Katekeżi. L-Ispirtu u l-Għarusa. L-Ispirtu s-Santu jmexxi l-poplu ta’ Alla għal-laqgħa ma’ Ġesù t-tama tagħna. 4. L-Ispirtu jgħallem lill-Għarusa titlob. Is-Salmi, sinfonija ta’ talb fil-Bibbja
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Bi tħejjija għall-Ġublew li jmiss, għamilt stedina biex niddedikaw is-sena 2024 “lil
‘sinfonija’ kbira ta’ talb”. Bil-katekeżi tal-lum irrid infakkar li l-Knisja għandha diġà
sinfonija ta’ talb li l-kompożitur tagħha hu l-Ispirtu s-Santu, u dan hu l-Ktieb tas-Salmi.
Bħal f’kull sinfonija hemm diversi “movimenti”, jiġifieri diversi ġeneri ta’ talb: tifħir, radd il-ħajr, supplika, lamentazzjoni, narrazzjoni, riflessjoni sapjenzali, u oħrajn, kemm fl-għamla personali u kemm f’dik korali tal-poplu kollu. Huwa l-għana li l-Ispirtu nnifsu qiegħed fuq fomm l-Għarusa, il-Knisja. Il-Kotba kollha tal-Bibbja, fakkart l-aħħar darba, huma mnebbħin mill-Ispirtu s-Santu, imma l-Ktieb tas-Salmi huwa hekk ukoll fis-sens li hu mimli b’nifs poetiku.
Is-salmi kellhom post ipprivileġġjat fit-Testment il-Ġdid. Fil-fatt, kien hemm u għad hemm edizzjonijiet li fihom issib flimkien it-Testment il-Ġdid u s-Salmi. Fuq l-iskrivanija tiegħi għandi edizzjoni bl-Ukren tat-Testment il-Ġdid u s-Salmi, ta’ suldat li miet fil-gwerra, li
bagħtuli; hu kien jitlob fuq il-front b’dan il-ktieb. Mhux is-salmi kollha – u mhux kollox
f’kull salm – jistgħu jiġu ripetuti u jagħmluhom tagħhom l-Insara u wisq inqas il-bniedem
modern. Dawn jirriflettu, xi kultant, sitwazzjoni storika u mentalità reliġjuża li m’għadhomx iżjed tagħna. Dan ma jfissirx li mhumiex imnebbħin, imma li f’ċerti aspetti huma marbuta ma’ żmien u ma’ fażi proviżorja tar-Rivelazzjoni, kif hi hekk ukoll parti kbira mil-liġi l-qadima.
Dak li jgħinna nilqgħu aktar is-salmi hu li dawn kienu t-talba ta’ Ġesù, ta’ Marija, tal-
Appostli u tal-ġenerazzjonijiet Insara kollha li ġew qabilna. Meta nitolbu bihom, Alla
jismagħhom b’dik l-“orkestrazzjoni” grandjuża li hi x-xirka tal-qaddisin. Ġesù, skont l-Ittra lil-Lhud, jidħol fid-dinja bil-vers ta’ salm f’qalbu: “Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek” (ara Lhud 10:7; Salm 40:9); u jħalli d-dinja, skont il-Vanġelu ta’ Luqa, b’vers ieħor fuq fommu: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (Lq 23:46; ara Salm 31:6).
Wara li nsibu t-Testment il-Qadim jagħmel użu mis-salmi, għandna mbagħad il-Padri u l-Knisja kollha, li tużahom bħala element fiss fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u fil-Liturġija tas-Sigħat: “L-Iskrittura Mqaddsa kollha tieħu n-nifs tat-tjieba ta’ Alla”, jgħid Sant’Ambroġ,
“imma b’mod partikulari l-ktieb ħelu tas-Salmi”. Il-ktieb ħelu tas-Salmi. Jiena nistaqsi:
intom titolbu xi darba bis-salmi? Aqbdu l-Bibbja u itolbu salm. Ngħidu aħna, meta tkunu xi ftit imdejqin għax għamiltu xi dnub, titolbu bis-salm 50? Hemm tant salmi li jgħinuna nibqgħu mexjin ’il quddiem. Idraw itolbu bis-salmi, u niżgurakom li fl-aħħar mill-aħħar tkunu ferħanin.
Imma ma nistgħux biss ngħixu bil-wirt tal-passat: hemm bżonn nagħmlu mis-salmi t-talba tagħna. Inkiteb li, f’ċertu sens, irridu nsiru aħna stess “awturi” tas-salmi, billi nagħmluhom tagħna u nitolbu bihom. Jekk hemm salmi, jew imqar xi versi, li jkellmu lill-qalb tagħna, sabiħ li nirrepetuhom u nitolbu bihom matul il-ġurnata. Is-salmi huma talbiet “għal kull staġun”: ma hemmx sentiment tar-ruħ jew bżonn li ma jsibx fihom l-aħjar kliem biex jibdilhom f’talba. B’differenza mit-talbiet l-oħra kollha, is-salmi ma jitilfux is-saħħa tagħhom għax jiġu ripetuti, anzi, iktar iżiduha. Għaliex? Għaliex huma mnebbħin minn Alla u “jieħdu n-nifs” ta’ Alla, kull darba li jinqraw bil-fidi.
Jekk inħossuna magħfusa mir-rimors jew mill-ħtija, għax aħna midinbin, nistgħu ntennu
flimkien ma’ David: “Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; / fil-kobor tal-ħniena tiegħek” (Salm 51:3). Jekk irrid nesprimi rabta personali qawwija ma’ Alla, ngħid: “Alla, Alla tiegħi int; / lilek ħerqan infittex. / Ruħi bil-għatx għalik, / għalik imxennaq jiena, / bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma” (Salm 63:2). Mhux ta’ b’xejn li l-Liturġija daħħlet dan is-salm fit-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum tal-Ħdud u tas-Solennitajiet. U jekk ninħakmu mill-biża’ u d-dwejjaq, jiġu jagħtuna l-għajnuna dawk il-kelmiet stupendi: “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi […]. Imqar jekk nimxi f’wied mudlam, / ma nibżax mill-ħsara” (Salm 23:1,4).
Is-salmi jgħinuna biex ma nfaqqrux it-talb tagħna billi nirriduċuh biss għal petizzjonijiet, għal kontinwament “agħtini, agħtina…”. Mill-Missierna nitgħallmu li qabel ma nitolbu l-“ħobża ta’ kuljum” għandna ngħidu: “Jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int”. Is-salmi jgħinuna ninfetħu għal talb inqas iċċentrat fuqna nfusna: talb ta’ tifħir, ta’ barka, ta’ radd il-ħajr; u jgħinuna wkoll insiru leħen għall-ħolqien kollu, hekk li ndaħħluh fit-tifħir tagħna.
Ħuti, l-Ispirtu s-Santu, li rregala lill-Knisja Għarusa l-kelmiet biex bihom titlob lill-Għarus divin tagħha, jgħinna hu biex nagħmlu li dawn jidwu fil-Knisja tal-lum, u biex nagħmlu minn din is-sena preparatorja għall-Ġublew sinfonija vera ta’ talb. Grazzi.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard