Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Inkomplu bil-katekeżi tagħna fuq id-dixxerniment tal-ispirtu: kif ngħarblu dak li qed jiġri fil- qalb tagħna, fir-ruħ tagħna. U wara li qisna xi aspetti tad-deżolazzjoni – dik id-dalma tar-ruħ
– illum nitkellmu fuq il-konsolazzjoni, li hija d-dawl tar-ruħ, u li hi element ieħor importanti għad-dixxerniment, u li ma rridux ma nagħtux kasu, għax jista’ jkun hemm xi ekwivoki.
Aħna rridu nifhmu x’inhi l-konsolazzjoni, kif fittixna li nifhmu tajjeb x’inhi d-deżolazzjoni. X’inhi l-konsolazzjoni spiritwali? Hija esperjenza ta’ ferħ ġewwieni, li jħallina naraw il- preżenza ta’ Alla f’kollox; issaħħaħ il-fidi u t-tama, u anki l-ħila tagħna li nagħmlu t-tajjeb.
Il-persuna li tgħix il-konsolazzjoni ma ċċedix quddiem id-diffikultajiet, għax tħoss paċi iżjed
qawwija mill-prova. Mela hawn għandna don kbir għall-ħajja spiritwali u għall-ħajja kollha
flimkien. U ngħixu dan il-ferħ interjuri.
Il-konsolazzjoni hija moviment ġewwieni, li jmiss il-profond tagħna nfusna. Mhux xi ħaġa li tiġbed l-għajn, imma hu ħelu, delikat, bħal qatra ilma fuq sponża (ara Sant’Injazju ta’ Loyola,
Eżerċizzi spiritwali, 335): il-persuna tħossha mdawra mill-preżenza ta’ Alla, dejjem b’rispett lejn il-libertà tagħha. Qatt ma hi ħaġa stunata li tipprova timponi ruħha fuq ir-rieda tagħna, lanqas hi ewforija li tgħaddi: bil-maqlub, kif rajna, anki n-niket – ngħidu aħna għad-dnubiet tagħna – jista’ jsir raġuni ta’ konsolazzjoni.
Ejjew naħsbu fl-esperjenza li għadda minnha Santu Wistin meta jitkellem ma’ ommu Monika
fuq il-ġmiel tal-ħajja ta’ dejjem; jew fil-ferħ perfett ta’ San Franġisk – li safrattant hu assoċjat
ma’ sitwazzjonijiet ibsin ħafna li kellu jġarrab –; u naħsbu f’tant qaddisin li għarfu jagħmlu
ħwejjeġ kbar, mhux għax kienu jqisu ruħhom bravi u kapaċi, imma għax mirbuħa mill- ħlewwa paċifikanti tal-imħabba ta’ Alla. Hija l-paċi li stagħġeb biha xħin innotaha fih innifsu
Sant’Injazju huwa u jaqra l-ħajjiet tal-qaddisin. Li jkollok konsolazzjoni jfisser tkun fil-paċi
ma’ Alla, tħoss li kollox hu mwettaq fis-sliem, kollox hu f’armonija ġo fik. Hija l-paċi li ħasset Edith Stein wara l-konverżjoni tagħha; sena wara li rċiviet il-Magħmudija, hi kitbet – hekk tgħid Edith Stein: “Waqt li nintelaq f’dan is-sentiment, ftit ftit qed nibda nimtela b’ħajja ġdida u – mingħajr ebda tensjoni tar-rieda tiegħi – inħossni imbuttata lejn twettiq ġdid. Dan l-influss ħaj donnu ħiereġ minn opra u minn qawwa li mhijiex tiegħi u li, mingħajr ma tagħmel xi vjolenza fuq tiegħi, issir attiva fija” (Psicologia e scienze dello spirito, Città Nuova, 1996, 116). Jiġifieri paċi ġenwina hija paċi li twarrad is-sentimenti tajba fina.
Il-konsolazzjoni tmiss qabelxejn mat-tama, hi indirizzata lejn il-futur, tgħinna nimxu, tgħinna
nieħdu inizjattivi li sa dakinhar inkunu dejjem ħallejniehom għal darb’oħra, jew lanqas stħajjilniehom, bħalma kienet il-Magħmudija għal Edith Stein. Il-konsolazzjoni hija paċi hekk kbira imma mhix qiegħda biex nibqgħu hemm bilqiegħda ngawduha, le, tagħtik il-paċi u tiġbdek lejn il-Mulej u tpoġġik f’mixja biex tagħmel xi ħaġa, biex tagħmel ħwejjeġ tajba. Fi żmien ta’ konsolazzjoni, meta nħossuna mfarrġa, tiġina x-xewqa li nagħmlu tant tajjeb, dejjem. Imma meta jkun hemm il-mument tad-deżolazzjoni, jiġina l-aptit li ningħalqu fina nfusna u li ma nagħmlu xejn. Il-konsolazzjoni tħeġġek ’il quddiem, għas-servizz tal-oħrajn, fis-soċjetà, għand il-persuni. Il-konsolazzjoni spiritwali mhijiex “pilotabbli” – ma tistax tikkmandaha biex tiġi issa l-konsolazzjoni, le, ma hix pilotabbli – mhijiex programmabbli skont il-pjaċir, imma hija don tal-Ispirtu s-Santu: tagħtina familjarità ma’ Alla li donnha tneħħi d-distanzi. Santa Tereża ta’ Ġesù Bambin, meta ta’ erbatax-il sena żaret f’Ruma l-Bażilika ta’ Santa Croce in Gerusalemme, ippruvat tmiss il-musmar meqjum hemmhekk, wieħed minn dawk li bih ġie msallab. Tereża ħasset din il-qlubija tagħha bħala tkaxkira ta’ mħabba u ta’ kunfidenza. U mbagħad kitbet: “Kont pura […]. Kont inġib ruħi ta’ tifla ċkejkna li temmen li kollox hu permess u tqis b’tagħha t-teżori tal-Missier” (Manuskritt Awtobijografiku, 183). Il-konsolazzjoni hi spontanja, twassalna biex nagħmlu kollox b’mod spontanju, bħallikieku konna tfal żgħar. It-tfal huma spontanji, u l-konsolazzjoni twasslek biex tkun spontanju bi ħlewwa, b’paċi kbira ħafna. Tfajla ta’ erbatax-il sena tagħtina deskrizzjoni mill-isbaħ tal-konsolazzjoni spiritwali: inħossu sens ta’ ħlewwa lejn Alla, li timliena bil-qlubija fix-xewqa li nieħdu sehem fl-istess ħajja tiegħu, li nagħmlu dak li hu mogħġub, għax inħossuna familjari miegħu, inħossu li d-dar tiegħu hija tagħna, inħossuna milqugħa, maħbuba, imġedda. B’din il-konsolazzjoni ma nċedux quddiem id-diffikultajiet: fil-fatt, bl-istess qlubija, Tereża mbagħad talbet lill-Papa l-permess biex tidħol fil-Karmelu, imqar jekk kienet għadha żgħira wisq, u dan ingħatalha. Xi jfisser dan? Ifisser li l-konsolazzjoni tagħmilna qalbiena: meta nkunu fi żmien ta’ dalma, ta’ deżolazzjoni, u naħsbu: “Dan m’iniex kapaċi nagħmlu”. Id-deżolazzjoni tgħaffġek ’l isfel, iġġagħlek tara kollox ikrah: “Le, jien ma nistax nagħmel dan, mhux ħa nagħmlu”. Imma, fi żmien ta’ konsolazzjoni, tara l-istess affarijiet b’mod differenti u tgħid: “Le, jien sa nibqa’ miexi ’l quddiem, se nagħmilha”. “Imma int ċert?”. “Jien qed inħoss il-qawwa ta’ Alla u se nibqa’ miexi”. U hekk il-konsolazzjoni tgħinek tibqa’ miexi ’l quddiem u tagħmel affarijiet li fi żmien ta’ deżolazzjoni ma kontx kapaċi tagħmel; twasslek biex tmidd l-ewwel pass. Dan hu s-sabiħ tal-konsolazzjoni.
Imma attenti. Irridu nagħżlu tajjeb bejn il-konsolazzjoni li hi ta’ Alla, u l-konsolazzjonijiet foloz. Fil-ħajja spiritwali sseħħ xi ħaġa simili għal dak li jiġri fil-produzzjonijiet umani: hemm l-oriġinali u hemm l-imitazzjonijiet. Jekk il-konsolazzjoni awtentika hi bħal qatra fuq sponża, hi ħelwa u ġewwinija, l-imitazzjonijiet tagħna jagħmlu iżjed storbju u jiġbdu l-għajn, huma entużjażmu pur, huma nar tat-tiben, bla konsistenza, iwassluna biex ningħalqu fina nfusna, biex ma niħdux ħsieb tal-oħrajn. Il-konsolazzjoni falza fl-aħħar tħallina vojta, imbiegħda miċ-ċentru tal-ħajja tagħna. Għalhekk, meta aħna nħossuna ferħana, fil-paċi, inkunu kapaċi nagħmlu kollox. Imma ma rridux nifxlu dik il-paċi ma’ entużjażmu li jgħaddi, għax l-entużjażmu jkun illum, imbagħad jitmewwet u ma jibqax iżjed.
Għalhekk irridu nagħmlu dixxerniment, imqar meta nħossuna mfarrġa. Għax il-konsolazzjoni falza tista’ ssir periklu, jekk infittxuha bħala fini fiha nfisha, b’mod ossessiv, u lill-Mulej ninsewh. Kif qal San Bernard, inkunu nfittxu l-konsolazzjonijiet ta’ Alla u mhux lil Alla tal- konsolazzjonijiet. Aħna rridu nfittxu lill-Mulej, u l-Mulej, bil-preżenza tiegħu, ifarraġna, ikompli jmexxina ’l quddiem. U ma nfittxux lil Alla li jġibilna l-konsolazzjonijiet hawn isfel: le, dan mhux sew, ma rridux inkunu interessati f’dan. Hija d-dinamika tat-tifel li dwaru tkellimna l-aħħar darba, li jfittex il-ġenituri biss biex jagħtuh l-affarijiet, imma mhux minħabba fihom infushom: imur għandhom għax għandu l-interess. “Pa, ma”. U t-tfal jafu jagħmluh dan, jafu jilagħbu u meta l-familja tkun maqsuma, u jkollhom din id-drawwa li jfittxu hemm u jfittxu hawn, dan mhux sew, din mhijiex konsolazzjoni, dan interess. Aħna wkoll nirriskjaw li ngħixu r-relazzjoni tagħna ma’ Alla b’mod infantili, billi nfittxu l-interess tagħna, u nippruvaw nirriduċu lil Alla għal oġġett għall-użu u l-konsum tagħna, waqt li nwarrbu l-isbaħ don li hu Huwa nnifsu. Hekk nimxu ’l quddiem f’ħajjitna, qalb il-konsolazzjonijiet ta’ Alla u d-deżolazzjonijiet tad-dnub tad-dinja, imma nafu nagħrfu meta hi konsolazzjoni ta’ Alla, li tagħtik il-paċi fil-fond tar-ruħ tiegħek, u meta jkun biss entużjażmu li jgħaddi, li mhux ħaġa ħażina, imma mhuwiex il-konsolazzjoni ta’ Alla.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard