Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Qabel ma nibda din il-katekeżi nixtieq li ningħaqdu ma’ dawk kollha li, hawn qrib tagħna, ġew isellmu lil Benedittu XVI, u li naħsbu fih, hu li kien mgħallem kbir ta’ katekeżi. Il-ħsieb mirqum u ġentili tiegħu ma kienx awtoreferenzjali, imma ekkleżjali, għax dejjem ried jakkumpanjana lejn il-laqgħa ma’ Ġesù Kristu. Ġesù, il-Mislub li rxoxta, il-Ħaj u l-Mulej, kien id-destinazzjoni li lejha l-Papa Benedittu mexxiena, billi qabdilna jdejna. Ħa jgħinna niskopru mill-ġdid fi Kristu l-ferħ tal-fidi u t-tama tal-ħajja.
B’din il-katekeżi tal-lum nagħlqu ċ-ċiklu ddedikat lit-tema tad-dixxerniment, u dan nagħmluh billi ntemmu d-diskors fuq l-għajnuniet li jistgħu u għandhom iweżnuh: iwieżnu l-proċess tad-dixxerniment. Wieħed minn dawn hu l-akkumpanjament spiritwali, importanti qabelxejn għall-għarfien tagħna nfusna, li rajna kemm hu kundizzjoni indispensabbli għad-dixxerniment. Li nħarsu fil-mera, waħidna, mhux dejjem jgħin, għax wieħed jista’ jibdel l-immaġni. Imma, jekk tħares fil-mera bl-għajnuna ta’ xi ħadd ieħor, dan jgħinek ħafna għax l-ieħor jgħidlek il-verità – meta hu sinċier – u hekk ikun jgħinek.
Il-grazzja ta’ Alla fina taħdem dejjem fuq in-natura tagħna. Ejjew naħsbu f’parabbola tal-Vanġelu, fejn il-grazzja nistgħu nxebbhuha maż-żerriegħa t-tajba u n-natura mal-art (ara Mk 4:3-9). Importanti qabelxejn niftħu qalbna, mingħajr il-biża’ li naqsmu l-aspetti l-aktar dgħajfa, fejn niskopru li aħna iżjed sensibbli, dgħajfa jew beżgħana li niġu ġġudikati. Niftħu qalbna, nuru lilna nfusna lil persuna li takkumpanjana fil-mixja tal-ħajja. Mhux li ħa tiddeċiedi hi għalina, le: imma li takkumpanjana. Għax id-dgħufija hi, fir-realtà, l-għana veru tagħna: aħna għonja fid-dgħufija, ilkoll; il-veru għana, li rridu nitgħallmu nirrispettaw u nilqgħu, għax, meta jiġi offrut lil Alla, jagħmilna kapaċi nuru ħlewwa, ħniena u mħabba. Ħażin għalihom dawk il-persuni li ma jħossuhomx dgħajfa: huma ibsin, dittatorjali. Imma l-persuni li b’umiltà jagħrfu d-dgħufijiet tagħhom kapaċi jifhmu iżjed lill-oħrajn. Id-dgħufija – nista’ ngħid jien – tagħmilna umani. Mhux ta’ b’xejn, l-ewwel waħda mit-tliet tentazzjonijiet ta’ Ġesù fid-deżert – dik marbuta mal-ġuħ – tfittex li tisirqilna d-dgħufija, billi tippreżentahielna bħala ħażen li għandna neħilsu minnu, impediment biex inkunu bħal Alla. Meta fil-fatt hija l-aktar teżor prezzjuż tagħna: fil-fatt Alla, biex jagħmilna nixbhuh, ried jaqsam f’kollox id-dgħufija tagħna. Ejjew inħarsu lejn il-Kurċifiss: Alla li niżel proprju għad-dgħufija. Inħarsu lejn il-presepju li jasal għal dgħufija kbira umana. Hu qasam fid-dgħufija tagħna.
U l-akkumpanjament spiritwali, jekk ikun doċli għall-Ispirtu s-Santu, jgħinna nikxfu l-maskri tal-ekwivoki anki gravi fil-kunsiderazzjoni tagħna nfusna u fir-relazzjoni mal-Mulej. Il-Vanġelu jippreżenta diversi eżempji ta’ kollokji liberanti u li bihom Ġesù ċċara l-affarijiet. Naħsbu, ngħidu aħna, f’dak li kellu mas-Samaritana, li aħna naqrawh, naqrawh, u dejjem hemm dan l-għerf u din il-ħlewwa ta’ Ġesù; naħsbu f’dak li kellu ma’ Żakkew, naħsbu fil-mara midinba, naħsbu f’Nikodemu u fid-dixxipli ta’ Għemmaws: il-mod kif il-Mulej jersaq lejna. Il-persuni li jkollhom laqgħa vera ma’ Ġesù ma jibżgħux jiftħulu qalbhom, jippreżentawlu l-vulnerabbiltà tagħhom, in-nuqqas ta’ ħila tagħhom, id-dgħufija tagħhom. B’dan il-mod, il-qsim tagħhom infushom isir esperjenza ta’ salvazzjoni, ta’ maħfra milqugħa b’xejn.
Li nirrakkontaw quddiem xi ħadd ieħor dak li nkunu għexna jew li qed infittxu, jgħinna noħolqu ċarezza fina nfusna, nixħtu dawl fuq il-ħafna ħsibijiet li jkunu jduru fina, u li spiss jinkwetawna bir-ritornelli insistenti tagħhom. Kemm drabi, fil-mumenti mudlama, jiġuna ħsibijiet hekk: “Żbaljajt kollox, ma niswa għal xejn, ħadd ma jifhimni, qatt ma jien se nasal, iddestinat għall-falliment”, kemm drabi ġiena li naħsbu dan. Ħsibijiet foloz u velenużi, li l-konfront ma’ persuna oħra jgħinna nikxfulhom il-maskra, hekk li nistgħu nħossuna maħbuba u stmati mill-Mulej għal dak li aħna, kapaċi li nagħmlu ħwejjeġ tajba għalih. Niskopru b’sorpriża modi differenti kif inħarsu lejn l-affarijiet, sinjali tat-tajjeb li dejjem kien hemm fina. Huwa minnu, aħna nistgħu naqsmu d-dgħufijiet tagħna ma’ xi ħadd ieħor, ma’ dak li jakkumpanjana fil-ħajja, fil-ħajja spiritwali, l-imgħallem tal-ħajja spiritwali, sew jekk lajk, saċerdot, u ngħidulu: “Ara x’qed jiġri fija: inħossni mitluf, qed jiġruli dawn l-affarijiet”. U dak li jakkumpanjana jweġibna: “Iva, kollha ngħaddu minnhom dawn l-affarijiet”. Dan jgħinna niċċarawhom tajjeb u naraw mnejn ġejjin l-għeruq u hekk negħlbuhom.
Dak jew dik li jakkumpanjaw – l-akkumpanjatur jew l-akkumpanjatriċi – ma jiħux post il-Mulej, ma jagħmilx ix-xogħol flok il-persuna akkumpanjata, imma jimxi magħha, jinkuraġġiha taqra dak li hemm jiċċaqlaq fil-qalb tagħna, il-post per eċċellenza fejn il-Mulej jitkellem. L-akkumpanjatur spiritwali, li aħna nsejħulu direttur spiritwali – ma jogħġobnix dan it-terminu, nippreferi akkumpanjatur spiritwali, aħjar – hu dak li jgħidlek: “Tajjeb, imma ara hawn, ara hemm”, jiġbidlek l-attenzjoni fuq ħwejjeġ li forsi jgħaddu; jgħinek tifhem aħjar is-sinjali taż-żminijiet, il-leħen tal-Mulej, il-leħen tat-tentatur, il-leħen tad-diffikultajiet li ma jirnexxilekx tegħleb. Għalhekk importanti ħafna ma nimxux waħidna. Hemm qawl għaref Afrikan – għax huma għandhom dik il-mistika tat-tribujiet – li jgħid: “Jekk trid tasal malajr, mur waħdek; jekk trid tasal żgur, mur mal-oħrajn”, mur akkumpanjat, mur mal-poplu tiegħek. Importanti. Fil-ħajja spiritwali aħjar inħallu jakkumpanjana lil min jaf l-affarijiet tagħna u jista’ jgħinna. U dan hu l-akkumpanjament spiritwali.
Dan l-akkumpanjament jista’ jħalli l-frott jekk, minn naħa u mill-oħra, nagħmlu esperjenza tal-filjolanza u tal-fratellanza spiritwali. Niskopru li aħna wlied Alla fil-mument li fih niskopru li aħna aħwa, ulied l-istess Missier. Għalhekk hu indispensabbli nkunu inseriti f’komunità li tinsab f’mixja. M’aħniex waħidna, aħna nies parti minn poplu, minn nazzjon, minn belt li miexja, minn Knisja, minn parroċċa, minn dan il-grupp… komunità li timxi. Għand il-Mulej ma mmorrux waħidna: dan mhux sew. Irridu nifhmuha tajjeb din. Bħal fir-rakkont tal-Vanġelu tal-magħtub, spiss aħna mwieżna u mfejqa grazzi għall-fidi ta’ xi ħadd ieħor (ara Mk 2:1-5) li jgħinna nimxu ’l quddiem, għax ilkoll kemm aħna xi darba jew oħra jkollna xi paraliżi interjuri u jrid ikun hemm xi ħadd li jgħinna negħlbu dak il-kunflitt bl-għajnuna tiegħu. Għand il-Mulej ma mmorrux waħidna, niftakruha tajjeb din; drabi oħra nkunu aħna li nieħdu fuqna dan l-impenn għall-ġid ta’ xi ħadd minn ħutna, u nkunu akkumpanjaturi biex ngħinu lill-ieħor. Mingħajr esperjenza ta’ filjolanza u ta’ fratellanza l-akkumpanjament jista’ jwassal għal aspettattivi irrealistiċi, għal ekwivoki, għal xejriet ta’ dipendenza li jħallu l-persuna fl-istat infantili. Akkumpanjament, imma bħala wlied Alla u aħwa bejnietna.
Il-Verġni Marija hi għalliema tad-dixxerniment: titkellem ftit, tisma’ ħafna u tgħożż fil-qalb tagħha (ara Lq 2:19). It-tliet atteġġjamenti tal-Madonna: titkellem ftit, tisma’ ħafna u tgħożż f’qalbha. U l-ftit drabi li fihom titkellem tħalli marka. Ngħidu aħna, fil-Vanġelu ta’ Ġwanni hemm frażi qasira ħafna mlissna minn Marija li hi kmand għall-Insara ta’ kull żmien: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (ara 2:5). Kurjuża: darba ġiet waħda xwejħa twajba ħafna, devota ħafna, ma kinitx studjat teoloġija, kienet sempliċi ħafna. U qaltli: “Inti taf liema hu l-ġest li dejjem tagħmel il-Madonna?”. Ma nafx: iżżiegħel bik, issejjaħlek… “Le: il-ġest li tagħmel il-Madonna hu dan” [juri sebgħu l-werrej]. Jiena ma fhimtx, u staqsejtha: “Xi trid tgħid?”. U x-xwejħa weġbitni: “Dejjem turina lil Ġesù”. Sabiħ, dan: il-Madonna ma żżomm xejn għaliha, turina lil Ġesù. Agħmlu dak li jgħidilkom hu: hekk hi l-Madonna. Marija taf li l-Mulej ikellem lill-qalb ta’ kull wieħed u waħda, u titlobna nibdlu din il-kelma f’azzjonijiet u għażliet. Hi iktar minn kulħadd għarfet tagħmlu dan, u fil-fatt hi preżenti fil-mumenti fundamentali tal-ħajja ta’ Ġesù, speċjalment fl-ogħla siegħa tal-mewt fuq is-salib.
Għeżież ħuti, nagħlqu din is-serje ta’ katekeżi fuq id-dixxerniment: id-dixxerniment hu arti, arti li nistgħu nitgħallmuha u li għandha r-regoli tagħha. Jekk nifhmuha sew, hi tagħtina li ngħixu l-esperjenza spiritwali b’mod dejjem isbaħ u ordnat. Fuq kollox id-dixxerniment huwa don ta’ Alla, li dejjem għandna nitolbuh, mingħajr qatt nassumu li aħna esperti u nistgħu nagħmlu kollox waħidna. Mulej, agħtini l-grazzja li niddixxerni fil-mumenti tal-ħajja, x’għandi nagħmel, x’għandi nifhem. Agħtini l-grazzja li niddixxerni, u agħtini l-persuna li tista’ tgħinni niddixxerni.
Il-leħen tal-Mulej dejjem nistgħu nagħrfuh, għandu stil uniku, hu leħen li jġib is-sliem, iqawwi l-qalb u jiżgura qalb id-diffikultajiet. Il-Vanġelu dan ifakkarhulna kontinwament: “La tibżax” (Lq 1:30), x’kelma sabiħa hi dik tal-anġlu lil Marija wara l-qawmien ta’ Ġesù: “la tibżax”, “tibżgħu xejn”, hu proprju l-istil tal-Mulej: “tibżax”. “La tibżax!”, jirrepeti lilna wkoll illum il-Mulej; “la tibżgħux”: jekk nafdaw fil-kelma tiegħu, il-partita tal-ħajja nilagħbuha tajjeb, u nkunu nistgħu ngħinu lill-oħrajn. Kif jgħid is-Salm, il-Kelma tiegħu hi musbieħ għal riġlejna u dawl fil-mixi tagħna (ara 119:105).
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard