Katekeżi fuq ix-Xjuħija: 8. Elgħażar, il-koerenza tal-fidi, wirt tal-ġieħ
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Fil-mixja ta’ dawn il-katekeżijiet fuq ix-xjuħija, illum se niltaqgħu ma’ persunaġġ bibliku – anzjan – jismu Elgħażar, li għex fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Antjoku Epifanju. Hi figura sabiħa ħafna. Il-figura tiegħu tagħtina xhieda tar-relazzjoni speċjali li teżisti bejn il-fedeltà tax-xjuħija u l-ġieħ tal-fidi. Dan kien kburi! Nixtieq nitkellem proprju fuq il-ġieħ tal-fidi, mhux biss tal-koerenza, tat-tħabbira, tar-reżistenza tal-fidi. Il-ġieħ tal-fidi spiss isib ruħu taħt il-pressjoni, anki vjolenti, tal-kultura tal-ħakkiema, li tipprova tbaxxiha billi tittrattaha qisha kienet xi fdal arkeoloġiku, jew superstizzjoni tal-qedem, fissazzjoni anakronistika, u l-bqija.
Ir-rakkont bibliku – smajna silta żgħira minnu, imma sabiħ kieku taqrawh kollu – jirrakkonta l-episodju tal-Lhud li b’digriet tas-sultan kienu mġiegħla jieklu laħam issagrifikat lill-idoli. Meta wasal Elgħażar, li kien anzjan ta’ disgħin sena stmat ħafna minn kulħadd u awtorevoli, l-uffiċjali tas-sultan tawh parir biex jagħmel tabirruħu qed jiekol il-laħmijiet mingħajr fil-verità ma jkun jagħmel dan. Ipokrezija reliġjuża, hemm ħafna ipokrezija reliġjuża, ipokrezija klerikali. Dawn jgħidulu: “Imma int agħmilha ftit ta’ ipokrita, ħadd mhu ħa jintebaħ”. Hekk Elgħażar kien ikun salva ġildu u – ħasbu dawk – f’isem il-ħbiberija jaċċetta l-ġest tagħhom ta’ ħniena u ta’ rispett. Wara kollox – saħqu huma – dan kien ġest żgħir ħafna, tagħmel tabirruħek qed tiekol imma ma tikolx, ġest insinifikanti.
Ħaġa żgħira kienet, imma t-tweġiba serena u soda ta’ Elgħażar tagħfas fuq argument li jolqotna. Il-punt ċentrali huwa dan: li wieħed jonqos mill-ġieħ tal-fidi fi xjuħitu, biex jirbaħ ftit jiem oħra, ma fihx paragun mal-wirt li hu għandu jħalli liż-żgħażagħ, għal ġenerazzjonijiet sħaħ li għad jiġu warajh. Imma dan Elgħażar kien bravu! Xiħ li għex b’koerenza l-fidi tiegħu għal ħajtu kollha, u issa ma jiċħadhiex, jikkundanna l-ġenerazzjoni l-ġdida meta taħseb li l-fidi kollha kienet xi ħaġa finta, libsa esterjuri li tista’ tiġi abbandunata, għax taħseb li tista’ żżommha biss fil-ġewwieni tagħha. U mhuwiex hekk, jgħid Elgħażar. Imġiba bħal din ma tagħmilx ġieħ lill-fidi, lanqas quddiem Alla. U l-effett ta’ din il-banalizzazzjoni esterjuri jkun devastanti għall-interjorità taż-żgħażagħ. Il-koerenza ta’ dan il-bniedem li jaħseb fiż-żgħażagħ, jaħseb fil-wirt għall-futur, jaħseb fil-poplu tiegħu!
Proprju x-xjuħija – u kemm hi sabiħa din għax-xjuħ! – hawn tidher bħala l-post deċiżiv, il-post insostitwibbli, ta’ din ix-xhieda. Anzjan li, minħabba l-vulnerabbiltà tiegħu, jaċċetta li jqis irrelevanti l-prattika tal-fidi, ikun iġiegħel liż-żgħażagħ jemmnu li l-fidi ma għandha ebda relazzjoni vera mal-ħajja. Kienet tidher quddiemhom, sa mill-bidu tagħha, bħala ġabra ta’ mġibiet li, skont il-bżonn tal-mument, wieħed jista’ taparsi jħaddanhom jew ma jħaddanhomx, għax ebda waħda minnhom ma hi daqshekk importanti għall-ħajja.
L-Injożi eterodossa tal-qedem, li kienet theddida qawwija u seduċenti ħafna għall-Kristjaneżmu tal-ewwel sekli, kienet titteorizza fuq dan, hi ħaġa antika din: li l-fidi hija spiritwalità, mhux prattika; qawwa tal-moħħ, mhux għamla ta’ ħajja. Il-fedeltà u l-ġieħ tal-fidi, skont din l-ereżija, ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-imġibiet tal-ħajja, l-istituzzjonijiet tal-komunità, is-simboli tal-ġisem. Din il-perspettiva kapaċi tkun attraenti ħafna, għax hi tinterpreta, bil-mod tagħha, verità indiskutibbli: li l-fidi ma tista’ qatt tirriduċiha għal ġabra ta’ regoli tajbin jew ta’ prattiċi soċjali. Il-fidi hija ħaġa oħra. Il-gwaj hu li r-radikalizzazzjoni Njostika ta’ din il-verità xxejjen ir-realiżmu tal-fidi Nisranija, għax il-fidi Nisranija hi realistika, il-fidi Nisranija mhix biss li tgħid il-Kredu, imma li taħseb il-Kredu, li tħoss il-Kredu, li tagħmel il-Kredu. Taħdem b’idejk. Imma din il-proposta Njostika tfisser “tagħmel tabirruħek”, l-importanti hu li int fik għandek l-ispiritwalità u mbagħad fuq barra agħmel li trid. U dan mhuwiex aġir Nisrani. Din hi l-ewwel ereżija tal-Injostiċi, li hi ħafna moda hawn, bħalissa, f’tant ċentri ta’ spiritwalità u l-bqija. U tiżvojta x-xhieda ta’ dawn in-nies, li turi s-sinjali kokreti ta’ Alla fil-ħajja tal-komunità u permezz tal-ġesti tal-ġisem tirreżisti għat-tagħwiġ tal-ħsieb.
Il-fidi jixirqilha rispett u ġieħ sal-aħħar: bidlitilna ħajjitna, saffitilna l-ħsieb, għallmitna l-qima ta’ Alla u l-imħabba tal-proxxmu. Hija barka għal kulħadd!
It-tentazzjoni Njostika li hi waħda mill-ereżiji – ħa ngħiduha kif inhi –, waħda mid-devjazzjonijiet reliġjużi ta’ żmienna, it-tentazzjoni Njostika tibqa’ dejjem attwali. F’ħafna tendenzi fis-soċjetà tagħna u fil-kultura tagħna, il-prattika tal-fidi għaddejja minn rappreżentazzjoni negattiva, xi drabi taħt għamla ta’ ironija kulturali, xi drabi b’emarġinazzjoni moħbija. Il-prattika tal-fidi għal dawn l-Injostiċi li diġà kont issibhom fi żmien Ġesù, hi meqjusa bħala esterjorità inutli, anzi li tagħmel ħsara, bħala fdal antikwat, bħala superstizzjoni taħt maskra. F’kelma waħda, ħaġa tax-xjuħ. Il-pressjoni li din il-kritika indiskriminata tħalli fuq il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ hija qawwija. Naturalment, nafu li l-prattika tal-fidi tista’ ssir esterjorità bla ruħ – dan hu l-periklu l-ieħor, bil-maqlub – imma fiha nfisha mhija xejn hekk. Forsi tmiss proprju lilna, ix-xjuħ, missjoni importanti ħafna: li rroddu lill-fidi lura l-ġieħ tagħha, nagħmluha koerenti, kif kienet ix-xhieda ta’ Elgħażar, il-koerenza sal-aħħar. Il-prattika tal-fidi mhijiex is-simbolu tad-dgħufija tagħna, imma pjuttost is-sinjal tal-qawwa tagħha. Aħna m’għadniex tfal. Ma konniex niċċajtaw meta qbadna t-triq tal-Mulej!
Il-fidi jixirqilha rispett u ġieħ sal-aħħar: bidlitilna ħajjitna, saffitilna l-ħsieb, għallmitna l-qima ta’ Alla u l-imħabba tal-proxxmu. Hija barka għal kulħadd! Imma l-fidi kollha, mhux parti minnha biss. M’aħniex ħa npartu l-fidi ma’ ftit jiem oħra fil-kwiet, imma rridu nagħmlu bħal Elgħażar, koerenti sal-aħħar nett, sal-martirju. Irridu nuru, bl-umiltà kollha imma b’id soda, proprju fix-xjuħija tagħna, li l-fidi mhix xi ħaġa “tax-xjuħ”, imma hi ħaġa ta’ ħajja sħiħa. Nemmnu fl-Ispirtu s-Santu, li jġedded kollox, u hu jieħu pjaċir jgħinna.
Għeżież ħuti anzjani, biex ma ngħidx xjuħ – qegħdin fl-istess grupp – nitlobkom, ejjew inħarsu lejn iż-żgħażagħ. Huma qed iħarsu lejna, ma ninsewhx dan. Jiġini f’moħħi dak il-film ta’ wara l-Gwerra, sabiħ ħafna: It-tfal qed iħarsu lejna. Nistgħu ngħidu l-istess għaż-żgħażagħ: iż-żgħażagħ qed iħarsu lejna u l-koerenza tagħna tista’ tiftħilhom triq ta’ ħajja mill-isbaħ. Imma, l-ipokrezija tagħmel wisq ħsara. Nitolbu għal xulxin. Alla jbierek lilna x-xjuħ kollha!
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard