Katekeżi. Il-vizzji u l-virtujiet. 1. Introduzzjoni: nieħdu ħsieb ta’ qalbna
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum nixtieq nintroduċi ċiklu ta’ katekeżi fuq it-tema tal-vizzji u l-virtujiet. U nistgħu nibdew sewwasew mill-ftuħ tal-Bibbja, hemm fejn il-ktieb tal-Ġenesi, permezz tar-rakkont tal-ewwel ġenituri tagħna, jippreżenta d-dinamika tal-ħażen u tat-tentazzjoni. Ejjew naħsbu fil-Ġenna tal-art. Fil-kwadru idilliku rrappreżentat mill-ġnien tal-Għeden, jitfaċċa persunaġġ li jsir is-simbolu tat-tentazzjoni: is-serp, dan il-persunaġġ li jwaqqa’ fit-tentazzjoni. Is-serp hu annimal perikoluż: jiċċaqlaq bil-mod, jitkaxkar mal-art, u xi drabi mank tintebaħ bil-preżenza tiegħu – iżomm sieket –, għax jirnexxilu jinħeba tajjeb fl-ambjent li jkun fih u fuq kollox, dan hu perikoluż.
Meta jibda jiddjaloga ma’ Adam u Eva, jurihom li hu wkoll kapaċi jiddibatti. Jibda l-istess kif isir fit-tpaċpiċ fieragħ fuq l-oħrajn, b’mistoqsija qarrieqa: “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien’?” (Ġen 3:1). Il-frażi hi qarrieqa: fil-verità Alla offra lir-raġel u lill-mara l-frott kollu tal-ġnien, ħlief dak ta’ siġra waħda: is-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin. Din il-projbizzjoni mhix bil-ħsieb li żżomm lill-bniedem milli juża r-raġuni, kif xi drabi jiġi interpretat b’mod żbaljat, imma hi miżura ta’ għerf. Bħal meta wieħed jgħid: agħraf x’inhu l-limitu tiegħek, tħossokx sid ta’ kollox, għax is-suppervja hi l-bidu ta’ kull ħażen. U hekk, l-istorja tgħidilna li Alla jqiegħed lill-ewwel ġenituri bħala sidien u ħarriesa tal-ħolqien, imma jrid iħarishom mill-preżunzjoni tal-omnipotenza, li jsiru sidien tat-tajjeb u tal-ħażin, li hi tentazzjoni, tentazzjoni kerha llum ukoll. Dan hu l-ikbar periklu għall-qalb tal-bniedem.
Kif nafu, Adam u Eva ma rnexxilhomx jegħlbu t-tentazzjoni tas-serp. L-idea ta’ Alla mhux eżattament twajjeb, li ried iżommhom sottomessi għalih, bdiet dieħla f’moħħhom: u minn hawn kollox jibda jiġġarraf.
B’dan ir-rakkont, il-Bibbja tispjegalna li l-ħażen ma jibdiex fil-bniedem b’xi storbju kbir, xħin l-att ikun diġà jidher b’mod ċar, imma l-ħażen jibda ħafna qabel, meta nibdew nitħaxknu miegħu, inħalluh ibejjet fl-immaġinazzjoni, fil-ħsibijiet, sa ma ninħakmu lsiera tal-ġibdiet tiegħu. Il-qtil ta’ Abel ma bediex b’ġebla mixħuta, imma bil-korla li diżgrazzjatament Kajjin ħalla tbejjet fih, u għamlitu mostru ġo qalbu. Anki f’dan il-każ, għal xejn ma jiswew ir-rakkomandazzjonijiet ta’ Alla.
Max-xitan, għeżież ħuti, ma tistax tiddjaloga. Qatt! Qatt ma għandek tiddiskuti. Ġesù qatt ma ddjaloga max-xitan; keċċieh. U fid-deżert, waqt it-tentazzjonijiet, ma weġibx bid-djalogu; sempliċiment wieġeb bil-kelmiet tal-Iskrittura Mqaddsa, bil-Kelma ta’ Alla. Attenti: ix-xitan hu qarrieq. Qatt tiddjaloga miegħu, għax hu moħħu jilħaqlu iktar minna kollha u jġagħalna nħallsu qares. Meta tiġi xi tentazzjoni, qatt tiddjaloga magħha. Sabbtilha l-bieb f’wiċċha, agħlaq it-tieqa, agħlaq qalbek. U hekk, inkunu niddefendu ruħna minn dik it-tħajjira ħażina, għax ix-xitan moħħu jilħaqlu, intelliġenti. Ra kif ittenta lil Ġesù bil-kwotazzjonijiet mill-Bibbja, ippretendieha ta’ xi teologu kbir. Attenti. Max-xitan ma tiddjalogax u mat-tentazzjoni ma rridux noqogħdu nitlajjaw, ma niddjalogawx. Tiġi t-tentazzjoni, u aħna nagħlqu l-bieb, nieħdu ħsieb qalbna.
Irridu nieħdu ħsieb tal-qalb tagħna. U għalhekk ma niddjalogawx max-xitan. Din hi r-rakkomandazzjoni – li nieħdu ħsieb tal-qalb tagħna – li nsibu f’diversi Padri u qaddisin. U rridu nitolbu din il-grazzja li nitgħallmu nieħdu ħsieb tal-qalb tagħna. Huwa għerf dak ta’ min iħares il-qalb tiegħu. Il-Mulej jgħinna f’din il-ħidma. Imma min jieħu ħsieb tal-qalb tiegħu, ikun jieħu ħsieb teżor. Ħuti, nitgħallmu nieħdu ħsieb u nħarsu l-qalb tagħna.
Maqluba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard