Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Wasalna fi tmiem il-katekeżijiet tagħna fuq l-Ispirtu s-Santu u l-Knisja. Niddedikaw din l-aħħar riflessjoni lit-titlu li tajna lis-serje kollha, jiġifieri: “L-Ispirtu u l-Għarusa. L-Ispirtu s-Santu jmexxi l-poplu ta’ Alla għal-laqgħa ma’ Ġesù t-tama tagħna”. Dan it-titlu jirriferi għal wieħed mill-aħħar versetti tal-Bibbja, fil-Ktieb tal-Apokalissi, li jgħid: “L-Ispirtu u l-għarusa jgħidu: ‘Ejja!’” (Apok 22:17). Lil min hi indirizzata din l-invokazzjoni? Hi indirizzata lil Kristu Rxoxt. Fil-fatt, kemm San Pawl (ara 1 Kor 16:22), kemm id-Didaché, kitba ta’ żmien l-Appostli, jixhdu li fil-ġemgħat liturġiċi tal-ewwel Insara kienet tidwi, bl-Aramajk, il-karba “Maràna tha!”, li appuntu tfisser “Ejja, Mulej!”. Talba lil Kristu biex jiġi.
F’dik l-aktar fażi antika l-invokazzjoni kellha sfond li llum kieku nsejħulu eskatoloġiku. Fil-fatt, kienet tesprimi l-istennija ħerqana għar-ritorn glorjuż tal-Mulej. U din il-karba u l-istennija li din tesprimi qatt ma ntfew fil-Knisja. Sal-lum, fil-Quddiesa, dritt wara l-konsagrazzjoni, din ixxandar il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu “fl-istennija sa ma jiġi fil-glorja”. Il-Knisja tistenna l-miġja tal-Mulej.
Imma din l-istennija tal-aħħar miġja ta’ Kristu ma baqgħetx l-unika waħda. Magħha ngħaqdet anki l-istennija tal-miġja kontinwa tiegħu fis-sitwazzjoni preżenti u pellegrinanti tal-Knisja. U hi din il-miġja li taħseb fiha fuq kollox il-Knisja, meta, imqanqla mill-Ispirtu s-Santu, lil Ġesù tgħajjatlu: “Ejja!”.
Seħħet bidla – jew aħjar, żvilupp – mimlija sinifikat, dwar il-karba “Ejja!”, “Ejja, Mulej!”. Din normalment ma ssirx biss lil Kristu, imma anki lill-Ispirtu s-Santu nnifsu! Dak li jgħajjat issa huwa wkoll Dak li lilu ngħajtu. “Ejja!” hija l-invokazzjoni li biha jibdew kważi l-innijiet u t-talbiet kollha tal-Knisja li jsiru lill-Ispirtu s-Santu: “Ejja, o Spirtu ħallieq”, ngħidu fil-Veni Creator, u “Ejja, Spirtu s-Santu, “Veni Sancte Spiritus”, fis-sekwenza ta’ Għid il-Ħamsin; u hekk f’tant talbiet oħra. U tajjeb li huwa hekk, għax, wara l-Qawmien, l-Ispirtu s-Santu huwa l-veru “alter ego” ta’ Kristu, Dak li jeħodlu postu, li jagħmlu preżenti u operanti fil-Knisja. Huwa dak li “jħabbar il-ħwejjeġ li ġejjin” (ara Ġw 16:13) u jġagħalna nixtequh u nistennewh. Għalhekk lil Kristu u l-Ispirtu ma tistax tifridhom minn xuxin, lanqas fl-ekonomija tas-salvazzjoni.
L-Ispirtu s-Santu huwa l-għajn dejjem tgelgel tat-tama Nisranija. San Pawl ħallielna dawn il-kelmiet prezzjużi: “Alla tat-tama jimliekom ilkoll bil-ferħ u s-sliem permezz tal-fidi tagħkom, sabiex it-tama tagħkom toktor bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu” (Rum 15:13). Jekk il-Knisja hi dgħajsa, l-Ispirtu s-Santu hu l-qlugħ li jimbuttawha u jmexxuha fil-baħar tal-istorja, illum bħal fl-imgħoddi!
It-tama mhijiex kelma votja, jew xewqa vaga tagħna li l-ħwejjeġ jaqilbu għall-aħjar: it-tama hija ċertezza, għax hi mibnija fuq il-fedeltà ta’ Alla għall-wegħdiet tiegħu. U għalhekk tissejjaħ virtù teologali: għax hi msawba minn Alla u għandha lil Alla bħala garanti tagħha. Mhijiex virtù passiva, li tillimita ruħha għal li tistenna l-affarijiet iseħħu. Hija virtù attiva bl-ogħla mod li tgħin biex l-affarijiet iseħħu. Wieħed, li tqabad għal-liberazzjoni tal-foqra, kiteb dawn il-kelmiet: “L-Ispirtu s-Santu hu fl-oriġni tal-karba tal-foqra. Huwa l-qawwa mogħtija lil dawk li ma għandhomx saħħa. Hu jiggwida t-taqbida għall-emanċipazzjoni u għat-twettiq sħiħ tal-poplu tal-magħkusa”.[i]
In-Nisrani ma jistax jikkuntenta ruħu li jkollu t-tama; għandu wkoll jilma bit-tama, ikun dak li jiżra’ t-tama. Huwa l-isbaħ don li l-Knisja tista’ tagħti lill-umanità kollha, fuq kollox fil-mumenti fejn kollox donnu qed jimbutta u jagħfas fuq il-qlugħ.
L-Appostlu Pietru lill-ewwel Insara ħeġġiġhom b’dawn il-kelmiet: “Lill-Mulej Kristu qaddsu f’qalbkom. Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom”. Imma żied rakkomandazzjoni: “imma wieġbu bil-ħlewwa u bir-rispett” (1 Piet 3:15-16). U dan għax mhux ħa tkun daqshekk il-qawwa tal-argumenti li ħa tikkonvinċi l-persuni, imma pjuttost l-imħabba li nagħrfu nqiegħdu fihom. Din hi l-ewwel u l-aktar għamla qawwija ta’ evanġelizzazzjoni. U hi miftuħa għal kulħadd!
Għeżież ħuti, ħa jgħinna dejjem l-Ispirtu, dejjem, biex “it-tama tagħna toktor bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu”!
Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard
[i] J. Comblin, Spirito Santo e liberazione, Assisi 1989, 236.