Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
Inkomplu – waslu fl-aħħar – bil-katekeżijiet tagħna fuq id-dixxerniment, u min segwa sa issa dawn il-katekeżijiet forsi jista’ jaħseb: imma xi prattika kkumplikata hi din tad-dixxerniment! Fir-realtà, hija l-ħajja li hi kkumplikata u, jekk ma nitgħallmux naqrawha, ikkumplikata kif inhi, nirriskjaw li naħluha, għax nibqgħu għaddejjin b’soluzzjonijiet li jispiċċaw javviluna.
Fl-ewwel laqgħa tagħna konna rajna li dejjem, ta’ kuljum, irridu jew ma rridux, qed nagħmlu atti ta’ dixxerniment, f’dak li nieklu, naqraw, fuq ix-xogħol, fir-relazzjonijiet, f’kollox. Il-ħajja dejjem tpoġġilna quddiemna għażliet, u jekk ma nagħmluhomx b’mod konsapevoli, fl-aħħar hija l-ħajja li tispiċċa tagħżel għalina, u teħodna fejn ma rridux.
Imma d-dixxerniment ma nagħmluhx waħidna. Illum se nidħlu iżjed b’mod speċifiku fil-fond ta’ xi għajnuniet li jistgħu jagħmlu aktar ħafif dan l-eżerċizzju tad-dixxerniment, indispensabbli għall-ħajja spiritwali, anki jekk b’xi mod diġà ltqajna magħhom matul dawn il-katekeżijiet. Imma ġabra fil-qosor tista’ tgħinna ħafna.
L-ewwel għajnuna indispensabbli hija l-konfront mal-Kelma ta’ Alla u t-tagħlim tal-Knisja. Dawn jgħinuna naqraw dak li hemm jiċċaqlaq fil-qalb tagħna, nitgħallmu nagħrfu l-leħen ta’ Alla u nagħżluh minn ilħna oħra, li jidhru qed jimponu ruħhom fuq l-attenzjoni tagħna, imma li mbagħad fl-aħħar iħalluna konfużi. Il-Bibbja twissina li l-leħen ta’ Alla jidwi fil-ħemda, fl-attenzjoni, fis-skiet. Ejjew naħsbu fl-esperjenza tal-profeta Elija: il-Mulej ikellmu mhux fir-riħ li jxaqqaq il-blat, mhux fin-nar jew fit-terremot, imma jkellmu f’fewġa ħelwa (ara 1 Slat 19:11-12). Hija xbieha sabiħa ħafna li tfissrilna Alla kif jitkellem. Il-leħen ta’ Alla ma jimponix ruħu, il-leħen ta’ Alla hu diskret, rispettuż, nissogra ngħidilkom: il-leħen ta’ Alla hu umli, u għalhekk iġib is-sliem. U fis-sliem biss nistgħu nidħlu fil-fond tagħna nfusna u nagħrfu x-xewqat awtentiċi li l-Mulej qiegħed fil-qalb tagħna. U ħafna drabi mhuwiex faċli tidħol f’dik il-paċi tal-qalb, għax aħna wisq medhijin f’tant ħwejjeġ il-jum kollu… Imma ħu paċenzja, ikkalma ftit, idħol fik innifsek. Żewġ minuti, ieqaf. Ara ftit x’qed tħoss qalbek. Ejjew nagħmluha din, ħuti, għax tgħinna ħafna, għax f’dak il-mument ta’ kalma nisimgħu minnufih il-leħen ta’ Alla li jgħidilna: “Imma ħares, ara din il-ħaġa, tajba din il-ħaġa li qed tagħmel…”. Inħallu li fil-kalma jiġi minnufih il-leħen ta’ Alla. Hu qed jistenniena għal dan.
Għal min jemmen, il-Kelma ta’ Alla mhijiex sempliċiment test x’jaqra, il-Kelma ta’ Alla hi preżenza ħajja, hija opra tal-Ispirtu s-Santu li jfarraġ, jgħallem, idawwal, isaħħaħ, iġedded u jagħti gost fil-ħajja. Naqraw il-Bibbja, naqraw biċċa, biċċa jew biċċtejn mill-Bibbja, dawn huma bħal telegrammi qsar ta’ Alla li jaslu dritt għall-qalb tagħna. Il-Kelma ta’ Alla hija xi ftit – u m’iniex nesaġera – xi ftit ta’ togħma vera minn qabel tal-ġenna. U dan fehmu tajjeb qaddis u ragħaj kbir, Ambroġ, isqof ta’ Milan, li kiteb: “Meta naqra l-Iskrittura Mqaddsa, Alla jerġa’ jinżel jippassiġġa fil-ġenna tal-art” (Ittra, 49,3). Bil-Bibbja aħna lil Alla niftħulu l-bieb biex jiġi jippassiġġa magħna. Interessanti…
Din ir-relazzjoni ta’ mħabba mal-Bibbja, mal-Iskrittura, mal-Vanġelu, twassalna biex ngħixu relazzjoni ta’ mħabba mal-Mulej Ġesù: ejjew ma nibżgħux minn dan! Il-qalb tkellem lill-qalb, u din hi għajnuna oħra indispensabbli u mhux ta’ min jinjoraha. Ħafna drabi jista’ jkollna idea mgħawġa ta’ Alla, għax inqisuh bħal xi mħallef imqit, xi mħallef sever, lest biex jaqbadna fl-iżball. Imma Ġesù, bil-maqlub, jurina Alla mimli ħniena u ħlewwa, lest li jissagrifika lilu nnifsu biex jiġi fejn qegħdin aħna, bħall-missier tal-parabbola tal-iben il-ħali (ara Lq 15:11-32). Darba, staqsa xi ħadd – ma nafx jekk hux lil ommu jew lin-nanna, din irrakkuntawhieli – “Imma x’għandi nagħmel, f’dan il-mument?” – “Isma’ lil Alla, hu jgħidlek x’għandek tagħmel. Iftaħ qalbek għal Alla”: parir sabiħ. Niftakar darba, f’pellegrinaġġ taż-żgħażagħ, li jsir darba fis-sena għas-Santwarju ta’ Luján, 70km bogħod minn Buenos Aires: trid ġurnata sħiħa biex tasal hemm; jiena kelli d-drawwa li noqgħod inqarar billejl. Ġie fuqi żagħżugħ, ta’ xi 22 sena, mimli tatus. “Alla tiegħi”, ħsibt jien, “dan xi jkun?”. U qalli: “Taf int, jiena ġejt għax għandi problema serja u rrakkuntajtha lil ommi u ommi qaltli: ‘Mur għand il-Madonna, agħmel il-pellegrinaġġ, u l-Madonna turik’. U ġejt. Dħalt f’kuntatt mal-Bibbja, hawn, smajt il-Kelma ta’ Alla u messitli qalbi u rrid nagħmel dan, dan, dan, dan, dan”. Il-Kelma ta’ Alla tmisslek qalbek u tibdillek ħajtek. U hekk jiena ltqajt miegħu ħafna drabi, lil dan, ħafna drabi. Għax Alla ma jridx jeqridna, Alla jrid li nkunu iżjed f’saħħitna, iżjed tajbin ta’ kuljum. Min jieqaf quddiem il-Kurċifiss iħoss paċi ġdida, jitgħallem ma jibżax minn Alla, għax Ġesù fuq is-salib ma jbeżża’ lil ħadd, hu x-xbieha tan-nuqqas kollu ta’ saħħa u fl-istess ħin tal-imħabba l-iżjed sħiħa, kapaċi taffronta kull prova għalina. Il-qaddisin dejjem kellhom preferenza għal Ġesù Kurċifiss. Ir-rakkont tal-Passjoni ta’ Ġesù hu t-triq għalliema biex aħna nistgħu nikkonfrontaw ruħna mal-ħażen mingħajr ma nitkissru; fih ma hemmx ġudizzju u lanqas rassenjazzjoni, għax nilmħu fih dawl ikbar, id-dawl tal-Għid, li jgħinna naraw f’dawk l-azzjonijiet terribbli pjan ikbar, li ebda impediment, ostaklu jew falliment ma jista’ jġib fix-xejn. Il-Kelma ta’ Alla dejjem ħa tgħinek tara n-naħa l-oħra: jiġifieri, hemm is-salib, hawn, hu ikrah, imma hemm ħaġa oħra, tama, qawmien. Il-Kelma ta’ Alla tiftaħlek il-bibien kollha, għax hu, il-Mulej, huwa l-bieb. Naqbdu l-Vanġelu, naqbdu l-Bibbja f’idejna: ħames minuti kuljum, mhux iżjed. Żommu Vanġelu fil-but magħkom, fil-basket, u meta tkunu tivvjaġġaw aqbduh u aqraw ftit minnu, matul il-jum, silta żgħira, ħallu li l-Kelma ta’ Alla tersaq qrib tal-qalb tagħkom. Agħmlu dan u taraw kif dan jibdel lil ħajjitkom bil-qrubija lejn il-Kelma ta’ Alla. “Iva, Dun, imma jiena mdorri naqra l-Ħajja tal-Qaddisin”: dan sewwa, sewwa, imma tħallix il-Kelma ta’ Alla. Ħu l-Vanġelu miegħek, u aqrah imqar għal minuta waħda biss kuljum.
Kemm hi ħaġa sabiħa meta naħsbu fil-ħajja tagħna mal-Mulej bħala relazzjoni ta’ ħbiberija li tikber jum wara jum. Qatt ħsibtu f’dan? Hija t-triq! Naħsbu f’Alla li jħobbna, iridna ħbiebu! Il-ħbiberija ma’ Alla għandha l-kapaċità li tibdel il-qalb; hi wieħed mill-akbar doni tal-Ispirtu s-Santu, il-pjetà, li tagħmilna kapaċi nagħrfu l-paternità ta’ Alla. Għandna missier mimli tjieba, Missier kollu mħabba, Missier li jħobbna, li minn dejjem ħabbna: meta nagħmlu esperjenza tiegħu, il-qalb tinħall u jaqgħu d-dubji, il-biżgħat, is-sensazzjoni li ma nħossuniex denji. Xejn ma jista’ jeħodha kontra din l-imħabba tal-laqgħa mal-Mulej.
U dan ifakkarna f’għajnuna oħra kbira, id-don tal-Ispirtu s-Santu, li hu preżenti fina, u li jgħallimna, jagħmel ħajja l-Kelma ta’ Alla li naqraw, jissuġġerixxi tifsiriet ġodda, jiftaħ bibien li kienu jidhru magħluqa, jindika toroq ta’ ħajja hemm fejn kien jidher li hemm biss id-dlam u l-konfużjoni. Jiena nistaqsikom: intom titolbuh lill-Ispirtu s-Santu? Imma min hu dan l-Alla kbir mhux magħruf? Aħna nitolbu lill-Missier, iva, il-Missierna, nitolbu lil Ġesù, imma lill-Ispirtu ninsewh! Darba, waqt katekeżi lit-tfal, staqsejthom: “Min minnkom jaf min hu l-Ispirtu s-Santu?”. U wieħed tifel: “Jiena naf!”. “U min hu?”. “Il-paralitiku”, qalli! Kien sema’ l-kelma “il-Paraklitu”, u ħaseb li kien xi paralitiku. U ħafna drabi – dan ġagħalni naħseb – għalina l-Ispirtu s-Santu qiegħed hemm, bħallikieku kien Persuna li ma tiswiex. L-Ispirtu s-Santu hu dak li jagħtik il-ħajja tar-ruħ! Ħalluh jidħol. Tkellmu mal-Ispirtu l-istess kif titkellmu mal-Missier, kif titkellmu mal-Iben: tkellmu mal-Ispirtu s-Santu – li ma għandu xejn paralitiku fih! Fih tinsab il-qawwa tal-Knisja, hu dak li jmexxik ’il quddiem. L-Ispirtu s-Santu hu dixxerniment fl-azzjoni, preżenza ta’ Alla fina, huwa d-don, l-ikbar rigal li l-Missier jiżgura lil dawk li jitolbuhulu (ara Lq 11:13). U Ġesù kif isejjaħlu? “Id-don”: “Ibqgħu hawn f’Ġerusalemm stennew id-don ta’ Alla”, li hu l-Ispirtu s-Santu. Interessanti li ħajjitna ngħixuha fi ħbiberija mal-Ispirtu s-Santu: hu jibdlek, hu jkabbrek.
Il-Liturġija tas-Sigħat tiftaħ il-mumenti ewlenin tat-talb tal-ġurnata b’din l-invokazzjoni: “O Alla, ejja eħlisni; Mulej, fittex għinni”. “Mulej, għinni int!”, għax waħdi ma nistax nimxi ’l quddiem, ma nistax inħobb, ma nistax ngħix… Din l-invokazzjoni ta’ salvazzjoni hija t-talba li tgelgel mill-qiegħ nett tagħna u li xejn ma jista’ jifga. Id-dixxerniment għandu l-iskop li jagħraf is-salvazzjoni maħduma mill-Mulej fil-ħajja tiegħi, ifakkarni li ma jiena qatt waħdi u li, jekk qed nitqabad, dan għax dak li hemm fin-nofs hu importanti. L-Ispirtu s-Santu huwa dejjem magħna. “Oħ, Dun, għamilt ħaġa kerha, irrid immur inqerr, ma nista’ nagħmel xejn…”. Għamilt ħaġa kerha? Tkellem mal-Ispirtu li jinsab miegħek u għidlu: “Għinni, għamilt din il-ħaġa kerha ħafna”. Imma la twaqqafx id-djalogu mal-Ispirtu s-Santu. “Dun, ninsab fid-dnub il-mejjet”: ma jimpurtax, tkellem miegħu ħa jgħinek tilqa’ l-maħfra. Qatt tħalli dan id-djalogu mal-Ispirtu s-Santu. U b’dawn l-għajnuniet, li l-Mulej jagħtina, ma għandniex għax nibżgħu. Nimxu ’l quddiem, bil-kuraġġ u l-ferħ!
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard