Katekeżi fuq id-dixxerniment. 5. L-elementi tad-dixxerniment. Ix-xewqa

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

F’dawn il-katekeżijiet qed ngħaddu l-elementi tad-dixxerniment. Wara t-talb u l-għarfien tagħna nfusna, jiġifieri li nitolbu u nsiru nafu lilna nfusna, illum nixtieq nitkellem fuq “ingredjent” ieħor biex ngħidu hekk indispensabbli: illum nixtieq nitkellem fuq ix-xewqa. Fil-fatt, id-dixxerniment hu għamla ta’ tiftix, u t-tiftix jitwieled dejjem minn xi ħaġa li jkollna nieqsa imma li b’xi mod nafuha, għandna x-xamma tagħha.

Kif ikun dan l-għarfien? L-imgħallmin spiritwali jfissruha bil-kelma “xewqa”, li, fl-għeruq tagħha, hi nostalġija ta’ xi ħaġa sħiħa li qatt ma ssib is-sodisfazzjon sħiħ tagħha, u hija s-sinjal tal-preżenza ta’ Alla fina. Ix-xewqa mhijiex l-aptit tal-mument, le. Il-kelma Taljana desiderio ġejja minn terminu Latin sabiħ ħafna, kurjuż: de-sidus, litteralment “in-nuqqas tal-kewkba”, ix-xewqa hi n-nuqqas tal-kewkba, in-nuqqas tal-punt ta’ riferiment li jorjenta l-mixja tal-ħajja; hi tevoka tbatija, nuqqas, u fl-istess waqt tensjoni biex naslu għall-ġid li jonqosna. Ix-xewqa allura hija l-boxxla biex nifhem fejn ninsab u fejn sejjer, anzi hija l-boxxla biex nifhem jekk iniex wieqaf jew iniex miexi. Persuna li qatt ma tixtieq xejn hija persuna wieqfa, forsi marida, kważi mejta. Hija l-boxxla jekk jien iniex miexi jew iniex wieqaf. U kif nistgħu nagħrfuh dan?

Ejjew naħsbu ftit kif xewqa sinċiera taf tmiss fil-profond il-kordi tal-essri tagħna, għalhekk ma tintefiex quddiem id-diffikultajiet jew is-saram. Dan bħal meta jkollna l-għatx: jekk ma nsibux x’nixorbu, ma naqtgħux qalbna, anzi, it-tiftixa tokkupa dejjem iżjed il-ħsibijiet u l-għemejjel tagħna, sakemm insiru disposti għal kull sagrifiċċju biex nistgħu nissodisfawha, kawżi ossessjonati. Ostakli u nuqqas ta’ suċċess ma jifgawx ir-rieda, le, anzi bil-maqlub, jagħmluha iktar ħajja fina.

B’differenza mill-aptit jew mill-emozzjoni tal-mument, ix-xewqa tibqa’ fiż-żmien, żmien anki twil, u normalment tikkonkretizza ruħha. Jekk, ngħidu aħna, żagħżugħ jixtieq jilħaq tabib, irid jaqbad triq ta’ studji u ta’ ħidma li se teħodlu xi snin minn ħajtu, u allura jkollu jpoġġi xi limiti, jgħid xi “lejiet”, qabelxejn għal toroq oħra ta’ studju, imma anki għal passatempi u distrazzjonijiet oħra li jista’ jkollu, speċjalment fil-mumenti ta’ studju iktar intens. Imma, ix-xewqa li jagħti direzzjoni lil ħajtu u li jilħaq dik id-destinazzjoni – jilħaq tabib, ngħidu aħna – tgħinu biex jegħlibhom dawn id-diffikultajiet. Ix-xewqa ssaħħek, tagħtik kuraġġ ġdid, tgħinek timxi ’l quddiem dejjem għax int trid tasal għal dik il-ħaġa: “Jiena nixtieq dan”.

Attenti mit-tgergir. Meta ngergru fil-familja, meta jgergru l-miżżewġin, igergru fuq xulxin, l-ulied fuq missierhom jew il-qassisin fuq l-isqof jew l-isqfijiet fuq tant ħwejjeġ oħra… Le, jekk issibu ruħkom tgergru, attenti, dan hu kważi dnub, għax ma jħallix ix-xewqa tikber.

Fil-fatt, valur isir sabiħ u iżjed tasal għalih faċilment meta jkun attraenti. Kif qal xi ħadd, “iktar milli li nkunu tajbin, importanti li jkollna x-xewqa li nsiru tajbin”. Li nkunu tajbin hi ħaġa attraenti, kollha rridu nkunu tajbin, imma għandna x-xewqa li nsiru tajbin?

Jolqotna l-fatt li Ġesù, qabel ma jagħmel miraklu, spiss kien jistaqsi lill-persuna x’tixtieq: “Trid tfiq?”. U xi drabi din il-mistoqsija tidher barra minn lokha – m’intix tara li hu marid! Ngħidu aħna, meta jiltaqa’ mal-magħtub fl-għadira ta’ Betesda, li kien ilu hemm għal ħafna snin u qatt ma kien jirnexxilu jsib il-mument it-tajjeb biex jinżel fl-ilma. Ġesù jistaqsih: “Trid tfiq?” (Ġw 5:6). Kif inhi din? Fir-realtà, it-tweġiba tal-magħtub tikxef serje ta’ reżistenzi strambi għall-fejqan, li m’għandhomx x’jaqsmu biss miegħu. Il-mistoqsija ta’ Ġesù kienet stedina biex jiċċara l-qalb tiegħu, biex jilqa’ qabża possibbli fil-kwalità: ma jibqax jaħseb fih innifsu u f’ħajtu ta’ “magħtub”, wieħed li jġorruh l-oħrajn. Imma dak ir-raġel fuq il-friex tiegħu ma tantx kien jidher konvint. Aħna u niddjalogaw mal-Mulej, nitgħallmu nifhmu xi rridu tassew minn ħajjitna. Dan il-magħtub huwa l-eżempju tipiku tal-persuni “Iva, iva, irrid, irrid”, imma ma rridx, ma rridx, ma nagħmel xejn. Ix-xewqa li tagħmel xi ħaġa ssir bħal illużjoni u ma tmidd qatt il-pass biex tagħmilha. Dawk il-persuni li jridu u ma jridux. Ħaġa kerha din, u dan ir-raġel li kien ilu marid 38 sena hemm, imma dejjem igerger: “Le taf, Sinjur, imma tafx li meta l-ilmijiet jiċċaqilqu – li jkun il-mument tal-miraklu – tafx int li jiġi xi ħadd ieħor iktar b’saħħtu minni, jidħol hu u jien nibqa’ barra!”, u jgerger u jgerger. Imma attenti għax it-tgergir hu velenu, velenu tar-ruħ, velenu tal-ħajja għax ma jħallikx tkabbar fik ix-xewqa li tibqa’ miexi ’l quddiem. Attenti mit-tgergir. Meta ngergru fil-familja, meta jgergru l-miżżewġin, igergru fuq xulxin, l-ulied fuq missierhom jew il-qassisin fuq l-isqof jew l-isqfijiet fuq tant ħwejjeġ oħra… Le, jekk issibu ruħkom tgergru, attenti, dan hu kważi dnub, għax ma jħallix ix-xewqa tikber.

Spiss hi proprju x-xewqa li tagħmel id-differenza bejn proġett li rnexxa, koerenti u li jtul, u l-elf xewqa u l-ħafna proponimenti tajbin li bihom, kif jingħad, “hi miksija l-art tal-infern”: “Iva, jien nixtieq kieku, jien nixtieq, jien nixtieq…”, imma ma jsir xejn. L-epoka li fiha qed ngħixu donnha tiffavorixxi l-ogħla libertà tal-għażla, imma fl-istess waqt iżżomm ix-xewqa mwaħħla – int trid tissodisfa ruħek kontinwament – l-iktar l-iktar fl-aptit tal-mument. U rridu noqogħdu attenti biex ma nwaħħlux ix-xewqa. Aħna tant ibbumbardjati b’elf proposta, proġetti, possibbiltajiet, li nirriskjaw li niddistraw ruħna u ma ngħarblux sew bil-kalma dak li tassew irridu. Tant drabi nsibu nies – biżżejjed naħsbu fiż-żgħażagħ, ngħidu aħna – bil-mowbajl f’idejhom u jfittxu, iħarsu… “Imma int qatt tieqaf taħseb?” – “Le”. Dejjem estroversi, lejn l-oħrajn. Ix-xewqa ma tistax tikber hekk, int tgħix il-mument, qtajt l-għatx tal-mument, imma x-xewqa ma tikbirx.

Ħafna persuni jbatu għax ma jafux x’jixtiequ minn ħajjithom; aktarx qatt ma daħlu f’kuntatt max-xewqa profonda tagħhom, qatt ma għarfu jistaqsu: “Xi trid minn ħajtek?” – “Ma nafx”. Minn hawn jiġi r-riskju li ngħaddu ħajjitna bejn tentattivi u skużi ta’ kull xorta, bla qatt naslu mkien, u nitilfu opportunitajiet prezzjużi. U hekk ċerti bidliet, imqar jekk fit-teorija rriduhom, meta tippreżenta ruħha l-okkażjoni ma jseħħu qatt, għax hemm nieqsa x-xewqa qawwija li nagħmlu dik il-ħaġa.

Kieku, ngħidu aħna, il-Mulej kellu jdur fuqna llum, fuq xi ħadd minna, u jistaqsina l-istess kif staqsa lill-agħma ta’ Ġeriko: “Xi tridni nagħmillek?” (Mk 10:51) – nimmaġinaw lill-Mulej illum jistaqsi hekk lil kull wieħed u waħda minna: “Xi tridni nagħmillek?” –, aħna xi nweġbuh? Forsi, nistgħu sa fl-aħħar nitolbuh jgħinna nagħrfu x-xewqa profonda għalih, li Alla nnifsu qiegħed f’qalbna: “Mulej, agħtini li jiena nkun naf x’nixtieq, li jiena nkun mara, raġel ta’ xewqat għoljin”, forsi l-Mulej jagħtina l-qawwa li nikkonkretizzawha. Din hija grazzja kbira ħafna, fil-bażi tal-oħrajn kollha: li nħallu lill-Mulej, bħal fil-Vanġelu, jagħmel miraklu għalina: “Agħtina x-xewqa u kabbarha fina, Mulej”.

Għax hu wkoll għandu xewqa kbira għalina: li jagħtina sehem mill-milja tal-ħajja tiegħu. Grazzi.

Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard