Ċiklu – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. I. L-infanzja ta’ Ġesù. 1. Il-
ġenealoġija ta’ Ġesù (Mt 1:1-17). Id-dħul tal-Iben ta’ Alla fl-istorja

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum qed nibdew iċ-ċiklu ta’ katekeżijiet għal matul is-Sena Ġubilari kollha. It-tema hi “Ġesù Kristu t-tama tagħna”: fil-fatt, huwa għandu li jrid jasal il-pellegrinaġġ tagħna, u hu stess hu t-triq, il-mixja li rridu nterrqu.

L-ewwel parti se tittratta l-infanzja ta’ Ġesù, li jirrakkontawhielna l-Evanġelisti Mattew u Luqa (ara Mt 1-2; Lq 1-2). Il-Vanġeli tal-infanzja jirrakkontaw it-tnissil verġinali ta’ Ġesù u t-twelid tiegħu mill-ġuf ta’ Marija; ifakkru fil-profeziji messjaniċi li jitwettqu fih; u jitkellmu fuq il-paternità legali ta’ Ġużeppi, li jlaqqam lill-Iben ta’ Alla fuq iz-“zokk” tad-dinastija Davidika. Hu ppreżentat lilna Ġesù tarbija tat-twelid, tfajjel u adolexxent, li joqgħod għall-kelma tal-ġenituri tiegħu u, fl-istess waqt, hu konxju li hu kollu kemm hu mogħti għall-Missier u għas-Saltna tiegħu. Id-differenza bejn iż-żewġ Evanġelisti hi li waqt li Luqa jirrakkonta l-ġrajjiet bl-għajnejn ta’ Marija, Mattew dan jagħmlu b’dawk ta’ Ġużeppi, u jisħaq fuq paternità hekk unika.

Mattew jiftaħ il-Vanġelu tiegħu u l-kanoni sħiħ tat-Testment il-Ġdid bin-“nisel ta’ Ġesù Kristu, bin David, bin Abraham” (Mt 1:1). Hija lista ta’ ismijiet diġà preżenti fl-Iskrittura Lhudija, biex turi l-verità tal-istorja u l-verità tal-ħajja umana. Fil-fatt, “il-ġenealoġija tal-Mulej hi magħmula mill-istorja vera, fejn huma preżenti xi ismijiet li, biex ngħidu l-inqas, huma problematiċi, u hemm enfasi fuq id-dnub tas-sultan David (ara Mt 1:6). Imma kollox jintemm u jwarrad f’Marija u fi Kristu (ara Mt 1:16)” (Ittra fuq it-tiġdid tal-istudju tal-istorja tal-Knisja, 21 ta’ Novembru 2024). Tidher imbagħad il-verità tal-ħajja umana li tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra u tħalli warajha tliet ħwejjeġ: isem li jiġbor fih identità u missjoni uniċi; l-appartenenza għal familja u għal poplu; u fl-aħħar it-twaħħid tal-fidi ma’ Alla ta’ Iżrael.

Il-ġenealoġija hija ġeneru letterarju, jiġifieri forma adatta biex twassal messaġġ importanti ħafna: ħadd ma jagħti l-ħajja lilu nnifsu, imma jirċeviha b’don mingħand oħrajn; f’dan il-każ, għandna l-poplu l-magħżul u min jiret id-depożitu tal-fidi tal-missirijiet, huwa u jgħaddi l-ħajja lill-ulied, jgħaddilhom ukoll il-fidi f’Alla.

Imma b’differenza mill-ġenealoġiji tat-Testment il-Qadim, fejn jidhru biss ismijiet maskili, għax f’Iżrael huwa l-missier li jimponi l-isem fuq l-iben, fil-lista ta’ Mattew fost l-antenati ta’ Ġesù jidhru anki n-nisa. Insibu ħamsa: Tamar, il-mara ta’ bin Ġuda li, xħin romlot, għamlet tabirruħha prostituta biex tiżgura dixxendenza għal żewġha (ara Ġen 38); Raħab, il-prostituta ta’ Ġeriko li tħalli lill-ispiji Lhud jidħlu fl-art imwiegħda u jirbħuha (ara Ġoż 2); Rut, il-Mowabita li, fil-ktieb bl-istess isem, tibqa’ fidila għall-kunjata tagħha, tieħu ħsiebha u ssir il-bużnanna tas-sultan David; Batsabea, li magħha David jagħmel adulterju u, wara li jibgħat joqtol lil żewġha, inissel lil Salamun (ara 2 Sam 11); u fl-aħħar Marija ta’ Nazaret, l-għarusa ta’ Ġużeppi, mid-dar ta’ David: minnha jitwieled il-Messija, Ġesù.

L-ewwel erba’ nisa għandhom komuni bejniethom mhux il-fatt li huma midinba, kif xi kultant jingħad, imma li huma barranin għall-poplu ta’ Iżrael. Dak li Mattew irid jurina hu li, kif kiteb Benedittu XVI, “permezz tagħhom tidħol… fil-ġenealoġija ta’ Ġesù d-dinja tal-ġnus – issir viżibbli l-missjoni tiegħu għal Lhud u pagani” (L’infanzia di Gesù, Milano-Città del Vaticano 2012, 15).

Filwaqt li l-erba’ nisa ta’ qabel huma msemmija mar-raġel li twieled minnhom jew ma’ dak li nisslu, Marija tikseb importanza partikulari: timmarka bidu ġdid, hija hi stess bidu ġdid, għax fil-ġrajja tagħha ma għadhiex iżjed il-ħlejqa umana l-protagonista tat-tnissil, imma Alla nnifsu. Dan narawh tajjeb fil-verb “twieled”: “Ġakobb nissel lil Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija, li minnha twieled Ġesù li jsejħulu l-Messija” (Mt 1:16). Ġesù hu bin David, imlaqqam minn Ġużeppi f’dik id-dinastija u ddestinat li jkun il-Messija ta’ Iżrael, imma hu wkoll l-iben ta’ Abraham u ta’ nisa barranin, u għalhekk iddestinat li jkun id-“Dawl tal-ġnus” (ara Lq 2:32) u s-“Salvatur tad-dinja” (Ġw 4:42).

L-Iben ta’ Alla, ikkonsagrat lill-Missier bil-missjoni li jurina l-wiċċ tiegħu (ara Ġw 1:18; Ġw 14:9), jidħol fid-dinja bħall-ulied kollha tal-bniedem, tant li f’Nazaret jiġi msejjaħ “bin Ġużeppi” (Ġw 6:42) u “bin il-mastrudaxxa” (Mt 13:55). Veru Alla u veru bniedem.

Ħuti, ejjew nerġgħu nkebbsu fina l-memorja grata lejn l-atenati tagħna. U fuq kollox irroddu ħajr lil Alla li, permezz ta’ ommna l-Knisja, nissilna għall-ħajja ta’ dejjem, il-ħajja ta’ Ġesù, it-tama tagħna.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard