Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
F’dawn il-ġimgħat qegħdin nittrattaw it-tema tal-vizzji u tal-virtujiet, u llum se nieqfu nirriflettu fuq il-vizzju tal-korla. Huwa vizzju partikularment mudlam, u forsi huwa l-iktar faċli li nindividwaw minn lenti fiżika. Il-persuna maħkuma mill-korla diffiċilment jirnexxilha taħbiha: tinkixef mill-mossi ta’ ġisimha, mill-aggressività, min-nifs tqil, mill-ħarsa mqita jew inkwetata.
Fl-ikbar manifestazzjoni tagħha l-korla hija vizzju li ma jagħtikx nifs. Jekk tinbet minn inġustizzja li wieħed ikun bata (jew li jqisha bħala tali), spiss ma tinfexx fil-ħati, imma kontra l-ewwel povru li jitfaċċa quddiem dak li jkun. Hemm irġiel li jirnexxilhom irażżnu l-korla fuq il-post tax-xogħol, u juru ruħhom kalmi u taħt kontroll, imma malli jirfsu d-dar isiru insopportabbli għal marthom jew uliedhom. Il-korla hija vizzju li jinfirex: kapaċi ttellifna l-irqad jew iġġagħal il-moħħ joqgħod iberren il-ħin kollu, mingħajr ma jirnexxilu jsib mod kif iwaqqaf ir-raġunamenti u l-ħsibijiet.
Il-korla hi vizzju li jeqred ir-relazzjonijiet umani. Tesprimi n-nuqqas ta’ ħila li wieħed jaċċetta li ħaddieħor hu differenti, speċjalment meta l-għażliet tiegħu fil-ħajja huma differenti minn tagħna. Ma jiqafx mal-imġiba żbaljata ta’ persuna, imma jixħet kollox fil-kaldarun: huwa l-ieħor, l-ieħor hekk kif inhu, l-ieħor bħala tali li jipprovoka r-rabja u l-offiża. Wieħed jibda jiddejjaq bil-vuċi tiegħu, bil-ġesti banali ta’ kuljum, bil-modi tiegħu kif jirraġuna u jħossu.
Meta r-relazzjoni tasal għal dan il-livell baxx, wieħed ma jkunx għadu jara ċar. Il-korla ċċajprilna l-ħarsa tagħna. Għax waħda mill-karatteristiċi tal-korla, xi drabi, hi dik li ma jirnexxilhiex tbatti maż-żmien. F’dawk il-każi, anki d-distanza u s-silenzju, flok jikkwitaw il-piż tal-ekwivoċi, iktar ikabbruh. Huwa għalhekk li l-Appostlu Pawlu – kif smajna – jirrakkomanda lill-Insara tiegħu biex jaffrontaw minnufih il-problema u jfittxu r-rikonċiljazzjoni: “Tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom” (Efes 4:26). Importanti li kollox jissewwa dritt, qabel ma tinżel ix-xemx. Jekk matul il-ġurnata jista’ jinbet xi ekwivoku, u żewġ persuni jistgħu ma jibqgħux jiftiehmu, u ħabta u sabta jispiċċaw jitbiegħdu minn xulxin, il-lejl ma għandux jitħalla f’idejn ix-xitan. Il-vizzju kapaċi jżommna mqajmin billejl, nixtarru r-raġunijiet tagħna u l-iżbalji tal-biża’ li qatt ma huma tagħna u dejjem tal-oħrajn. Hekk hu: meta persuna tinħakem mill-korla, dejjem tgħid li l-problema hi tal-ieħor; qatt ma tkun kapaċi tirrikonoxxi d-difetti tagħha, in-nuqqasijiet tagħha.
Fil-Missierna, Ġesù jridna nitolbu għar-relazzjonijiet umani tagħna li huma art imminata: livell li qatt ma hu f’bilanċ perfett. Fil-ħajja niġu wiċċ imb wiċċ ma’ min hu ħati għalina; kif żgur ukoll aħna wkoll mhux dejjem ħabbejna lil kulħadd kif suppost. Hemm min ma tajniehx lura l-imħabba li kienet tistħoqqlu. Ilkoll aħna midinbin, ilkoll, u lkoll għandna djun xi nħallsu: dan tinsewhx! Għalhekk ilkoll kemm aħna għandna bżonn nitgħallmu naħfru biex niġu maħfura. Il-bnedmin ma joqogħdux ma’ xulxin jekk ma jitħarrġux ukoll fl-arti tal-maħfra, sa fejn dan hu umanament possibbli. Dak li jpatti għall-korla hu t-tjieba, il-qalb miftuħa, il-manswetudni, is-sabar.
Imma dwar il-korla, hemm ħaġa oħra x’ngħidu. Hija vizzju terribbli, kienu jgħidu, u tinsab fil-bidu ta’ gwerer u vjolenzi. Id-daħla tal-Illjade tiddeskrivi “l-korla ta’ Akille”, li kellha tkun kawża ta’ “niket bla qies”. Imma mhux kulma jinbet mill-korla hu żbaljat. L-antiki kienu jafu tajjeb li fina hemm dik il-parti nervuża li ma tistax u ma għandhiex tiġi miċħuda. Il-passjonijiet f’ċertu sens ma nagħrfuhomx: jiġru, huma esperjenzi tal-ħajja. Ma aħniex responsabbli għall-korla fil-mod kif tinbet, imma dejjem aħna fil-mod kif tiżviluppa. U xi drabi tajjeb li l-korla ssib żvog bil-mod it-tajjeb. Jekk persuna ma tirrabja qatt, jekk ma tinkorlax quddiem inġustizzja, jekk quddiem l-oppressjoni tad-dgħajjef ma tħossx demmha jbaqbaq, allura dan ifisser li dik il-persuna mhijiex umana, u wisq inqas Kristjana.
Teżisti korla qaddisa, li mhijiex għadab imma tqanqil interjuri, korla qaddisa. Ġesù esprimieha kemm-il darba f’ħajtu (ara Mk 3:5): qatt ma wieġeb għall-ħażen bil-ħażen, imma f’qalbu ħass dan is-sentiment u, fil-każ tal-bejjiegħa fit-Tempju, wettaq azzjoni qawwija u profetika, iddettata mhux mill-għadab, imma miż-żelu għad-dar tal-Mulej (ara Mt 21:12-23). Irridu nagħżlu tajjeb: iż-żelu hu ħaġa, u l-għadab hi ħaġa oħra, u hi ħażina.
Issa hu f’idejna biex, bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, insibu l-qies it-tajjeb tal-passjonijiet, nedukawhom tajjeb, biex ikunu indirizzati għat-tajjeb u mhux għad-deni. Grazzi.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard