Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
L-evanġelisti Mattew u Mark lil Ġużeppi jsejħulu “mastrudaxxa” jew “ħaddiem fl-injam”. Smajna ftit ilu kif teħodha n-nies ta’ Nazaret, meta tisma’ lil Ġesù jitkellem, u tistaqsi: “Dan mhuwiex bin il-mastrudaxxa?” (13:55; ara Mk 6:3). Ġesù pprattika l-mestier ta’ missieru.
It-terminu Grieg tekton, użat biex jindika x-xogħol ta’ Ġużeppi, ġie tradott b’diversi modi. Il-Missirijiet Latini tal-Knisja qalbuha “mastrudaxxa”. Imma rridu nżommu f’moħħna li fil-Palestina ta’ żmien Ġesù l-injam, barra milli biex isiru l-imħaret u l-għamara ta’ kull xorta, kien iservi biex jinbnew id-djar, li kellhom oqfsa tal-injam u soqfa bil-bjut magħmula minn travi marbuta ma’ xulxin b’bi friegħi u ħamrija.
Għalhekk, “mastrudaxxa” jew “ħaddiem tal-injam” kienet kwalifika ġenerika, li tirreferi kemm għal dawk li jaħdmu fis-sengħa tal-injam u kemm għal ħaddiema fil-qasam marbut mal-bini. Mestier pjuttost iebes, għax wieħed kellu jaħdem b’materjal tqil, bħall-injam, il-ġebel u l-ħadid. Mill-perspettiva ekonomika ma kienx jiżgura xi dħul kbir, kif nistgħu nikkonkludu mill-fatt li Marija u Ġużeppi, meta ppreżentaw lil Ġesù fit-Tempju, offrew biss par gamiem jew ħamiem (ara Lq 2:24), kif kienet tgħid il-Liġi għal dawk li kienu foqra (ara Lev 12:8).
Għalhekk, Ġesù fl-adolexxenza tiegħu tgħallem minn missieru dan il-mestier. Mela, meta bħala adult beda jipprietka, in-nies ta’ pajjiżu baqgħu mbellha u bdew jistaqsu: “Mnejn ġieb dan l-għerf u din il-qawwa tal-għaġeb?” (Mt 13:54), u kienu skandalizzati minnu (ara v. 57), għax hu kien bin il-mastrudaxxa imma kien qed jitkellem bħal wieħed mgħallem tal-liġi, u ħadu skandlu minħabba f’hekk.
Dan it-tagħrif bijografiku dwar Ġużeppi u ta’ Ġesù jġagħalni naħseb fil-ħaddiema kollha tad-dinja, b’mod partikulari f’dawk li jagħmlu xogħlijiet ibsin fil-minjieri u f’ċerti fabbriki; f’dawk li huma sfruttati b’xogħol mhux iddikjarat; fil-vittmi tax-xogħol – rajna kif fl-Italja dan l-aħħar kellna ħafna –; fit-tfal li jiġu mġiegħla jaħdmu u f’dawk li jqallbu fiż-żibel ifittxu xi ħaġa tajba biex ipartuha… Ippermettuli nirrepeti dak li diġà għidt: il-ħaddiema moħbija, il-ħaddiema li jagħmlu xogħol iebes fil-minjieri u f’ċerti fabbriki: ejjew naħsbu fihom. F’dawk li huma sfruttati b’xogħol li għalih ma jitħallsux kemm imisshom, lil dawk li jħallsuhom minn taħt, bil-moħbi, mingħajr il-pensjoni, mingħajr xejn. U jekk int ma taħdimx, ma jkollok ebda ċertezza fil-ħajja. Ix-xogħol prekarju, illum il-ġurnata hawn ħafna. Ejjew naħsbu fil-vittmi tax-xogħol, tal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol; fit-tfal li jiġu mġiegħla jaħdmu: dan hu terribbli! It-tfal fl-età tal-logħob għandhom jilagħbu, imma minflok jiġu mġiegħla jaħdmu bħala persuni adulti. Naħsbu f’dawk it-tfal, imsejknin, li jqallbu fiż-żibel biex ifittxu xi ħaġa tajba xi jpartu. Dawn kollha huma ħutna, li ħajjithom hekk jgħixuha, b’xogħlijiet li ma jagħrfux id-dinjità tagħhom! Ejjew naħsbu f’dan. U dan qed jiġri llum, fid-dinja, dan illum qed jiġri! Imma naħseb ukoll f’min hu bla xogħol: kemm nies tmur tħabbat fuq il-bibien tal-fabbriki, tan-negozji: “Imma hemm xi ħaġa li nista’ nagħmel?” – “Le, ma hemmx, ma hemmx…”. In-nuqqas ta’ xogħol! U naħseb ukoll f’dawk kollha li huma midruba fid-dinjità tagħhom għax ma jistgħux isibu dan ix-xogħol. Jerġgħu lura d-dar: “Sibt xi ħaġa?” – “Le, xejn… għaddejt għand il-Caritas u ġibt il-ħobż”. Dak li jagħtik dinjità mhux li ġġib il-ħobż id-dar. Int tista’ tiġbru mill-Caritas: le, dan mhux sa jagħtik id-dinjità. Dak li jagħtik dinjità hu li l-ħobż taqilgħu b’għaraq ġbinek, u jekk aħna ma nagħtux dan lin-nies tagħna, lill-irġiel u n-nisa tagħna, il-ħila li l-ħobż jaqilgħuh huma, din tkun inġustizzja soċjali f’dak il-post, f’dak il-pajjiż, f’dak il-kontinent. Il-mexxejja tal-gvernijiet għandhom joffru l-possibbiltajiet kollha biex dak li jkun jaqla’ l-ħobż hu, għax dan hu li jagħtih dinjità. Ix-xogħol hu dilka ta’ dinjità, u dan hu importanti. Ħafna żgħażagħ, ħafna missirijiet u ħafna ommijiet jgħixu t-traġedja li m’għandhomx xogħol li jippermettilhom jgħixu b’moħħhom mistrieħ, u huma jispiċċaw jgħixu ġurnata b’ġurnata. U ħafna drabi t-tiftix ta’ xogħol tant isir ħaġa traġika li jwassalhom sal-punt li jitilfu kull tama u xewqa li jgħixu. F’dawn iż-żminijiet ta’ pandemija tant persuni tilfu x-xogħol tagħhom – dan nafuh – u xi wħud, mgħaffġa minn toqol li ma jifilħux, waslu sal-punt li jneħħu ħajjithom. Illum nixtieq infakkar lil kull wieħed u waħda minnhom u lill-familji tagħhom. Ejjew nagħmlu mument ta’ skiet u niftakru f’dawk l-irġiel, dawk in-nisa ddisprati għax mhumiex isibu xogħol.
M’aħniex nagħtu kas biżżejjed tal-fatt li x-xogħol huwa komponent essenzjali fil-ħajja tal-bniedem, u anki fil-mixja tal-qdusija. Ix-xogħol ma jservix biss biex ikollna s-sosteniment ġust: huwa wkoll il-post li fih nesprimu lilna nfusna, inħossuna utli, u nitgħallmu l-lezzjoni l-kbira tal-konkretezza, li tgħin lill-ħajja spiritwali biex ma ssirx spiritwaliżmu. Imma b’xorti ħażina x-xogħol spiss jisfa ostaġġ tal-inġustizzja soċjali u, iktar milli jkun mezz ta’ umanizzazzjoni, isir periferija eżistenzjali. Tant drabi nistaqsi lili nnifsi: b’liema spirtu aħna nagħmlu x-xogħol tagħna ta’ kuljum? Kif qed naffrontaw it-taħbit? Qed naraw il-ħidma tagħna marbuta biss mad-destin tagħna nfusna jew anki mad-destin tal-oħrajn? Fil-fatt, ix-xogħol hu mod kif nesprimu l-personalità tagħna, li min-natura tagħha hi relazzjonali. Ix-xogħol hu wkoll mod kif nesprimu l-kreattività tagħna: kull wieħed jagħmel ix-xogħol bil-mod tiegħu, bl-istil tiegħu; l-istess xogħol imma bi stil differenti.
Kemm hu sabiħ meta naħsbu li Ġesù nnifsu ħadem u tgħallem din l-arti proprju minn San Ġużepp! Illum jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna x’nistgħu nagħmlu biex nirkupraw il-valur tax-xogħol; u liema kontribut, bħala Knisja, nistgħu nagħtu biex neħilsuh mil-loġika tas-sempliċi profitt u hekk nistgħu ngħixuh bħala dritt u dmir fundamentali tal-persuna, li jesprimi u jkabbar id-dinjità tagħha.
Għeżież ħuti, għal dan kollu llum nixtieq ngħid magħkom it-talba li San Pawlu VI għamel lil San Ġużepp fl-1 ta’ Mejju 1969:
O San Ġużepp,
Patrun tal-Knisja,
int li, qrib tal-Verb inkarnat,
ħdimt biex taqla’ l-ħobża ta’ kuljum,
u minnu xrobt il-qawwa li tgħix u li titħabat;
int li ġarrabt l-ansjetà tal-jum ta’ għada,
il-morr tal-faqar, il-prekarjetà tax-xogħol:
int li llum iddawwalna, bl-eżempju tal-figura tiegħek,
umli quddiem il-bnedmin
imma mill-aktar kbira quddiem Alla,
żomm idejk fuq il-ħaddiema fil-ħajja iebsa tagħhom ta’ kuljum,
ħarishom mill-qtigħ ta’ qalb,
mill-azzjoni negattiva,kif ukoll mit-tentazzjonijiet tal-edoniżmu;
u żomm lid-dinja fil-paċi,
dik il-paċi li waħidha tista’ tiggarantixxi l-iżvilupp tal-popli. Ammen.
Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard