Katekeżi fuq ix-Xjuħija: 14. Is-servizz hieni tal-fidi li nagħrfuh fil-gratitudni (ara Mk 1:29-31)
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Għadna kemm smajna r-rakkont sempliċi u emozzjonanti tal-fejqan tal-kunjata ta’ Xmun – li kien għadu ma ġiex imsejjaħ Pietru – fil-verżjoni tal-vanġelu ta’ Mark. L-episodju qasir nerġgħu nsibuh, b’varjanti ħfief imma suġġestivi, anki fiż-żewġ vanġeli Sinottiċi l-oħra. “Omm il-mara ta’ Xmun kienet fis-sodda bid-deni”, jikteb Marku. Ma nafux jekk hux sempliċiment ħassitha xi ftit ma tiflaħx, imma fix-xjuħija mqar ftit deni jista’ jkun perikoluż. Meta nixjieħu ma nibqgħux nikkmandawh aktar aħna lil ġisimna. Jeħtieġ nitgħallmu nagħżlu x’nistgħu u x’ma nistgħux nagħmlu. Il-ħeġġa fiżika tonqsilna u titlaqna, imqar jekk qalbna ma tiqafx tixtieq. Jeħtieġ nitgħallmu nippurifikaw ix-xewqat tagħna: ikollna s-sabar, nagħżlu x’nistgħu nitolbu mill-ġisem u mill-ħajja. Bħala xjuħ ma nistgħux nagħmlu l-istess affarijiet li konna nagħmlu meta konna għadna żgħar: il-ġisem għandu ritmu ieħor, u jeħtieġ nisimgħu lill-ġisem u naċċettaw il-limitazzjonijiet. Kollha għandna. Anki jien issa qed ikolli nimxi bil-bastun.
Il-mard hu piż fuq l-anzjan, b’mod differenti u ġdid meta tqabblu ma’ meta konna għadna żgħażagħ jew adulti. Qisu daqqa ta’ ħarta fuq żmien li hu diġà minnu nnifsu diffiċli. Il-mard fix-xiħ jidher jgħaġġel il-mewt u donnu jrid inaqqas miż-żmien tal-ħajja li issa diġà nqisuh qasir. Jidħol id-dubju jekk għadx nerġgħu nqumu fuq saqajna, li “din id-darba jekk nimrad tkun tal-aħħar…”, u l-bqija: jibdew ġejjin dawn l-ideat… Ma jirnexxilniex noħolmu t-tama f’futur li issa jidher ineżistenti. Kittieb famuż Taljan, Italo Calvino, kien jinnota l-imrar tax-xjuħ li jbatu għax iħossuhom qed jitilfu l-ħwejjeġ ta’ dari, u iktar minn hekk mhumiex igawdu dawk li għadhom ġejjin. Imma x-xena tal-Vanġelu li għadna kemm smajna tgħinna nittamaw u diġà toffrilna l-ewwel tagħlima: Ġesù ma jmurx waħdu jżur lil dik il-mara anzjana u marida, imma jmur mad-dixxipli tiegħu. U dan iġagħalna naħsbu xi ftit.
Hija sewwasew il-komunità Nisranija li għandha tieħu ħsieb tal-anzjani: il-qraba u l-ħbieb, imma l-komunità kollha. Iż-żjara lill-anzjani għandhom jagħmluha ħafna, flimkien u ta’ spiss. Qatt ma għandna ninsewhom dawn it-tliet sentenzi tal-Vanġelu. Fuq kollox illum li l-għadd tal-anzjani kiber sew, anki fi proporzjon maż-żgħażagħ, għax ninsabu f’din ix-xitwa demografika, qed inġibu inqas ulied u għandna ħafna anzjani u ftit żgħażagħ. Hemm bżonn inħossu r-responsabbiltà li nżuru lill-anzjani li spiss huma waħidhom u nippreżentawhom lill-Mulej bit-talb tagħna. Ġesù nnifsu jgħallimna kif inħobbuhom. “Soċjetà hi tassew waħda li tilqa’ l-ħajja meta tagħraf li hi prezzjuża anki fl-anzjanità, fid-diżabbiltà, fil-mard serju u anki meta qed tintefa” (Messaġġ lill-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja, 19 ta’ Frar 2014). Il-ħajja dejjem hi prezzjuża.
Din il-kultura tal-iskart lill-anzjani donnha qed tħassarhom. Iva, ma toqtolhomx, imma soċjalment teliminahom, bħallikieku kienu piż li rridu nġorru: aħjar naħbuhom. Dan hu tradiment lill-umanità tagħna
Ġesù, meta jilmaħ lill-mara anzjana marida, jaqbdilha idha u jfejjaqha; l-istess ġest li jagħmel biex iqajjem mill-mewt lil dik it-tfajla li kienet mejta: jaqbdilha idha u jqajjimha, ifejjaqha billi jqajjimha fuq riġlejha. Ġesù, b’dan il-ġest ħelu ta’ mħabba, jagħti l-ewwel lezzjoni lid-dixxipli: jiġifieri, is-salvazzjoni titħabbar jew, aħjar, tgħaddi permezz tal-attenzjoni lejn dik il-persuna marida; u l-fidi ta’ dik il-mara tilma fil-gratitudni għall-ħlewwa ta’ Alla li tmil għal fuqha. Nerġa’ lura għal tema li rripetejt kemm-il darba f’dawn il-katekeżijiet: din il-kultura tal-iskart lill-anzjani donnha qed tħassarhom. Iva, ma toqtolhomx, imma soċjalment teliminahom, bħallikieku kienu piż li rridu nġorru: aħjar naħbuhom. Dan hu tradiment lill-umanità tagħna, din hi l-ikreh ħaġa, għax hawn inkunu qed nagħżlu l-ħajja skont kemm tista’ taqdina, skont iż-żgħożija tagħha, u mhux il-ħajja kif inhi, bl-għerf tax-xjuħ, bil-limitazzjonijiet tax-xjuħ. Ix-xjuħ għandhom ħafna x’jagħtuna: hemm l-għerf tal-ħajja. Għandhom ħafna x’jgħallmuna: għalhekk imqar lit-tfal jeħtieġ ngħallmuhom kif jieħdu ħsieb tan-nanniet u jmorru għand in-nanniet. Id-djalogu bejn żgħażagħ u nanniet, tfal u nanniet, hu fundamentali għas-soċjetà, hu fundamentali għall-Knisja, hu fundamentali għal ħajja b’saħħitha. Fejn ma hemmx djalogu bejn żgħażagħ u nanniet, hemm nieqsa xi ħaġa u tikber ġenerazzjoni bla passat, jiġifieri bla għeruq.
Jekk l-ewwel lezzjoni tahielna Ġesù, it-tieni waħda tagħtihielna l-mara anzjana, li qamet u “bdiet isservihom”. Imqar bħala anzjani nistgħu, anzi, għandna naqdu l-komunità. Tajjeb li l-anzjani jibqgħu jrawmu fihom ir-responsabbiltà tal-qadi, u jegħlbu t-tentazzjoni li jwarrbu għall-ġenb. Il-Mulej ma jwarrabhomx, anzi, bil-maqlub, hu jagħtihom il-qawwa biex jaqdu. U nieħu pjaċir ninnota li ma hemm ebda enfasi speċjali fir-rakkont min-naħa tal-evanġelisti: hija n-normalità tal-mixja, li d-dixxipli jifhmu, fl-importanza kollha tagħha, tul it-triq tal-formazzjoni li fiha jagħmlu esperjenza fl-iskola ta’ Ġesù. L-anzjani li jżommu ħajja d-dispożizzjoni tagħhom għall-fejqan, il-faraġ, l-interċessjoni għal ħuthom – sew jekk dixxipli, sew jekk ċenturjuni, persuni mħabbta minn spirti ħżiena, persuni mormija… –, huma forsi l-ogħla xhieda tas-safa ta’ din il-gratitudni li ssieħeb il-fidi. Jekk lill-anzjani, flok narmuhom u nixħtuhom fil-ġenb tax-xena tal-ġrajjiet li jimmarkaw il-ħajja tal-komunità, inpoġġuhom fiċ-ċentru tal-attenzjoni kollettiva, inkunu ninkuraġġuhom iħaddmu l-ministeru prezzjuż tagħhom tal-gratitudni lejn Alla, li ma jinsa lil ħadd. Il-gratitudni tal-persuni anzjani għad-doni li rċivew mingħand Alla fil-ħajja tagħhom, hekk kif tgħallimna l-kunjata ta’ Pietru, trodd lura lill-komunità l-ferħ tal-konvivenza, u tagħti lill-fidi tad-dixxipli l-karatteristika essenzjali tad-destinazzjoni tagħha.
Imma rridu nifhmu tajjeb li l-ispirtu tal-interċessjoni u tal-qadi, li Ġesù jitlob mid-dixxipli kollha tiegħu, mhuwiex sempliċiment ħaġa tan-nisa: ma hemmx dell ta’ din il-limitazzjoni, fil-kliem u l-ġesti ta’ Ġesù. Is-servizz evanġeliku tal-gratitudni għall-ħlewwa ta’ Alla bl-ebda mod ma jinkiteb fil-grammatika tar-raġel sid u l-mara qaddejja. Madankollu dan ma jnaqqasx mill-fatt li n-nisa, dwar il-gratitudni u dwar il-ħlewwa tal-fidi, jistgħu jgħallmu lill-irġiel ħwejjeġ li dawn ibatu iżjed biex jifhmuhom. Il-kunjata ta’ Pietru, qabel ma l-Appostli kienu waslu sa hemm, fil-mixja tad-dixxipulat wara Ġesù, turi t-triq lilhom ukoll. U d-delikatezza speċjali ta’ Ġesù, li “qabadha minn idha” u “resaq lejha” bi ħlewwa, uriet b’mod ċar, sa mill-bidu, is-sensibbiltà speċjali tiegħu għad-dgħajfa u l-morda, li l-Iben ta’ Alla kien ċertament tgħallem mingħand Ommu. Nitlobkom, nagħmlu mezz li x-xjuħ, li n-nanniet ikunu qrib tat-tfal, taż-żgħażagħ biex jgħaddulhom din il-memorja tal-ħajja, biex jgħaddulhom din l-esperjenza tal-ħajja, dan l-għerf tal-ħajja. Skont kemm aħna naħdmu biex iż-żgħażagħ u x-xjuħ jintrabtu ma’ xulxin, ikollna iżjed tama għall-futur tas-soċjetà tagħna.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard