Katekeżi fuq id-Dixxerniment: 2. Eżempju: Injazju ta’ Loyola
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Inkomplu bir-riflessjoni tagħna fuq id-dixxerniment – f’dan iż-żmien, ta’ kull nhar ta’ Erbgħa se nitkellmu fuq id-dixxerniment spiritwali –, u għalhekk jista’ jiswielna ta’ għajnuna li nagħmlu riferiment għal xhieda konkreta.
Wieħed mill-eżempji li l-iżjed nistgħu nitgħallmu minnhom joffrihulna Sant’Injazju ta’ Loyola, b’episodju deċiżiv ta’ ħajtu. Injazju sab ruħu konvalexxenti d-dar, wara li ndarab f’riġlu waqt battalja. Biex ma jixbax, talabhom jagħtuh x’jaqra. Hu kien iħobb ir-rakkonti kavallereski, imma b’xorti ħażina fid-dar kien hemm biss ħajjiet tal-qaddisin. Adatta xi ftit kontra qalbu, imma huwa u jaqra beda jiskopri dinja oħra, dinja li rebħitu u donnha kienet tħaqqaqha sew ma’ dik tal-kavallieri. Baqa’ msaħħar mill-figuri ta’ San Franġisk u San Duminku u ħass f’qalbu x-xewqa li jsir jixbahhom. Imma anki d-dinja kavallereska baqgħet teżerċita s-seħer tagħha fuqu. U hekk ħass ġewwa fih din l-alternanza ta’ ħsibijiet, dawk kavallereski u dawk tal-qaddisin, li dehru ndaqs fil-valur.
Imma Injazju beda wkoll jinnota xi differenzi. Fl-awtobijografija tiegħu – fit-tielet persuna – jikteb hekk: “Huwa u jaħseb fil-ħwejjeġ tad-dinja”, u, kif nistgħu nimmaġinaw, fil-ħwejjeġ kavallereski, “kien iħoss pjaċir kbir, imma meta, għajjien, kien jitlaqhom, kien iħossu battal u deluż. Imma sadattant, li jmur Ġerusalemm riġlejh għerja, ma jikolx ħlief ħxejjex, jipprattika l-awsteritajiet kollha li ra li kienu mdorrijin bihom il-qaddisin, dawn kienu ħsibijiet li mhux biss kienu jfarrġuh meta jieqaf fuqhom, imma mqar meta kien jitlaqhom kienu jħalluh sodisfatt u mimli bil-ferħ” (n. 8); kienu jħallulu ħjiel ta’ ferħ.
F’din l-esperjenza nistgħu ninnotaw fuq kollox żewġ aspetti. L-ewwel hu ż-żmien: jiġifieri l-ħsibijiet tad-dinja għall-bidu jiġbdu l-għajn, imma mbagħad ma jibqgħux ileqqu u jħalluk vojt, imdejjaq, hekk iħalluk, ħaġa vojta. Il-ħsibijiet ta’ Alla, bil-maqlub, għall-ewwel iqanqlu ċerta reżistenza – “Imma din il-ħaġa ta’ dwejjaq tal-qaddisin ma rridx naqraha”, imma meta nilqgħuhom, iġibulna paċi li ma konniex nafu biha qabel, li tibqa’ żmien twil.
U hawn allura hu l-aspett l-ieħor: il-punt tal-wasla tal-ħsibijiet. Għall-bidu s-sitwazzjoni ma tidhirx wisq ċara. Hemm żvilupp fid-dixxerniment: ngħidu aħna, nifhmu x’inhu tajjeb għalina mhux b’mod astratt, ġenerali, imma tul il-mixja ta’ ħajjitna. Fir-regoli għad-dixxerniment, frott ta’ din l-esperjenza fundamentali, Injazju jqiegħed premessa importanti, li tgħinna nifhmu dan il-proċess: “F’dawk li għaddejjin minn dnub mejjet għal ieħor, l-għadu jħobb soltu jissuġġerilhom ħwejjeġ li jidhru qishom jagħtuhom pjaċir. Hu jagħmel b’mod li jimmaġinaw ħwejjeġ u xewqat li jgħaxxqu s-sensi, biex hekk iktar iżommhom fil-vizzji u jagħmlu iżjed dnubiet. Ma’ nies bħal dawn, l-ispirtu t-tajjeb jimxi bil-maqlub. Permezz tad-dawl tar-raġuni, jagħmel li l-kuxjenza tniggiżhom u jħossu rimors” (Eżerċizzi Spiritwali, 314). Imma dan mhux biżżejjed.
Biex nieħdu deċiżjonijiet tajba hemm bżonn nisimgħu lil qalbna.
Hemm storja li tiġi qabel min jiddixxerni, storja li hi indispensabbli nkunu nafuha, għax id-dixxerniment mhuwiex xi għamla ta’ oraklu jew ta’ fataliżmu jew xi ħaġa tal-laboratorju, bħallikieku wieħed jitfa’ x-xorti fuq żewġ possibbiltajiet. Il-mistoqsijiet il-kbar jiġu meta fil-ħajja nkunu diġà għamilna biċċa triq, u f’din it-triq irridu nerġgħu mmorru biex nifhmu x’qed infittxu. Jekk fil-ħajja nimxu xi ftit, hemmhekk: “Imma għaliex jien miexi f’din id-direzzjoni, x’qed infittex?”, u hemm isir id-dixxerniment. Injazju, meta sab ruħu midrub, fid-dar ta’ missieru, ma kienx qed jaħseb f’Alla jew f’kif se jirriforma ħajtu, le. Hu għamel l-ewwel esperjenza tiegħu ta’ Alla billi sema’ x’qaltlu qalbu, li wrietu taqliba kurjuża: il-ħwejjeġ li mal-ewwel daqqa t’għajn kienu jidhru attraenti ħallewh deluż, u f’oħrajn, inqas brillanti, ħass paċi li twalet fiż-żmien. Aħna wkoll ikollna din l-esperjenza, ħafna drabi nibdew naħsbu f’ħaġa u nibqgħu mwaħħlin hemm u mbagħad niddeludu ruħna. Imma mbagħad nagħmlu opra ta’ karità, nagħmlu ħaġa tajba u nħossu l-ferħ, jiġik ħsieb tajjeb u tifraħ, ħaġa ta’ ferħ, hija esperjenza kollha kemm hi tagħna. Hu, Injazju, għamel l-ewwel esperjenza ta’ Alla, billi sema’ lil qalbu li wrietu taqliba kurjuża. Dan hu li aħna jeħtieġ nitgħallmu: nisimgħu lil qalbna: biex nifhmu x’qed jiġri, liema deċiżjoni għandna nieħdu, nagħmlu ġudizzju fuq sitwazzjoni, hemm bżonn nisimgħu lil qalbna. Aħna nisimgħu x’jgħidulna t-televiżjoni, ir-radju, il-mowbajl, aħna mgħallmin fis-smigħ; imma nistaqsik: taf tisma’ lil qalbek? Tieqaf biex tgħid: “Imma qalbi kif inhi? Sodisfatta, imdejqa, qed tfittex xi ħaġa?”. Biex nieħdu deċiżjonijiet tajba hemm bżonn nisimgħu lil qalbna.
Għalhekk Injazju jissuġġerixxi li naqraw il-ħajjiet tal-qaddisin, għaliex juru b’mod narrattiv u li jinftiehem x’inhu l-istil ta’ Alla fil-ħajja ta’ persuni mhux tant differenti minna, għax il-qaddisin kienu tad-demm u l-laħam bħalna. L-azzjonijiet tagħhom ikellmu lil tagħna u jgħinuna nifhmu t-tifsira tagħhom.
F’dak l-episodju famuż taż-żewġ sentimenti li kellu Injazju, wieħed huwa u jaqra l-ħwejjeġ tal-kavallieri u l-ieħor huwa u jaqra l-ħajja tal-qaddisin, nistgħu nilmħu aspett ieħor importanti tad-dixxerniment, li diġà semmejnieh l-aħħar darba. Hemm każwalità li tidher fil-ħwejjeġ li jiġrulna fil-ħajja: kollox donnu jitwieled minn diffikultà banali: ma kienx hemm kotba tal-kavallieri, imma biss ħajjiet tal-qaddisin. Diffikultà, imma li fiha kien hemm moħbija l-possibbiltà ta’ żvolta. Kien biss wara ftit taż-żmien li Injazju ntebaħ biha, u minn hawn hu ddedikalha l-attenzjoni kollha tiegħu. Isimgħu tajjeb: Alla jaħdem permezz ta’ ġrajjiet mhux programmabbli li jseħħu b’kumbinazzjoni, imma kumbinazzjoni ġrali hekk, kumbinazzjoni ltqajt ma’ din il-persuna, kumbinazzjoni rajt dak il-film, ma kienx ipprogrammat imma Alla jaħdem permezz ta’ ġrajjiet mhux programmabbli, u anki fid-diffikultajiet li jinqalgħu: “Imma jien kelli mmur passiġġata u nqalgħetli problema f’riġlejja, issa ma nistax…”. Diffikultà: x’qed jgħidlek Alla? X’qed tgħidlek il-ħajja hemm? Dan rajnieh ukoll f’silta mill-Vanġelu ta’ Mattew: raġel li kien qed jaħrat l-għalqa u ħabat ma’ teżor moħbi. Sitwazzjoni xejn mistennija. Imma l-importanti hu li jagħraf fiha x-xorti tajba ta’ ħajtu u b’konsegwenza ta’ dan jiddeċiedi: ibigħ kollox u jixtri dik l-għalqa (ara 13:44). Parir li nagħtikom, attenti għal dak li l-inqas tkunu tistennew. Meta tgħidu: “Ara x’kumbinazzjoni, din ma kontx qed nistennieha”. Hemm qiegħda tkellmek il-ħajja, qed ikellmek il-Mulej, jew qed ikellmek ix-xitan? Xi ħadd. Imma hemm ħaġa li rrid ngħarbel, kif qed nirreaġixxi jien quddiem il-ħwejjeġ li ma nistenniex. Imma jien kont tant bi kwieti d-dar u “bumm, bumm”, ġiet il-kunjata, u int kif tirreaġixxi għall-kunjata? Hemm l-imħabba jew hemm xi ħaġa oħra ġew? U agħmel id-dixxerniment tiegħek. Jien kont għaddej sew fuq xogħli fl-uffiċċju, u ġie ħabib jgħidli li għandu bżonn il-flus, u int kif irreaġixxejt? Naraw x’jiġri fina meta ngħaddu minn ħwejjeġ li ma konniex nistennew u hemm nitgħallmu nagħrfu l-qalb tagħna kif tiċċaqlaq.
Id-dixxerniment hu l-għajnuna biex nagħrfu s-sinjali li bihom il-Mulej jiltaqa’ magħna fis-sitwazzjonijiet imprevisti, saħansitra dawk li ma jogħġbuniex, kif kienet għal Injazju l-ferita f’riġlu. Minnhom tista’ tinbet laqgħa li tibdlilna ħajjitna, għal dejjem, kif kien il-każ ta’ Injazju. Tista’ tinbet xi ħaġa li, jew ittejbek jew iġġibek agħar fil-mixja tiegħek, ma nafx, imma noqogħdu attenti, għax l-isbaħ mixja joffruhielna l-ħwejjeġ li ma nkunux nistennew: “X’sa nagħmel quddiem din?”. Il-Mulej jgħinna nagħtu widen lil qalbna, u nagħrfu meta huwa Hu li qed jaħdem u meta mhuwiex, meta tkun xi ħaġa oħra.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard