkoll lill-Isqfijiet tal-Afrika ta’ Isfel, li f’Novembru 2023 sejħu laqgħa fuq it-tema
“Nagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ bħala aġenti ta’ paċi u tama”. Ir-rappreżentanti taż-żgħażagħ preżenti għal-laqgħa rrikonoxxew f’dik l-assemblea “tragward sinifikattiv orjentat lejn żgħożija sana u attiva fir-reġjun kollu”. Wegħdu wkoll: “Naċċettaw ir-rwol ta’ ambaxxaturi u sostenituri tal-ġlieda kontra l-użu ta’ sustanzi ta’ drogi. Nitolbu liż-żgħażagħ kollha jkunu dejjem empatiċi ma’ xulxin”. [5]

Għeżież ħuti, quddiem is-sitwazzjoni traġika tad-dipendenza ta’ miljuni ta’ persuni fuq id-drogi fid-dinja kollha, quddiem l-iskandlu tal-produzzjoni u tat-traffikar illeċitu ta’ dawn id-drogi, “ma nistgħux inkunu indifferenti. Il-Mulej Ġesù waqaf, ġie qrib tagħna, ikkuralna l-pjagi. Fuq l-istil tal-qrubija tiegħu, aħna wkoll imsejħin naġixxu, nieqfu quddiem is-sitwazzjonijiet ta’ dgħufija u ta’ niket, nagħtu widen għall-karba tas-solitudni u tat-tbatija, nitbaxxew biex nerfgħu u nagħtu ħajja ġdida lil dawk li jaqgħu fil-jasar tad-droga”. [6] U nitolbu għal dawk il-kriminali li jagħtu d-droga liż-żgħażagħ: huma kriminali, huma assassini! Nitolbu għall-konverżjoni tagħhom.

F’dan il-Jum Dinji kontra d-droga, bħala Nsara u komunitajiet ekkleżjali nġeddu l-impenn
tagħna ta’ talb u ta’ ħidma kontra d-droga. Grazzi!


[1] Messaġġ lill-parteċipanti fil-Konferenza Internazzjonali ta’ Vjenna dwar l-abbuż u t-traffikar illeċitu tad-droga (4 ta’ Ġunju 1987).
[2] Diskors lill-parteċipanti fil-laqgħa organizzata mill-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi fuq: “Narkotiċi: Problemi u soluzzjonijiet ta’ din il-kwistjoni globali” (24 ta’ Novembru 2016).
[3] Diskors lill-komunità “Fazenda da Esperança”, il-Brażil, 12 ta’ Mejju 2007.
[4] https://adn.celam.org/wp-content/uploads/2023/09/Carta-a-la-Iglesia-de-ALC-PLAPA-14sept2023-CL.pdf.
[5] https://imbisa.africa/2023/11/21/statement-following-the-imbisa-youth-meeting/.
[6] Messaġġ lill-parteċipanti tas-60 Kungress Internazzjonali tat-Tossikologi Forensi (26 ta’ Awwissu 2023).

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard