Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Kemm-il darba f’din is-serje ta’ katekeżi fakkarna kif it-talb huwa waħda mill-karatteristiċi l-iżjed evidenti fil-ħajja ta’ Ġesù: Ġesù kien jitlob, u jitlob ħafna. Matul il-missjoni tiegħu, Ġesù kien mgħaddas fit-talb, għax id-djalogu mal-Missier huwa l-qalba mkebbsa tal-ħajja kollha tiegħu.
Il-Vanġeli jixhdulna kif it-talb ta’ Ġesù sar iktar intens u qawwi fis-siegħa tal-passjoni u l-mewt tiegħu. Dawn il-ġrajjiet tal-qofol ta’ ħajtu jagħmlu l-qalba ċentrali tal-predikazzjoni Nisranija: dawk l-aħħar sigħat li għex Ġesù f’Ġerusalemm huma l-qalba tal-Vanġelu mhux biss għax għal dan ir-rakkont l-Evanġelisti, f’paragun ma’ oħrajn, jirriservaw iktar spazju, imma anki għaliex il-ġrajja tal-mewt u l-qawmien – bħal leħħa ta’ berqa – tixħet dawl fuq il-bqija kollha tal-ħajja ta’ Ġesù. Hu ma kienx xi filantropu li ħa ħsieb tal-bniedem fit-tbatijiet u l-mard tiegħu: kien u hu ħafna iżjed minn hekk. Fih m’hemmx biss it-tjieba: hemm xi ħaġa iżjed, hemm is-salvazzjoni, u mhux salvazzjoni ta’ biċċa – dik li ssalvani minn marda jew minn mument skomdu – imma s-salvazzjoni sħiħa, dik messjanika, dik li tittamana fir-rebħa defenittiva tal-ħajja fuq il-mewt.
Għalhekk, fil-jiem tal-aħħar Għid tiegħu, lil Ġesù nsibuh mgħaddas għalkollox fit-talb.
Hu jitlob b’mod drammatiku fil-ġnien tal-Ġetsemani – smajnieh –, maħkum minn biża’ tal-mewt. Imma Ġesù, proprju f’dak il-mument, idur lejn Alla u jsejjaħlu “Abbà”, Pa (ara Mk 14:36). Din il-kelma bl-Aramajk – li kienet il-lingwa ta’ Ġesù – tesprimi intimità, tesprimi fiduċja. Proprju huwa u jħoss is-sħab mudlam jeħxien madwaru, Ġesù jgħaddi minnu b’dik il-kelma ċkejkna: Abbà, Pa.
Ġesù jitlob ukoll fuq is-salib, imdawwar mid-dalma tas-skiet ta’ Alla. Imma anki hawn fuq xofftejh twarrad mill-ġdid il-kelma “Missier”. Hija l-aktar talba qalbiena, għax fuq is-salib Ġesù huwa l-interċessur assolut: jitlob għall-oħrajn, jitlob għal kulħadd, anki għal dawk li jikkundannawh, mingħajr ma jsib lil ħadd, ħlief ħalliel imsejken, fuq in-naħa tiegħu. Kollha kienu kontrih jew indifferenti, dak il-ħalliel biss għaraf is-setgħa li kellu. “Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Fil-qalba tat-traġedja kollha, fit-tbatija l-aktar ħarxa tar-ruħ u tal-ġisem, Ġesù jitlob bi kliem is-Salmi; mal-foqra tad-dinja, speċjalment ma’ dawk minsijin minn kulħadd, ilissen il-kelmiet traġiċi tas-Salm 22: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (v. 2): hu seta’ jħoss l-abbandun u għalhekk talab. Fuq is-salib iseħħ id-don tal-Missier, li joffri l-imħabba, jiġifieri sseħħ is-salvazzjoni tagħna. U anki, darba minnhom, isejjaħlu “Alla tiegħi”, “Missier, f’idejk jien neri ruħi”: jiġifieri kollox, kollox hu talba, fit-tliet sigħat tas-Salib.
Għalhekk Ġesù jitlob fis-sigħat deċiżivi tal-passjoni u tal-mewt. U bil-qawmien il-Missier jagħti widen għal talbu. It-talba ta’ Ġesù hija intensa, it-talba ta’ Ġesù hija unika u ssir ukoll il-mudell għat-talba tagħna. Ġesù talab għal kulħadd, talab għalija wkoll, għal kull wieħed u waħda minnkom. Kull wieħed u waħda minna jista’ jgħid: “Ġesù, fuq is-salib, talab għalija”. Talab. Ġesù jista’ jgħid lil kull wieħed u waħda minna: “Tlabt għalik, fl-Aħħar Ċena u fuq l-għuda tas-Salib”. Anki fl-ikbar tbatija tagħna, m’aħna qatt waħidna. It-talba ta’ Ġesù tinsab magħna. “U issa, Dun, hawn, aħna li qed nisimgħu dan, Ġesù qed jitlob għalina?”. Iva, ikompli jitlob għax il-Kelma tiegħu tgħinna nibqgħu mexjin ’il quddiem. Imma nitolbu u niftakru li hu qed jitlob għalina.
U naħseb din hi l-isbaħ ħaġa li nistgħu niftakru. Din hija l-aħħar katekeżi ta’ dan iċ-ċiklu fuq it-talb: niftakru fil-grazzja li aħna mhux biss nitolbu, imma li, biex ngħidu hekk, aħna ġejna “mitluba”, jiġifieri diġà aħna milqugħa fid-djalogu ta’ Ġesù mal-Missier, fil-komunjoni tal-Ispirtu s-Santu. Ġesù jitlob għalija: kull wieħed u waħda minna jista’ jqiegħed dan f’qalbu: ma għandniex ninsewh dan. Imqar fil-mumenti koroh. Aħna diġà milqugħin fid-djalogu ta’ Ġesù mal-Missier fil-komunjoni tal-Ispirtu s-Santu. Fi Kristu Ġesù aħna mixtieqa, u anki fis-siegħa tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien kollox ġie offrut għalina. U allura, bit-talb u bil-ħajja tagħna, ma fadlilna xejn ħlief li nsibu l-kuraġġ, it-tama, u b’dawn il-kuraġġ u t-tama nħossu qawwija t-talba ta’ Ġesù għalina u nibqgħu mexjin: biex il-ħajja tagħna tagħti glorja lil Alla fl-għarfien li hu qed jitlob għalija lill-Missier, li Ġesù qed jitlob għalija.
maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard