Katekeżi: L-Ispirtu u l-Għarusa. L-Ispirtu s-Santu jmexxi l-poplu ta’ Alla għal-laqgħa ma’ Ġesù t-tama tagħna. 3. “L-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla”. Nagħrfu l-imħabba ta’ Alla mill-kliem ta’ Alla
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Inkomplu bil-katekeżi fuq l-Ispirtu s-Santu li jmexxi lill-Knisja lejn Kristu t-tama tagħna. Huwa l-gwida. L-aħħar darba kkontemplajna l-opra tal-Ispirtu fil-ħolqien; illum se narawha fir-rivelazzjoni, li tagħha l-Iskrittura Mqaddsa hi xhieda mnebbħa minn Alla u awtorevoli.
Fit-Tieni Ittra ta’ San Pawl lil Timotju hemm din l-istqarrija: “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla” (3:16). U silta oħra mit-Testment il-Ġdid tgħid: “Meta l-bnedmin tkellmu f’isem Alla, dan għamluh għax kienu mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu” (2 Piet 1:21). Dan hu t-tagħlim tal-ispirazzjoni divina tal-Iskrittura Mqaddsa, dak li aħna nipproklamaw bħala artiklu tal-fidi fil-Kredu, meta ngħidu li l-Ispirtu s-Santu “tkellem permezz tal-profeti”. L-ispirazzjoni divina tal-Bibbja.
L-Ispirtu s-Santu, li nebbaħ l-Iskrittura, huwa wkoll Dak li jfissirha u jagħmilha għal dejjem ħajja u attiva. Minn ispirata, jagħmilha ispiratriċi. “Ispirati kif inhuma minn Alla”, jgħid il-Konċilju Vatikan II, “huma miktuba darba għal dejjem, jgħallmu bla tibdil il-kelma ta’ Alla nnifsu u jsemmgħu fi kliem il-profeti u l-Appostli l-leħen tal-Ispirtu s-Santu” (Dei Verbum, n. 21). B’dan il-mod l-Ispirtu s-Santu jkompli, fil-Knisja, l-azzjoni ta’ Kristu Rxoxt li, wara l-Għid, “fetaħ il-moħħ tad-dixxipli biex jifhmu Iskrittura” (ara Lq 24:45).
Fil-fatt, jiġri li silta partikulari tal-Iskrittura, li tant drabi nkunu qrajnieha mingħajr xi emozzjoni partikulari, xi darba naqrawha fi klima ta’ fidi u ta’ talb, u hawn dak it-test ħabta u sabta jiddawwal, ikellimna, jixħet dawl fuq problema li qed ngħixu, jagħmel ċara r-rieda ta’ Alla għalina f’ċerta sitwazzjoni. Mnejn ġejja din il-bidla, jekk mhux bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu? Il-kliem tal-Iskrittura, bil-ħidma tal-Ispirtu, jiddawwal; u f’dawn il-każijiet immissu b’idejna kemm hi minnha l-istqarrija tal-Ittra lil-Lhud: “Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar…” (4:12).
Ħuti, il-Knisja titmantna bil-qari spiritwali tal-Iskrittura Mqaddsa, jiġifieri bil-qari li jsir taħt id-dawl tal-Ispirtu s-Santu li nebbaħha. Fil-qalba tagħha, bħal fanal li jdawwal kollox, hemm il-ġrajja tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, li jwassal għall-milja l-pjan tas-salvazzjoni, iwettaq il-figuri u l-profeziji kollha, jikxef il-misteri kollha moħbija u joffri l-muftieħ tassew biex naqraw il-Bibbja kollha. Il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu huma l-fanal li jdawwal il-Bibbja kollha, u jdawwal ukoll il-ħajja tagħna. L-Apokalissi jfisser dan kollu bix-xbieha tal-Ħaruf li jikser is-siġilli tal-ktieb “miktub minn ġewwa u minn barra, magħluq b’seba’ siġilli” (ara 5:1-9), l-Iskrittura tat-Testment il-Qadim. Il-Knisja, Għarusa ta’ Kristu, hi l-interpretu awtorizzat tat-test imnebbaħ tal-Iskrittura, il-Knisja hija l-medjatriċi tax-xandir awtentiku tagħha. Ladarba l-Knisja hi mogħnija bl-Ispirtu s-Santu – għalhekk hija interpretu – hija “kolonna u pedament tal-verità” (1 Tim 3:15). Għaliex? Għax hija ispirata, miżmuma fis-sod mill-Ispirtu s-Santu. U xogħol il-Knisja hu li tgħin lill-fidili u dawk li jfittxu l-verità biex jinterpretaw b’mod korrett it-testi bibliċi.
Mod kif nagħmlu l-qari spiritwali tal-Kelma ta’ Alla hu dak li jissejjaħ il-lectio divina, kelma li forsi ma nifhmux xi tfisser. Jikkonsisti f’li niddedikaw ħin mill-ġurnata għall-qari personali u meditattiv ta’ silta mill-Iskrittura. U dan hu importanti ħafna: ta’ kuljum sib ħin biex tisma’, biex timmedita, taqra silta mill-Iskrittura. U għalhekk nitlobkom: żommu dejjem Vanġelu taskabbli u ġorruh magħkom fil-basket, fil-but… Hekk meta tkunu tivvjaġġaw jew meta jkollkom xi ftit ħin fuq idejkom, taqbduh u taqraw minnu… Dan hu importanti ħafna fil-ħajja. Aqbdu Vanġelu taskabbli u matul il-ġurnata aqrawh darba, darbtejn, meta jirnexxilkom. Imma l-qari spiritwali per eċċellenza tal-Iskrittura hu dak komunitarju li jsir fil-Liturġija, fil-Quddiesa. Hemm naraw kif ġrajja jew tagħlim, mogħti fit-Testment il-Qadim, isib il-milja tiegħu fil-Vanġelu ta’ Kristu. U l-omelija, dak il-kumment li jagħmel iċ-ċelebrant, għandu jgħin biex jittrasferixxi l-Kelma ta’ Alla mill-ktieb għall-ħajja. Imma l-omelija ma għandhiex taqbeż it-tmien minuti, għax wara mal-ħin wieħed jitlef l-attenzjoni u n-nies jaqbadha n-ngħas, u jkollha raġun. Omelija hekk għandha tkun. U dan hu li rrid ngħid lill-qassisin, li jitkellmu ħafna, ħafna drabi, u ħadd ma jifhem xi jkunu jgħidu. Omelija qasira: ħsieb, sentiment u spunt għall-azzjoni, dwar wieħed x’għandu jagħmel. Mhux iżjed minn tmien minuti. Għax l-omelija għandha tgħinna biex ngħaddu l-Kelma ta’ Alla mill-ktieb għall-ħajja. U fost il-ħafna kliem ta’ Alla li ta’ kuljum nisimgħu fil-Quddiesa jew fil-Liturġija tas-Sigħat, dejjem hemm waħda maħsuba b’mod partikulari għalina. Xi ħaġa li tmiss il-qalb. Milqugħa fil-qalb, din tista’ ddawwal il-ġurnata tagħna, tagħti l-ħajja lit-talb tagħna. Hemm bżonn li ma nħalluhiex taqa’ fil-vojt!
Nagħlqu bi ħsieb li jista’ jgħinna ninnamraw mal-Kelma ta’ Alla. Bħal ċerti siltiet mużikali, l-Iskrittura Mqaddsa għandha hija wkoll nota fl-isfond li takkumpanjaha mill-bidu sal-aħħar, u din in-nota hi l-imħabba ta’ Alla. “Il-Bibbja kollha”, josserva Santu Wistin, “ma tagħmilx ħlief tirrakkonta l-imħabba ta’ Alla”. [1] U San Girgor il-Kbir jiddefinixxi l-Iskrittura bħala “ittra ta’ Alla li jista’ kollox lill-ħlejqa tiegħu”, bħal ittra tal-Għarus lill-għarusa, u jsejħilna biex “nitgħallmu nagħrfu l-qalb ta’ Alla fil-kelmiet ta’ Alla”. [2] “B’din ir-rivelazzjoni”, itenni l-Konċilju Vatikan II, “Alla li ma jidhirx, fl-imħabba kbira tiegħu jitkellem mal-bnedmin bħal ħbieb u jgħix magħhom biex jistedinhom u jdaħħalhom f’għaqda miegħu” (Dei Verbum, 2).
Għeżież ħuti, komplu aqraw il-Bibbja! Imma tinsewx il-Vanġelu taskabbli: ġorruh magħkom fil-basket, fil-but jew, aqraw biċċa f’xi mument ieħor tal-ġurnata. U dan iqarribkom sew lejn l-Ispirtu s-Santu li jinsab fil-Kelma ta’ Alla. L-Ispirtu s-Santu, li nebbaħ l-Iskrittura u issa jnebbaħ mill-Iskrittura, jgħinna nilqgħu din l-imħabba ta’ Alla fis-sitwazzjonijiet konkreti tal-ħajja. Grazzi.
[1] De catechizandis rudibus, I, 8, 4: PL 40, 319.
[2] Registrum Epistolarum, V, 46 (ed. Ewald-Hartmann, pp. 345-346).
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard