Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Inkomplu bil-katekeżijiet tagħna; it-tema li għażilna hi: “Il-passjoni li nevanġelizzaw, iż-żelu appostoliku”. Għax li tevanġelizza ma jfissirx tgħid: “Ara, bla bla bla” u xejn aktar; hemm passjoni li tinvolvik kollok kemm int: il-moħħ, il-qalb, l-idejn, tmur… il-persuna kollha hi involuta f’dan ix-xandir tal-Vanġelu, u għalhekk nitkellmu fuq il-passjoni li nevanġelizzaw. Wara li rajna f’Ġesù l-mudell u l-imgħallem tat-tħabbira, illum ngħaddu għall-ewwel dixxipli, dak li għamlu d-dixxipli. Il-Vanġelu jgħid li Ġesù “għażel tnax li semmiehom appostli biex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jipprietkaw” (Mk 3:14), żewġ affarijiet: biex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jipprietkaw. Jiġik li tgħid: jew waħda jew l-oħra, jew toqgħod jew tmur. Imma le: għal Ġesù ma tistax tmur mingħajr ma toqgħod u ma tistax toqgħod mingħajr ma tmur. Mhux faċli nifhmuh dan, imma hekk hu. Ejjew infittxu li nifhmu xi ftit liema hu s-sens li bih Ġesù jgħid dawn l-affarijiet.

Qabelxejn ma tistax tmur mingħajr ma toqgħod: qabel ma jibgħat lid-dixxipli għal missjoni, Kristu – jgħid il-Vanġelu – “jsejħilhom lejh” (ara Mt 10:1). It-tħabbira titwieled mil-laqgħa mal-Mulej; kull ħidma Nisranija, fuq kollox il-missjoni, minn hemm tibda. Ma nitgħallmuhiex f’akkademja: le! Tibda mil-laqgħa mal-Mulej. Fil-fatt, li nagħtu xhieda tiegħu jfisser inxerrdu d-dawl tiegħu; imma, jekk ma nirċevux id-dawl tiegħu, inkunu mitfija; jekk ma niffrekwentawhx, inkunu nwasslu lilna nfusna flok lilu – inwassal lili nnifsi u mhux lilu –, u jkun kollu ta’ xejn. Għalhekk, jista’ jwassal il-Vanġelu ta’ Ġesù biss dak li l-ewwel joqgħod miegħu. Min ma joqgħodx miegħu ma jistax iwassal il-Vanġelu. Forsi jwassal ideat, imma mhux il-Vanġelu. Bl-istess mod, imma, ma tistax toqgħod mingħajr ma tmur. Fil-fatt, li timxi wara Kristu mhux xi fatt intimistiku: bla tħabbira, bla servizz, bla missjoni, ir-relazzjoni ma’ Ġesù ma tikbirx. Ninnutaw li fil-Vanġelu l-Mulej jibgħat id-dixxipli qabel ma jkunu lestew il-preparazzjoni tagħhom: ftit wara li jkun sejħilhom, diġà jibgħathom! Dan ifisser li l-esperjenza tal-missjoni tagħmel parti mill-formazzjoni Nisranija. Mela ħa niftakru dawn iż-żewġ mumenti kostituttivi għal kull dixxiplu: li noqogħdu ma’ Ġesù u li mmorru, mibgħutin minn Ġesù.

Wara li jsejjaħ lid-dixxipli lejh u qabel jibgħathom, Kristu jagħmlilhom diskors, magħruf bħala “diskors missjunarju” – hekk jissejjaħ dan fil-Vanġelu. Insibuh fil-kapitlu 10 tal-Vanġelu ta’ Mattew u hu bħall-“kostituzzjoni” tat-tħabbira. Minn dak id-diskors, li llum inħeġġiġkom taqrawh – hu biss paġna waħda mill-Vanġelu –, se nislet tliet aspetti: għaliex inħabbru, xi nħabbru, u kif inħabbru.

Għaliex inħabbru. Il-motivazzjoni qiegħda f’erba’ kelmiet ta’ Ġesù, li nagħmlu sew niftakruhom: “B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu” (v. 8). Huma erba’ kelmiet. Imma għaliex inħabbar? Għax b’xejn irċevejt u b’xejn għandi nagħti. It-tħabbira ma titlaqx minna, imma mill-ġmiel ta’ dak li rċivejna b’xejn, bla merti tagħna: niltaqgħu ma’ Ġesù, insiru nafuh, niskopru li aħna maħbuba u mifdija. Huwa don hekk kbir li ma nistgħux inżommuh għalina, inħossu l-bżonn li nxerrduh; imma fl-istess stil, jiġifieri b’xejn. Fi kliem ieħor: għandna don, għalhekk imsejħin insiru don għall-oħrajn; irċevejna don u l-vokazzjoni tagħna hi li nsiru aħna don għall-oħrajn; hemm fina l-ferħ li aħna wlied Alla, u dan irridu naqsmuh ma’ ħutna li għadhom ma jafuhx! Din hi r-raġuni għaliex inħabbru. Immorru nwasslu l-ferħ ta’ dak li aħna rċivejna.

It-tieni: mela xi nħabbru? Ġesù jgħid: “Xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet” (v. 7). Dan li għandna ngħidu, qabel kollox u f’kollox: Alla hu fil-qrib. U tinsewh qatt dan: Alla dejjem kien qrib tal-poplu, hu stess qalu dan lill-poplu. Qalilhom hekk: “Araw, liema Alla hu hekk qrib lejn il-poplu tiegħu kif jiena jien qrib tagħkom?”. Il-qrubija hi waħda mill-aktar ħwejjeġ importanti għal Alla. Huma tliet ħwejjeġ importanti: qrubija, ħniena u ħlewwa. Tinsewhx dan. Min hu Alla? Il-Qarib, il-Ħelu, il-Ħanin. Din hi r-realtà ta’ Alla. Aħna u nipprietkaw, spiss nistiednu lin-nies biex jagħmlu xi ħaġa, u dan hu sew; imma ma ninsewx li l-messaġġ ewlieni hu li hu jinsab qrib: qrubija, ħniena u ħlewwa. Li nilqgħu l-imħabba ta’ Alla hu iżjed diffiċli għax aħna rridu nkunu dejjem fiċ-ċentru, aħna rridu nkunu protagonisti, iktar miġbudin biex nagħmlu milli biex inħallu lil min jagħġinna, biex nitkellmu iżjed milli biex nisimgħu. Imma, jekk fl-ewwel post hemm dak li nagħmlu, il-protagonisti nibqgħu aħna. Imma t-tħabbira għandha tipponta lejn il-primat ta’ Alla: nagħtu l-primat lil Alla, l-ewwel post lil Alla, u nagħtu lill-oħrajn l-opportunità li jilqgħuh, li jintebħu li hu jinsab fil-qrib. U jien, wara.

It-tielet punt: kif inħabbru. Dan huwa l-aspett li fuqu Ġesù jtawwal l-iżjed: kif għandna nħabbru, liema hu l-metodu, liema għandu jkun il-lingwaġġ biex inħabbru; hu sinifikattiv: jgħidilna li l-mod, l-istil hu essenzjali fix-xhieda. Ix-xhieda ma tmissx biss il-moħħ u li tgħid xi ħaġa, il-kunċetti: le. Tmiss kollox, moħħ, qalb, idejn, kollox, it-tliet lingwaġġi tal-persuna: il-lingwaġġ tal-ħsieb, il-lingwaġġ tal-affett u l-lingwaġġ tal-opra. It-tliet lingwaġġi. Ma nistgħux nevanġelizzaw biss bil-ħsieb jew biss bil-qalb jew biss bl-idejn. Tinvolvi kollox. U, fl-istil, l-importanti hi x-xhieda, kif iridna Ġesù. Jgħid hekk: “Jiena qiegħed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup” (v. 16). Ma jitlobniex li nkunu nafu naffrontaw l-ilpup, jiġifieri li nkunu kapaċi nargumentaw, nirribattu u niddefendu ruħna: le. Aħna hekk naħsbu: li rridu nkunu rilevanti, numerużi, prestiġjużi u d-dinja hekk tismagħna u tirrispettana u nirbħu lill-ilpup: le, mhux hekk. Le, qed nibgħatkom bħal nagħaġ, bħal ħrief – dan hu l-importanti. Jekk int ma tridx tkun nagħġa, il-Mulej mhux ħa jiddefendik mill-ilpup. Dabbar rasek int. Imma jekk int nagħġa, ibqa’ żgur li l-Mulej se jiddefendik mill-ilpup. Inkunu umli. Jitolbna nkunu hekk, inkunu ta’ qalb ħelwa u b’xewqa li nkunu innoċenti, inkunu lesti għas-sagrifiċċju; fil-fatt, dan hu li jirrappreżenta l-ħaruf: umiltà, innoċenza, għotja, ħlewwa. U hu, ir-Ragħaj, jagħrafhom lill-ħrief tiegħu u jħarishom mill-ilpup. Imma, il-ħrief liebsa ta’ lpup jiġu mikxufa u żbranati. Wieħed minn Missirijiet il-Knisja kiteb: “Sakemm nibqgħu ħrief, nirbħu u, imqar jekk nisfaw imdawra minn għadd ta’ lpup, jirnexxilna negħlbuhom. Imma jekk insiru lpup niġu megħluba, għax tonqosna l-għajnuna tar-ragħaj. Hu ma jirgħax ilpup, imma ħrief” (San Ġwann Kriżostmu, Omelija 33 fuq il-Vanġelu ta’ Mattew). Jekk jien irrid inkun tal-Mulej, irrid inħallih ikun ir-ragħaj tiegħi, u hu mhuwiex ragħaj tal-ilpup, hu ragħaj tal-ħrief, twajba, umli, ħelwin mal-Mulej.

Dejjem fuq kif inħabbru, jolqotna kif Ġesù, flok ma jgħidilna x’għandna nieħdu magħna fil-missjoni, jgħidilna x’ma għandniex nieħdu. Xi drabi, wieħed jilmaħ xi appostlu, xi persuna qed tittrasferixxi ruħha minn post għall-ieħor, xi Nisrani li jgħid li hu appostlu u ta ħajtu għall-Mulej, u jġorr miegħu tant bagalji: imma dan mhuwiex tal-Mulej, il-Mulej iħaffiflek it-toqol xi ġġorr u jgħidlek x’ma għandekx iġġorr: “Tfittxux li jkollkom flus fuqkom, la tad-deheb, la tal-fidda u lanqas tar-ram; u la ħorġa għat-triq, la żewġ ilbiesi, la qrieq u lanqas ħatar” (vv. 9-10). Tieħu xejn. Qed jgħidlek biex ma sserraħx fuq iċ-ċertezzi materjali, biex tmur fid-dinja bla mondanità. Dan hu li rridu ngħidu: jiena sejjer fid-dinja mhux bl-istil tad-dinja, mhux bil-valuri tad-dinja, mhux bil-mondanità – li għall-Knisja, li taqa’ fil-mondanità hi l-agħar ħaġa li tista’ tiġrilha. Sejjer b’sempliċità. Hekk inħabbruh: billi nuru lil Ġesù iżjed milli nitkellmu dwaru. U kif nuruh lil Ġesù? Bix-xhieda tagħna. U fl-aħħar, billi mmorru flimkien, f’komunità: il-Mulej jibgħat lid-dixxipli kollha, imma ħadd ma jmur waħdu. Il-Knisja appostolika hi kollha missjunarja u fil-missjoni terġa’ ssib l-għaqda tagħha. Mela: immorru b’qalb ħelwa u twajba bħal ħrief, mingħajr mondanità, u mmorru flimkien. Hawn qiegħed il-muftieħ għat-tħabbira, dan hu l-muftieħ tas-suċċess tal-evanġelizzazzjoni. Ejjew nilqgħu dawn l-istediniet ta’ Ġesù: ħa jkun kliemu l-punt ta’ riferiment tagħna.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard