Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
F’dawn il-ġimgħat stajna ninżlu iżjed fil-fond tal-figura ta’ San Ġużepp billi ħallejna jdawluna l-ftit tagħrif importanti li jagħtuna l-Vanġeli, u anki l-aspetti tal-personalità tiegħu li l-Knisja mal-medda tas-sekli wrietna permezz tat-talb u d-devozzjoni. Ibda proprju minn dan is-“sentiment komuni” li fl-istorja tal-Knisja sieħeb dejjem il-figura ta’ San Ġużepp, illum nixtieq nieqaf fuq artiklu importanti tal-fidi li jista’ jagħni l-ħajja Nisranija tagħna u jista’ wkoll jorjenta bl-aħjar mod ir-relazzjoni tagħna mal-qaddisin u ma’ ħutna l-mejtin: qed nitkellem fuq ix-xirka tal-qaddisin. Kemm-il darba fil-Kredu ngħidu “nemmen fix-xirka tal-qaddisin”. Imma jekk jistaqsuna x’inhi l-komunjoni tal-qaddisin, niftakar li ta’ tifel kont dritt inwieġeb: “Il-qaddisin jitqarbnu” [bit-Taljan comunione tfisser ‘tqarbin’]. Hi ħaġa li… ma nifhmux xi nkunu ngħidu. X’inhi x-xirka, jew komunjoni, tal-qaddisin? Ma jfissirx li l-qaddisin jitqarbnu, le, mhux hekk: hi ħaġa oħra.
Xi drabi anki l-Kristjaneżmu jista’ jaqa’ f’xejriet ta’ devozzjoni li donnhom jirriflettu mentalità iżjed pagana milli Nisranija. Id-differenza fundamentali qiegħda fil-fatt li t-talb tagħna u d-devozzjoni tagħna, tal-poplu fidil, f’dawk il-każi ma tinbeniex fuq il-fiduċja fi bniedem ieħor, jew fuq xbieha jew oġġett, anki meta nafu li dawn huma qaddisa. Ifakkarna l-profeta Ġeremija: “Misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin, […] imbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej” (17:5-7). Imqar meta nafdaw ruħna kollha fl-interċessjoni ta’ qaddis, jew iżjed u iżjed fil-Verġni Marija, il-fiduċja tagħna għandha valur biss f’relazzjoni ma’ Kristu. Daqslikieku t-triq lejn dak il-qaddis jew il-Madonna ma tiqafx hemm: le. Tgħaddi minnhom, imma f’relazzjoni ma’ Kristu. Ir-rabta li tgħaqqadna ma’ Kristu u bejnietna għandha isem speċifiku: din ir-rabta li tgħaqqadna lkoll, bejnietna u ma’ Kristu, hija x-“xirka tal-qaddisin”. Mhumiex il-qaddisin li jagħmu l-mirakli, le! “Dan il-qaddis jagħmel ħafna mirakli…”; le, żomm waħda: il-qaddisin ma jagħmlux mirakli, imma hi biss il-grazzja ta’ Alla li taħdem permezz tagħhom. Il-mirakli jkun għamilhom Alla, il-grazzja ta’ Alla li taħdem permezz ta’ persuna qaddisa, persuna tajba. Dan irridu nżommuh ċar quddiem għajnejna. Hemm min jgħid: “Jiena ma nemminx f’Alla, imma nemmen f’dan il-qaddis”. Le, dan żball. Il-qaddis huwa interċessur, wieħed li jitlob għalina u aħna nitolbuh, u jitlob għalina u l-Mulej jagħtina l-grazzja: il-Mulej jaġixxi permezz tal-qaddis.
X’inhi, mela, ix-“xirka tal-qaddisin”? Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħid: “Ix-xirka tal-qaddisin hi proprju l-Knisja” (n. 946). X’definizzjoni sabiħa! “Ix-xirka tal-qaddisin hi proprju l-Knisja”. Xi jfisser dan? Li l-Knisja hi riservata għall-perfetti? Le. Ifisser li hi l-komunità ta’ midinbin mifdija. Il-Knisja hija l-komunità tal-midinbin mifdija. Hi sabiħa din id-definizzjoni. Ħadd ma jista’ jitħalla barra mill-Knisja, ilkoll aħna midinbin mifdija. Il-qdusja tagħna hija l-frott tal-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu, li jqaddisna billi jħobbna fil-miżerja tagħna u jifdina minnha. Dejjem grazzi għalih aħna nsawru ġisem wieħed, jgħid San Pawl, li fih Ġesù huwa r-ras u aħna l-membri (ara 1 Kor 12:12). Din ix-xbieha tal-ġisem ta’ Kristu u x-xbieha tal-ġisem dritt ifehmuna xi jfisser inkunu marbuta ma’ xulxin f’xirka waħda. “Jekk membru jbati”, jikteb San Pawl, “ibatu lkoll miegħu; jekk membru jingħata l-ġieħ, jifirħu lkoll miegħu. Intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu” (1 Kor 12:26-27). Dan jgħid San Pawl: aħna lkoll ġisem wieħed, ilkoll magħqudin bil-fidi, bil-Magħmudija, kollha f’xirka waħda: magħqudin f’xirka waħda ma’ Ġesù Kristu. U din hija x-xirka tal-qaddisin.
Ilkoll għandna bżonn tal-ħbieb; ilkoll għandna bżonn ta’ relazzjonijiet bis-sens li jgħinuna naffrontaw il-ħajja. Anki Ġesù kellu l-ħbieb tiegħu, u fuqhom dar fil-mumenti l-iżjed deċiżivi tal-esperjenza umana tiegħu.
Għeżież ħuti, il-ferħ u n-niket li jmissu lil ħajti jmissu lil kulħadd, l-istess kif il-ferħ u n-niket li jmissu l-ħajja ta’ ħuna u ta’ oħtna maġenbna jmissu lili wkoll. Ma nistax nibqa’ indifferenti għall-oħrajn, għax aħna lkoll parti minn ġisem wieħed, aħna f’komunjoni. F’dan is-sens, anki d-dnub ta’ persuna waħda dejjem jolqot lil kulħadd, u l-imħabba ta’ kull persuna tmiss lil kulħadd. Grazzi għax-xirka tal-qaddisin, ta’ din l-għaqda, kull membru tal-Knisja hu marbut miegħi b’mod profond – imma m’iniex ngħid miegħi għax jien il-Papa – aħna marbuta wieħed mal-ieħor u b’mod profond, u din ir-rabta hi hekk qawwija li lanqas il-mewt ma tista’ tfarrak. Fil-fatt, ix-xirka tal-qaddisin mhix biss tal-aħwa li huma maġenbi f’dan il-mument storiku, imma wkoll ta’ dawk li għalqu l-pellegrinaġġ tagħhom fuq din l-art u rifsu l-għatba tal-mewt. Huma wkoll jinsabu f’komunjoni magħna. Għeżież ħuti, naħsbu ftit: fi Kristu ħadd ma jista’ qatt jifridna tassew minn dawk li nħobbu, għax ir-rabta hija rabta eżistenzjali, rabta qawwija li hi fl-istess natura tagħna; jinbidel biss il-mod kif inkunu flimkien ma’ kull wieħed u waħda minnhom, imma xejn u ħadd ma jista’ jkisser din ir-rabta. “Dun, naħsbu f’dawk li ċaħdu l-fidi, l-apostati, li huma l-persekuturi tal-Knisja, li ċaħdu l-Magħmudija tagħhom: dawn ukoll huma ta’ ġewwa magħna?”. Iva, anki dawn, anki d-dagħajja, kulħadd. Ilkoll aħna aħwa: din hija x-xirka tal-qaddisin. Ix-xirka tal-qaddisin iżżomm flimkien il-komunità ta’ dawk li jemmnu fuq din l-art u fis-Sema.
F’dan is-sens, ir-relazzjoni ta’ ħbiberija li nista’ nibni ma’ ħija jew oħti maġenbi, jista’ jkolli wkoll ma’ ħija jew oħti li jinsabu fis-Sema. Il-qaddisin huma ħbieb li magħhom spiss ninsġu relazzjonijiet ta’ ħbiberija. Dik li aħna nsejħulha devozzjoni lejn qaddis – jiena devot ħafna ta’ dan il-qaddis, ta’ din il-qaddisa – din li aħna nsejħu devozzjoni fir-realtà hija mod kif nesprimu l-imħabba li ġejja proprju minn din ir-rabta li tgħaqqadna. Fil-ħajja ta’ kuljum ukoll nistgħu ngħidu: “Imma din il-persuna għandha ħafna devozzjoni għall-ġenituri xjuħ tagħha”: le, huwa mod ta’ mħabba, espressjoni ta’ mħabba. U lkoll kemm aħna nafu li dejjem nistgħu naqgħu fuq ħabib, fuq kollox meta nkunu f’diffikultà u jkollna bżonn l-għajnuna. U fis-sema għandna l-ħbieb. Ilkoll għandna bżonn tal-ħbieb; ilkoll għandna bżonn ta’ relazzjonijiet bis-sens li jgħinuna naffrontaw il-ħajja. Anki Ġesù kellu l-ħbieb tiegħu, u fuqhom dar fil-mumenti l-iżjed deċiżivi tal-esperjenza umana tiegħu. Fl-istorja tal-Knisja hemm punti fissi li jsieħbu l-komunità li temmen: qabelxejn l-imħabba kbira u r-rabta qawwija li l-Knisja dejjem ħasset lejn Marija, Omm Alla u Ommna. Imma anki l-ġieħ u mħabba speċjali li tat lil San Ġużepp. Fil-verità, lilu Alla jafda l-ħwejjeġ l-aktar għeżież li għandu: lil Ibnu Ġesù u lill-Verġni Marija. Huwa dejjem grazzi għax-xirka tal-qaddisin li nħossu qrib tagħna l-qaddisin li huma patruni tagħna, minħabba l-isem li nġorru, ngħidu aħna, minħabba l-Knisja li nagħmlu parti minnha, minħabba l-post fejn ngħixu, u l-bqija, anki minħabba devozzjoni personali. U din hi l-fiduċja li dejjem għandha tħeġġiġna biex induru lejhom fil-mumenti deċiżivi ta’ ħajjitna. Mhijiex ħaġa maġika, mhijiex superstizzjoni, id-devozzjoni lejn il-qaddisin; hija sempliċiment li tkellem lil ħuk, oħtok li jinsabu quddiem Alla, li mxew it-triq it-tajba, triq qaddisa, triq eżemplari, u issa jinsabu quddiem Alla. U jiena nitkellem ma’ dan ħija, ma’ din oħti, u nitlob l-interċessjoni tagħhom għall-bżonnijiet tiegħi.
Għalhekk nixtieq nagħlaq din il-katekeżi b’talba lil San Ġużepp li magħha nħoss li għandi rabta partikulari u li ili ngħid ta’ kuljum għal iżjed minn 40 sena. Hija talba li sibt fi ktieb tat-talb tas-Sorijiet ta’ Ġesù u Marija, tal-1700, tmiem is-seklu tmintax. Hija sabiħa ħafna, imma iżjed milli talba hija sfida lil dan il-ħabib, lil dan il-missier, lil dan il-ħarries tagħna li huwa San Ġużepp. Sabiħ kieku titgħallmuha din it-talba u tirrepetuha. Ħa naqraha: “O Glorjuż Patrijarka, li l-qawwa tiegħek taf tagħmel possibbli l-ħwejjeġ impossibbli, għinni inti f’dawn il-mumenti ta’ tbatija u diffikultà. Ħu taħt il-ħarsien tiegħek is-sitwazzjonijiet hekk gravi u ibsin li qed nafdalek, biex twassalhom għal tmiem hieni. Missier maħbub tiegħi, inqiegħed fik il-fiduċja kollha tiegħi. Biex ma jgħidux li sejjaħtlek għalxejn, u ladarba int kollox tista’ tikseb mingħand Ġesù u Marija, urini li t-tjieba tiegħek hi kbira daqs setgħetek”. Jien kuljum nafda lili nnifsi lil San Ġużepp, b’din it-talba, sa minn iżjed minn 40 sena ilu: hija talba antika.
Ejjew nimxu ’l quddiem, f’din ix-xirka tal-qaddisin kollha li għandna fis-sema u fl-art: il-Mulej ma jitlaqniex waħidna.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard