Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum nixtieq nippreżentalkom lil San Ġużepp bħala migrant ippersegwitat u kuraġġjuż. Hekk jiddeskrivih l-Evanġelista Mattew. Din il-ġrajja partikulari tal-ħajja ta’ Ġesù, li tara bħala protagonisti anki lil Ġużeppi u lil Marija, hi magħrufa tradizzjonalment bħala “l-ħarba lejn l-Eġittu” (ara Mt 2:13-23). Il-familja ta’ Nazaret ġarrbet din l-umiljazzjoni u daqet hi stess il-prekarjetà, il-biża’, l-uġigħ ta’ qalb għax kellha tħalli artha. Illum ukoll tant ħutna jkollhom jgħaddu mill-istess inġustizzja u tbatija. Il-kawża kważi dejjem hi l-prepotenza  u l-vjolenza tas-setgħanin. Ġesù ġralu hekk ukoll.

Is-sultan Erodi sar jaf mingħand il-Maġi bit-twelid tas-“sultan tal-Lhud”, u l-aħbar ħawditu. Ħassu insigur, ħass is-setgħa tiegħu mhedda. Għalhekk hu laqqa’ lill-awtoritajiet kollha ta’ Ġerusalemm biex jitkixxef dwar il-post tat-twelid, u talab lill-Maġi jgħidulu bi preċiżjoni, biex – kif jgħidilhom b’qerq – hu wkoll ikun jista’ jmur jagħtih qima. Imma meta ntebaħ li l-Maġi kienu telqu minn triq oħra, ħema f’moħħu ħsieb qerriedi: li joqtol lit-tfal kollha ta’ Betlehem minn sentejn ’l isfel billi, skont il-kalkolu tal-Maġi, dak kien iż-żmien li fih twieled Ġesù.

Sadanittant, anġlu jordna lil Ġużeppi: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ’l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu” (Mt 2:13). Illum nistgħu naħsbu f’ħafna persuni li jisimgħu dan il-leħen ġewwa fihom: “Naħarbu, naħarbu, għax hawnhekk hawn il-periklu”. Il-pjan ta’ Erodi jfakkarna f’dak tal-Fargħun li jixħet fin-Nil lill-ulied kollha subien tal-poplu ta’ Iżrael (ara Eż 1:22). U l-ħarba fl-Eġittu tevoka l-istorja kollha ta’ Iżrael ibda minn Abraham, li wkoll qagħad hemm għal xi żmien (ara Ġen 12:10), sa Ġużeppi, bin Ġakobb, mibjugħ minn ħutu (ara Ġen 37:36) u li mbagħad sar “kap tal-pajjiż” (ara Ġen 41:37-57); u sa Mosè, li ħeles il-poplu tiegħu mill-jasar tal-Eġizzjani (ara Eż 1:18).

Il-kuraġġ hu sinonimu mal-qawwa, li flimkien mal-ġustizzja, mal-prudenza u mat-temperanza tagħmel parti mill-grupp tal-virtujiet umani, imsejħa “kardinali”.

Il-ħarba tal-Familja Mqaddsa lejn l-Eġittu salvat lil Ġesù, imma b’xorti ħażin ma żammitx lil Erodi milli jwettaq l-istraġi li kellu f’moħħu. Ninsabu quddiem żewġ personalitajiet opposti għal xulxin: minn naħa Erodi bil-kefrija tiegħu u mill-oħra Ġużeppi bl-attenzjoni u l-kuraġġ tiegħu. Erodi ried jiddefendi s-setgħa tiegħu, ried isalva ġildu, b’kefrija bla ħniena, kif jixhed ukoll il-qtil ta’ waħda min-nisa tiegħu, ta’ wħud minn uliedu u ta’ mijiet ta’ oħrajn li ħaduha kontrih. Kien bniedem kiefer: biex isolvi l-problemi, kellu biss riċetta waħda: “itajjar” min-nofs. Huwa s-simbolu ta’ tant tiranni tal-bieraħ u ta’ għada. U għalihom, għal dawn it-tiranni, in-nies ma tiswa xejn: li jiswa hu l-poter, u jekk ikollhom bżonn ta’ spazju għall-poter, itajru n-nies u jeħilsu minnhom. U dan qed jiġri llum ukoll: ma għandniex għalfejn immorru wisq lura fl-istorja, qed jiġri llum. Huwa l-bniedem li jsir “lupu” għall-bnedmin l-oħra. L-istorja mimlija b’personalitajiet li, imwerwra mill-istess biżgħat tagħhom, jippruvaw jegħlbuhom billi jħaddmu l-poter b’mod despotiku u jwettqu pjanijiet diżumani ta’ vjolenza. Imma ma rridux naħsbu li nkunu qed nagħmlu bħal Erodi biss jekk insiru tiranni, le! Fir-realtà dan hu atteġġjament li fih nistgħu naqgħu kollha kemm aħna, kull darba li nfittxu li nkeċċu l-biżgħat tagħna bil-prepotenza, imqar jekk biss verbali jew magħmula minn abbużi żgħar tal-poter li bihom inkunu nbaxxu lill-oħrajn. Aħna wkoll għandna f’qalbna l-possibbiltà li nkunu Erodijiet żgħar.

Illum naħseb li għandna nitolbu għall-migranti kollha, għall-ippersegwitati kollha u għal dawk kollha li huma vittmi ta’ ċirkustanzi ibsin: sew jekk huma ċirkustanzi politiċi, storiċi jew personali

Ġużeppi huwa l-maqlub ta’ Erodi: qabelxejn huwa “raġel ġust” (Mt 1:19), waqt li Erodi hu dittatur; barra min hekk juri kuraġġ fit-twettiq tal-ordni tal-Anġlu. Nistgħu biss nistħajlu l-avventuri li kellu jħabbat wiċċu magħhom tul il-vjaġġ twil u perikoluż u l-iebes li ġabet magħha l-permanenza f’pajjiż barrani, b’lingwa oħra: tant saram. Il-kuraġġ tiegħu joħroġ anki fil-mument tar-ritorn, meta, żgurat mill-Anġlu, jegħleb il-biżgħat – li wieħed jifhimhom – u ma’ Marija u Ġesù jmorru joqogħdu Nazaret (ara Mt 2:19-23). Erodi u Ġużeppi huma żewġ persunaġġi opposti, li jirriflettu ż-żewġt uċuħ tal-umanità ta’ dejjem. Hi cliché żbaljata li nqisu l-kuraġġ bħala virtù esklussiva tal-eroj. Fir-realtà, il-ħajja ta’ kuljum ta’ kull persuna – tiegħi, tiegħek, tagħna lkoll – titlob kuraġġ: ma nistgħux ngħixu mingħajr kuraġġ! Il-kuraġġ biex naffrontaw id-diffikultajiet ta’ kuljum. F’kull żmien u f’kull kultura nsibu rġiel u nisa kuraġġjużi, li biex baqgħu koerenti mat-twemmin tagħhom għelbu kull xorta ta’ diffikultajiet, ġarrbu inġustizzji, kundanni u saħansitra l-mewt. Il-kuraġġ hu sinonimu mal-qawwa, li flimkien mal-ġustizzja, mal-prudenza u mat-temperanza tagħmel parti mill-grupp tal-virtujiet umani, imsejħa “kardinali”.

Il-lezzjoni li llum qed iħallilna Ġużeppi hija din: il-ħajja dejjem ħa toffrilna s-saram, dan hu minnu, u quddiemu nistgħu anki nħossuna mhedda, imbeżżgħa… imma mhuwiex billi noħorġu l-agħar ta’ ġo fina, kif jagħmel Erodi, li nistgħu negħlbu ċerti mumenti, imma jekk inġibu ruħna bħal Ġużeppi li jirreaġixxi għall-biża’ bil-kuraġġ li jafda ruħu fil-Providenza ta’ Alla. Illum naħseb li għandna nitolbu għall-migranti kollha, għall-ippersegwitati kollha u għal dawk kollha li huma vittmi ta’ ċirkustanzi ibsin: sew jekk huma ċirkustanzi politiċi, storiċi jew personali. Imma ejjew naħsbu f’tant nies vittmi tal-gwerer li jridu jaħarbu minn pajjiżhom u ma jistgħux; naħsbu fil-migranti li jibdew dik it-triq biex ikunu ħielsa u ħafna jispiċċaw mixħuta fit-triq jew fil-baħar; naħsbu f’Ġesù f’dirgħajn Ġużeppi u Marija, qed jaħarbu, u nilmħu fih lil kull wieħed u waħda mill-migranti tal-lum. Hi realtà, din tal-migrazzjoni tal-lum, li quddiemha ma nistgħux nagħlqu għajnejna. Huwa skandlu soċjali tal-umanità.

San Ġużepp,
int li ġarrabt it-tbatija ta’ min ikollu jaħrab,
int li kellek taħrab
biex issalva l-ħajja tal-persuni l-aktar għeżież,
ħares fuq dawk kollha li qed jaħarbu minħabba l-gwerra,
il-mibegħda, il-ġuħ.
Weżinhom fl-għawġ tagħhom,
qawwihom fit-tama u agħmel li jsibu min jilqagħhom u jurihom solidarjetà.
Mexxi l-passi tagħhom u iftaħ il-qalb ta’ dawk li jistgħu jgħinuhom. Amen.

Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard