Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Fl-udjenza ta’ qabel tkellimna fuq it-tfal, u anki llum qed nitkellmu fuq it-tfal. Il-ġimgħa l-oħra tkellimna dwar kif, fil-ħidma tiegħu, Ġesù iktar minn darba tkellem fuq l-importanza li nipproteġu, nilqgħu u nħobbu lill-aktar ċkejknin.
U safrattant, sal-lum fid-dinja, mijiet ta’ miljuni ta’ minuri, imqar jekk ma għandhomx l-età minima biex joqogħdu għall-obbligi tal-età adulta, jiġu mġiegħla jaħdmu u ħafna minnhom huma esposti għal xogħlijiet partikularment perikolużi. Biex ma nitkellmux fuq it-tfal li huma lsiera tat-traffikar għall-prostituzzjoni jew il-pornografija, u taż-żwiġijiet sfurzati. U din hi xi ftit tad-diqa. B’xorti ħażina, fis-soċjetajiet tagħna, huma ħafna l-modi li bihom it-tfal qed iġarrbu abbużi u maltrattamenti. L-abbuż fuq il-minuri, ikun ta’ liema natura jkun, huwa att ta’ min jistkerrhu, huwa att attroċi. Mhuwiex sempliċiment pjaga tas-soċjetà, le, hu att kriminali! Hu vjolazzjoni gravi ħafna tal-kmandamenti ta’ Alla. Ebda minuri ma għandu jġarrab abbużi. Imqar każ wieħed hu diġà wisq. Allura hemm bżonn inqanqlu l-kuxjenzi tagħna, nipprattikaw il-qrubija u s-solidarjetà konkreta mat-tfal u l-adolexxenti abbużati, u fl-istess waqt nibnu fiduċja u sinerġiji bejn dawk li jimpenjaw ruħhom biex joffrulhom opportunitajiet u postijiet fiż-żgur li fihom nikbru sereni. Naf pajjiż fl-Amerika Latina, fejn tikber frotta speċjali, ħafna speċjali, li tissejjaħ arandano [speċi ta’ cranberry]. Biex jiġbru l-arandano hemm bżonn ta’ jdejn teneri u allura jġagħlu lit-tfal jagħmluh dan, ijassruhom sa minn meta jkunu tfal għall-ħidma tal-ħsad.
Il-faqar mifrux, in-nuqqas ta’ strumenti soċjali ta’ sapport lill-familji, il-marġinalità li żdiedet fl-aħħar snin, flimkien mal-qgħad u l-prekarjetà tax-xogħol huma fatturi li jgħabbu lill-iktar ċkejknin bl-ogħla prezz xi jħallsu. Fil-bliet metropoli, fejn hemm “jigdmu” d-diskrepanzi soċjali u d-degradazzjoni morali, hemm tfal impjegati fil-bejgħ illegali tad-droga u fl-aktar attivitajiet illeċiti li tista’ timmaġina. Kemm minn dawn it-tfal rajna jaqgħu qishom vittmi tas-sagrifiċċju! Xi drabi traġikemnent jiġu mġiegħla jsiru l-“qattiela” ta’ oħrajn tal-età tagħhom, barra li jagħmlu ħsara lilhom infushom, lid-dinjità u l-umanità tagħhom. U madankollu, meta fit-triq, fit-territorju tal-parroċċa, dawn il-ħajjiet mitlufa jispiċċaw taħt ħarsitna, spiss indawruha band’oħra.
Hemm każ ukoll f’art twelidi, tifel jismu Loan ġie maħtuf u ħadd ma jaf fejn hu. U waħda mill-ipoteżijiet hi li ġie mibgħut biex jeħdulu l-organi, biex jagħmlu t-trapjanti. U dan qed jiġri, tafu sewwa. Dan qed jiġri! Xi wħud jerġgħu lura biċ-ċikatriċi, oħrajn imutu. Għalhekk jiena rrid illum infakkar lil dan it-tifel Loan.
Hemm bżonn nirrikonoxxu l-inġustizzja soċjali li twassal biex żewġt itfal, forsi li jgħixu fl-istess inħawi jew blokok, jaqbdu toroq u destini djametrikalment opposti għal xulxin, u dan għax wieħed minnhom twieled f’familja żvantaġġjata. Qasma umana u soċjali inaċċettabbli: bejn min jista’ joħlom u min ikollu jċedi l-armi. Imma Ġesù jridna lkoll ħielsa, hienja; u jekk iħobb lil kull bniedem bħala ibnu u bintu, iħobb lill-iżjed ċkejknin bil-ħlewwa kollha tal-qalb tiegħu. Għalhekk jitlobna nieqfu u nagħtu widen għat-tbatija ta’ min m’għandux leħen, ta’ min ma għandux tagħlim. Li niġġieldu l-isfruttament, b’mod partikulari dak minorili, hija t-triq għalliema biex nibnu futur aħjar għas-soċjetà kollha. Xi pajjiżi kienu għorrief biżżejjed li kitbu d-drittijiet tat-tfal. It-tfal għandhom id-drittijiet tagħhom. Fittxu intom stess fuq l-internet liema huma d-drittijiet tat-tfal.
U allura nistgħu nistaqsu lilna nfusna: x’nista’ nagħmel jiena? Qabelxejn irridu nifhmu li, jekk irridu neqirdu x-xogħol tal-minuri, ma nistgħux inkunu aħna stess kompliċi tiegħu. U meta qed inkunu? Ngħidu aħna meta nakkwistaw prodotti li jitolbu x-xogħol tat-tfal. Kif nista’ niekol u nilbes meta naf li wara dak l-ikel jew dawk il-ħwejjeġ hemm tfal sfruttati, li jaħdmu flok imorru l-iskola? L-għarfien fuq dak li nakkwistaw huwa l-ewwel att biex ma nkunux kompliċi. Naraw mnejn jiġu dawk il-prodotti. Xi ħadd forsi jgħid li, bħala individwi, ma nistgħux nagħmlu wisq. Huwa minnu, imma kull wieħed jista’ jkun qatra li, flimkien ma’ tant qatriet oħra, tista’ ssir baħar. Imma rridu nfakkru wkoll lill-istituzzjonijiet, inklużi dawk ekkleżjali, u lin-negozji fir-responsabbiltajiet tagħhom: jistgħu jagħmlu d-differenza billi jispostjaw l-investimenti tagħhom lejn kumpaniji li ma jużawx u ma jippermettux ix-xogħol minorili. Ħafna Stati u Organizzazzjonijiet Internazzjonali diġà ħarġu liġijiet u direttivi kontra x-xogħol minorili, imma nistgħu nagħmlu aktar. Inħeġġeġ ukoll lill-ġurnalisti – hawn xi ġurnalisti hawn – jagħmlu l-parti tagħhom: jistgħu jikkontribwixxu biex nuru li hemm din il-problema u jgħinu biex insibu s-soluzzjoni. Tibżgħux, ikkundannaw, ikkundannaw dawn l-affarijiet.
U nirringrazzja lil dawk kollha li ma jdawrux ħaristhom in-naħa l-oħra meta jaraw tfal imġiegħla jikbru kmieni wisq. Niftakru dejjem fi kliem Ġesù: “Dak kollu li għamiltu mal-iċken fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Santa Tereża ta’ Calcutta, ħaddiema hienja fl-għalqa tal-Mulej, kienet omm ta’ fost l-aktar tfal żvantaġġati u minsija. Bil-ħlewwa u l-attenzjoni ta’ ħarsitha, hi tista’ timxi magħna biex naraw iċ-ċkejknin inviżibbli, il-wisq ilsiera ta’ dinja li ma nistgħux nitilquha għall-inġustizzji tagħha. Għax il-ferħ tal-iktar dgħajfa jibni l-paċi ta’ kulħadd. U ma’ Madre Tereża nagħtu leħen lit-tfal:
“Nitlob post fiż-żgur
fejn nista’ nilgħab.
Nitlob tbissima
ta’ min jaf iħobb.
Nitlob id-dritt li nkun tifel,
li nkun tama
ta’ dinja aħjar.
Nitlob li nista’ nikber
bħala persuna.
Nista’ nserraħ fuqek?” (Santa Tereża ta’ Calcutta).
Grazzi.
maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard