Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-Knisja hija skola kbira ta’ talb. Ħafna minna tgħallmu s-sillabi tal-ewwel talbiet fuq ħoġor il-ġenituri jew in-nanniet tagħhom. Forsi għadna ngħożżu t-tifkira ta’ ommna jew ta’ missierna jgħallmuna ngħidu xi talba qabel nidħlu norqdu. Dawn il-mumenti ta’ ġabra spiss huma dawk li fihom il-ġenituri jisimgħu lil uliedhom jafdawlhom xi ħaġa intima u jistgħu jagħtuhom il-parir tagħhom imnebbaħ mill-Vanġelu. Imbagħad, huma u jikbru, ikollhom laqgħat oħra, ma’ xhieda u għalliema oħra tat-talb (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2686-2687). Nagħmlu sew niftakruhom.

Il-ħajja ta’ parroċċa u ta’ kull komunità Nisranija hi mmarkata miż-żminijiet liturġiċi u mit-talb komunitarju. Dan id-don li fi tfulitna rċivejna b’sempliċità, nintebħu li hu wirt kbir, wirt għani ħafna, u li l-esperjenza tat-talb jixirqilha li ninżlu dejjem iżjed fil-fond tagħha (ara ibid., 2688). Il-libsa tal-fidi mhix qies wieħed, imma tikber magħna; mhix dejqa, imma tikber, anki permezz ta’ mumenti ta’ kriżi u ta’ qawmien; anzi, ma tistax tikber mingħajr mumenti ta’ kriżi, għax il-kriżi tgħinek tikber: hemm bżonn nidħlu fi kriżi biex nistgħu nikbru. U n-nifs tal-fidi huwa t-talb: nikbru fil-fidi skont kemm nitgħallmu nitolbu. Wara ċerti perjodi tal-ħajja, nintebħu li mingħajr il-fidi ma konniex naslu u li t-talb kien il-qawwa tagħna. Mhux biss it-talb personali, imma wkoll dak ta’ ħutna, u tal-komunità li seħbitna u weżnitna, tan-nies li jafuna, ta’ dawk li tlabniehom jitolbu għalina.

Għalhekk ukoll fil-Knisja jwarrdu l-ħin kollu komunitajiet u gruppi mogħtija għat-talb. Hemm ukoll Insara li jħossuhom imsejħin jagħmlu mit-talb l-azzjoni prinċipali tal-ġranet tagħhom. Fil-Knisja għandna monasteri, kunventi, eremitaġġi, fejn jgħixu persuni kkonsagrati lil Alla u li spiss isiru ċentri ta’ spiritwalità. Huma komunitajiet tat-talb li jsiru bħal mera mdawla ta’ spiritwalità. Huma oasijiet ċkejkna fejn wieħed jaqsam ħajja intensa ta’ talb u tinbena ta’ kuljum il-komunjoni fraterna. Huma ċelloli vitali, mhux biss għan-nisġa ekkleżjali imma għas-soċjetà nfisha. Ejjew naħsbu, ngħidu aħna, fir-rwol li kellu l-monakiżmu fit-twelid u l-iżvilupp taċ-ċiviltà Ewropea, u anki f’kulturi oħra. Id-dinja timxi ’l quddiem bit-talb u bix-xogħol fil-komunità. Dawn huma l-mutur tagħha.

Fil-Knisja kollox jitwieled fit-talb, u kollox jitwieled grazzi għat-talb. Meta l-Għadu, il-Ħażin, irid jaħbat għall-Knisja, l-ewwel li jagħmel hu li jipprova jnixxef l-għejun tagħha, u jwaqqfilha t-talb. Ngħidu aħna, dan narawh f’ċerti gruppi li jaħdmu flimkien biex iwettqu riformi ekkleżjali, bidliet fil-ħajja tal-Knisja… Fuq kollox hemm l-organizzazzjonijiet kollha, hemm il-midja li tgħarraf lil kulħadd… Imma t-talb ma tarah imkien, ma jitolbux. “Jeħtieġ nibdlu hekk, irridu nieħdu din id-deċiżjoni li hi iktar b’saħħitha…”. Interessanti l-proposta, interessanti, bid-diskussjoni biss, bil-midja biss, imma fejn hu t-talb? It-talb hu dak li jiftaħ il-bieb għall-Ispirtu s-Santu, hu dak li jnebbaħna biex nimxu ’l quddiem. Il-bidliet fil-Knisja mingħajr it-talb mhumiex bidliet ta’ Knisja, huma bidliet ta’ grupp. U meta l-Għadu – kif għidt – irid jaħbat għall-Knisja, dan l-ewwel li jagħmlu hu billi jfittex kif jixxotta l-għejun tagħha, iżommha milli titlob, u [jwassalha] tagħmel dawn il-proposti l-oħra. Jekk tieqaf titlob, għal ftit jidher li kollox jista’ jibqa’ għaddej bħal qabel – għax ikun għad hemm ir-ritmu –, imma wara ftit taż-żmien il-Knisja tintebaħ li saret bħal qoxra vojta minn ġew, li tilfet il-fus li jweżinha, li m’għadx għandha f’idejha l-għajn tas-sħana u tal-imħabba.

In-nisa u l-irġiel qaddisin m’għandhomx xi ħajja eħfef minn ta’ ħaddieħor, anzi, għandhom huma wkoll il-problemi tagħhom x’jaffrontaw u, iżjed minn hekk, spiss huma oġġett ta’ oppożizzjoni. Imma l-qawwa tagħhom hija t-talb, li jiksbu dejjem mill-“bir” ma jaqta’ qatt tal-Knisja omm. Bit-talb iżommu mkebbsa l-fjamma tal-fidi tagħhom, kif kien isir biż-żejt tal-imsiebaħ. U hekk jimxu ’l quddiem fil-fidi u fit-tama. Il-qaddisin, li spiss f’għajnejn id-dinja ftit li xejn jiswew, fir-realtà huma dawk li jweżnuha, mhux bl-armi tal-flus u tal-poter, tal-midja tal-komunikazzjoni u l-bqija, imma bl-armi tat-talb.

Fil-Vanġelu ta’ Luqa, Ġesù jagħmel mistoqsija drammatika li dejjem iġġagħalna nirriflettu: “Bin il-bniedem, meta jiġi, se jsib fidi fuq l-art?” (Lq 18:8), jew se jsib biss organizzazzjonijiet, bħal grupp ta’ “negozjanti tal-fidi”, kollha organizzati tajjeb, li jagħmlu l-ġid, u tant affarijiet oħra…, jew se jsib il-fidi? “Bin il-bniedem, meta jiġi, se jsib fidi fuq l-art?”. Din il-mistoqsija nsibuha fi tmiem parabbola li turina l-ħtieġa li nitolbu b’perseveranza, bla ma negħjew (ara vv. 1-8). Għalhekk, nistgħu nikkonkludu li l-musbieħ tal-fidi se jibqa’ dejjem mixgħul fuq din l-art sakemm ikun għad hemm iż-żejt tat-talb. Il-musbieħ tal-fidi vera tal-Knisja se jibqa’ dejjem mixgħul fuq l-art sakemm ikun hemm iż-żejt tat-talb. Dan hu li jmexxi ’l quddiem il-fidi u jmexxi ’l quddiem il-ħajja fqajra tagħna, dgħajfa, midinba, imma t-talb iżommha għaddejja fiż-żgur. Hija mistoqsija li aħna l-Insara hemm bżonn nagħmlu: qed nitlob? Qed nitolbu? Kif nitlob? Bħall-pappagalli jew nitlob bil-qalb? Kif nitlob? Nitlob biċ-ċertezza li ninsab fil-Knisja u nitlob mal-Knisja, jew nitlob xi ftit jew wisq skont l-ideat tiegħi u l-ideat tiegħi nġibhom talba? Din hija talba pagana, mhux Nisranija. Nirrepeti: nistgħu nikkonkludu li l-musbieħ tal-fidi dejjem se jibqa’ mixgħul fuq l-art sakemm ikollna ż-żejt tat-talb.

U din hi ħidma essenzjali li għandha l-Knisja: li titlob u teduka għat-talb. Li tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra l-musbieħ tal-fidi biż-żejt tat-talb. Il-musbieħ tal-fidi li jdawwal, li jqiegħed l-affarijiet tassew f’posthom kif inhuma, imma li jistgħu jibqgħu mexjin ’il quddiem biss biż-żejt tat-talb. Inkella nintfew. Mingħajr id-dawl ta’ dan il-musbieħ, ma nkunux nistgħu naraw it-triq biex nevanġelizzaw, anzi, ma nkunux nistgħu naraw it-triq biex nemmnu tajjeb; ma nkunux nistgħu naraw l-uċuħ ta’ ħutna li rridu nersqu lejhom u naqduhom; ma nkunux nistgħu ndawlu l-kamra fejn niltaqgħu bħala komunità… Mingħajr il-fidi, kollox jikkrolla; u mingħajr it-talb, il-fidi tintefa. Fidi u talb, flimkien. Ma hemmx triq oħra. Għalhekk il-Knisja, li hija dar u skola ta’ komunjoni, hija dar u skola ta’ fidi u ta’ talb.

Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard