Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Kemm qed nieħu gost li nistgħu niltaqgħu wiċċ imb wiċċ, għax ħa ngħidilkom ħaġa: ma tiħux pjaċir titkellem quddiem il-vojt, quddiem kamera. Ma fihx gost. U issa, wara tant xhur, grazzi għall-kuraġġ ta’ Mons. Sapienza – li qal: “Le, nagħmluha hemm” – ninsabu hawn miġburin flimkien. Bravu Mons. Sapienza! Li niltaqa’ man-nies, u niltaqa’ magħkom, kull wieħed u waħda bl-istorja tagħkom, nies ġejjin minn kull rokna, mill-Italja, mill-Istati Uniti, mill-Kolombja, imbagħad dak il-grupp ċkejken tal-futbol ta’ erba’ aħwa Żvizzeri – naħseb – qegħdin hemm… erbgħa. Jonqos l-oħt, nittamaw li tasal… Nieħu pjaċir nara lil kull wieħed u waħda minnkom, għax aħna lkoll aħwa fil-Mulej, u li naraw lil xulxin jgħinna nitolbu għal xulxin. Anki n-nies li qiegħda ’l bogħod imma dejjem tinsab fil-qrib. Ma tistax tonqos Sœur Geneviève minn Lunapark, persuni li jaħdmu: huma ħafna u jinsabu lkoll hawn. Grazzi tal-preżenza tagħkom u taż-żjara tagħkom. Wasslu lil kulħadd il-messaġġ tal-Papa. Il-messaġġ tal-Papa hu li jien nitlob għal kulħadd, u nitlobkom titolbu għalija magħqudin fit-talb.

U la qed nitkellmu fuq it-talb, it-talb Nisrani, bħall-ħajja Nisranija kollha, mhuwiex xi “passiġġata”. Ħadd minn dawn in-nies kbar tat-talb li magħhom niltaqgħu fil-Bibbja u fl-istorja tal-Knisja ma kellu xi ħajja tat-talb “komda”. Iva, nistgħu nitolbu bħall-pappagalli – bla, bla, bla, bla, bla – imma dan mhuwiex talb. It-talb bla dubju ta’ xejn jagħtina paċi kbira, imma permezz ta’ taqbida interjuri, xi drabi iebsa, li tista’ ttul perjodi anki twal tal-ħajja. Li nitolbu mhijiex xi ħaġa faċli u għalhekk aħna naħarbu mit-talb. Kull darba li nkunu ħa nitolbu, dritt jiġu f’moħħna tant attivitajiet oħra, li f’dak il-mument jidhru iżjed importanti u iżjed urġenti. Dan jiġri lili wkoll: immur biex nitlob ftit… U le, irrid nagħmel din u dik il-ħaġa… Aħna naħarbu mit-talb, ma nafx għaliex, imma hekk hu. Kważi dejjem, wara li nkunu pposponejna t-talb, nintebħu li dawk l-affarijiet fil-verità ma kinux essenzjali, u li forsi nkunu ħlejna l-ħin. L-Għadu hekk iqarraq bina.

Il-bnedmin kollha ta’ Alla jsemmu mhux biss il-ferħ fit-talb, imma anki l-fastidju u t-taħbit li jista’ jġib miegħu: kultant tkun taqbida ħarxa biex nibqgħu fidili għall-ħinijiet u għall-modi tat-talb. Xi qaddisin baqgħu għaddejjin għal snin twal mingħajr ma jagħtihom ebda gost, mingħajr ma jħossu s-siwi tiegħu. Is-skiet, it-talb, il-konċentrazzjoni huma eżerċizzji ibsin, u xi drabi n-natura umana tirribella. Aktarx nippreferu nkunu f’xi parti oħra tad-dinja, imma mhux hemm, nitolbu fuq dak il-bank tal-knisja. Min irid jitlob għandu jiftakar li l-fidi mhijiex ħafifa, u xi drabi tkun f’dalma sħiħa, mingħajr punti ta’ riferiment. Hemm mumenti tal-ħajja tal-fidi li huma mudlama u għalhekk xi qaddisin isejħulu “l-lejl mudlam”, għax wieħed ma jħoss xejn. Imma jiena nibqa’ nitlob xorta waħda.

Il-Katekiżmu jagħtina lista twila ta’ serje ta’ għedewwa tat-talb, dawk li jagħmluhielna diffiċli li nitolbu, li jpoġġuna f’diffikultà (ara nn. 2726-2728). Hemm min jiddubita li jista’ jilħaq tassew lil Dak li jista’ kollox: imma għaliex Alla jiskot? Jekk Alla jista’ kollox, ma jistax jgħid xi kelma jew tnejn u jtemm l-istorja hawn? Quddiem id-divin li ma jistgħux jaħkmu taħt idejhom, oħrajn jissuspettaw li t-talb huwa sempliċi taħriġ psikoloġiku; ħaġa li forsi tista’ tkun utli, imma la hi vera u lanqas meħtieġa: u nistgħu saħansitra nipprattikawha mingħajr ma nkunu nies ta’ fidi. U tant spjegazzjonijiet oħrajn bħal dawn.

Imma l-agħar għedewwa tat-talb jinsabu ġewwa fina stess. Il-Katekiżmu jsejħilhom hekk: “Naqtgħu qalbna għax inħossu nixfa fina għat-talb; niddejqu għax ma nistgħux nagħtu kollox lil Alla, għax għandna ‘ħafna ġid’, nitqarrqu għax it-talb tagħna ma ġiex milqugħ kif ridna; narawh ġerħa lis-suppervja tagħna li tagħfas fuq il-fatt li lilna ma jistħoqqilna xejn għax midinbin; allerġija għat-talb bħala don mogħti b’xejn” (n. 2728). Bla dubju din hi lista fil-qosor, li tista’ titwal iżjed.

X’għandna nagħmlu fil-ħin tat-tentazzjoni, meta kollox jidher inċert? Jekk nistħarrġu l-istorja tal-ispiritwalità, dlonk nintebħu kif l-imgħallmin tar-ruħ kellhom ċara quddiem għajnejhom is-sitwazzjoni li għadna kemm fissirna. Kull wieħed minnhom ta sehmu biex din tingħeleb: kelma ta’ għerf, jew suġġeriment biex wieħed jaffronta ż-żminijiet qliel ta’ diffikultà. Mhumiex teoriji elaborati fuq xi mejda, le, imma pariri li nibtu mill-esperjenza, li juru l-importanza li nirreżistu u nipperseveraw fit-talb.

Ikun interessanti nistħarrġu tal-inqas xi wħud minn dawn il-pariri, għax kull wieħed jixraqlu li ninżlu iktar fil-fond tiegħu. Ngħidu aħna, l-Eżerċizzi spiritwali ta’ Sant’Injazju ta’ Loyola huma ktejjeb ta’ għerf kbir, li jgħallimna npoġġu ftit ordni f’ħajjitna. Ifehemna li l-vokazzjoni Nisranija hi taqbida, hi deċiżjoni li nimxu wara l-bandiera ta’ Ġesù Kristu u mhux wara dik tax-xitan, u nfittxu li nagħmlu t-tajjeb anki meta dan isir diffiċli.

Fiż-żminijiet ta’ prova tajjeb niftakru li m’aħniex waħidna, li hemm min qed jishar ħdejna u jipproteġina. Anki Sant’Anton Abbati, il-fundatur tal-monakiżmu Nisrani, fl-Eġittu, affronta mumenti terribbli, fejn it-talb inbidel f’taqbida qalila. Il-bijografu tiegħu Sant’Atanasju, Isqof ta’ Lixandra, jirrakkonta li wieħed mill-agħar episodji li għadda minnhom il-qaddis eremita kien meta kellu xi 35 sena, l-età tan-nofs li għal ħafna hi żmien ta’ kriżi. Anton kien imġarrab minn dik il-prova, imma rreżista. Meta fl-aħħar reġa’ kiseb is-serenità, dar fuq il-Mulej b’ton kważi ta’ ċanfira: “Fejn kont? Għaliex ma ġejtx tħaffef biex ittemm it-tbatijiet tiegħi?”. U Ġesù wieġbu: “Anton, jien hemm kont. Imma stennejt biex narak titqabad” (Ħajja ta’ Anton, 10). It-taqbid fit-talb. U ħafna drabi t-talb hu taqbida. Qed niftakar f’ħaġa li għextha mill-qrib, meta kont fid-djoċesi l-oħra. Kien hemm koppja li kellha bint ta’ disa’ snin, b’marda li t-tobba ma kinux jafu x’inhi. U fl-aħħar, fl-isptar, it-tabib qal lill-omm: “Sinjura, sejjaħ lil żewġek”. U żewġha kien ix-xogħol; kienu ħaddiema, jaħdmu l-ġranet kollha. U qal lill-missier: “It-tifla mhix ħa tvinċi l-lejl kollu. Għandha infezzjoni, ma nistgħu nagħmlu xejn”. Dak ir-raġel, forsi ma kienx imur kull nhar ta’ Ħadd il-quddiesa, imma kellu fidi kbira. Ħareġ jolfoq, ħalla lil martu hemm mat-tifla l-isptar, qabad it-tren u għamel sebgħin kilometru ta’ distanza biex mar fil-Bażilika tal-Madonna ta’ Luján, il-Patruna tal-Arġentina. U hemm – il-bażilika kienet diġà magħluqa, kienu kważi l-għaxra ta’ billejl, ta’ filgħaxija – hu ggranfa mal-kanċell tal-Bażilika u għadda l-lejl sħiħ jitlob lill-Madonna, jissielet għall-ħajja ta’ bintu. Din mhix fantasija; rajtu jien b’għajnejja! Għextha jien. Rajtu lil dan ir-raġel jitqabad hemm. Fl-aħħar, fis-6.00am, fetħet il-knisja u hu daħal isellem lill-Madonna: għadda l-lejl sħiħ “jitqabad”, u mbagħad mar lura d-dar. Meta wasal, fittex lil martu, imma ma sabhiex u ħaseb: “Telqet. Le, il-Madonna ma tistax tagħmilli hekk”. Imbagħad sabha, bi tbissima fuq fommha, u qaltlu: “Ma nafx x’ġara; it-tobba qalulna li ħabta u sabta qalbet għall-aħjar u li issa fieqet”. Dak ir-raġel tqabad fit-talb u rċieva l-grazzja tal-Madonna. Il-Madonna semgħetu. U dan rajtu jien b’għajnejja: it-talb jagħmel il-mirakli, għax it-talb jinfed sewwasew fil-qalba tal-ħlewwa ta’ Alla li jħobbna bħal missier. U meta ma jagħtiniex il-grazzja, jagħtina oħra li mbagħad narawha biż-żmien. Imma dejjem hemm bżonn tat-taqbid fit-talb biex nitolbu l-grazzja. Iva, xi drabi aħna nitolbu grazzja li niġu bżonn, imma nitolbuha hekk, bla ħajra ta’ xejn, bla ma nitqabdu, imma l-affarijiet serji mhux hekk titlobhom. It-talb hu taqbida u l-Mulej hu dejjem magħna.

Jekk f’mument ta’ għama ma jirnexxilniex inħossu l-preżenza tiegħu, għad jirnexxielna fil-futur. Jiġri lilna wkoll li ntennu l-istess frażi li darba qal il-Patrijarka Ġakobb: “Tassew hawn Alla f’dan il-post, u jien ma ntbaħtx” (Ġen 28:16). Fi tmiem ħajjitna, meta nduru nħarsu lura, aħna wkoll għad nistgħu ngħidu: “Ħsibt li kont waħdi, imma le, ma kontx: Ġesù kien miegħi”. Ilkoll għad nistgħu ngħiduh dan.

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard