Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Wara li għalaqna l-kullana fuq il-vizzji, wasal il-mument li ndawru ħarsitna fuq in-naħa l-oħra tal-kwadru, li hi opposta għall-esperjenza tal-ħażen. Il-qalb tal-bniedem tista’ toqgħod għall-passjonijiet ħżiena, tista’ tagħti widen għal tentazzjonijiet li jagħmlulha l-ħsara u jilbsu libsa persważiva, imma tista’ anki teħodha kontra dan kollu. Tidher kemm tidher ħaġa iebsa, l-umanità tagħna hi magħmula għat-tajjeb, biex tilħqu tassew, u tista’ anki titħarreġ f’din l-arti, billi tħabrek biex ċerti dispożizzjonijiet isiru ħaġa permanenti fiha. Ir-riflessjoni madwar din il-possibbiltà hekk sabiħa li għandna, tifforma kapitlu klassiku tal-filosofija morali: il-kapitlu tal-virtujiet.
Il-filosfi Rumani kienu jsejħulha virtus, dawk Griegi aretè. It-terminu Latin juri fuq kollox li l-persuna virtuża hi qawwija, qalbiena, kapaċi għad-dixxiplina u l-axxeżi; għalhekk it-taħriġ tal-virtujiet hu frott ta’ żmien twil ta’ twarrid, li jitlob taħbit u anki tbatija. Il-kelma Griega, aretè, mill-banda l-oħra turi xi ħaġa li teċċella, xi ħaġa li tispikka, li tqanqal ammirazzjoni. Il-persuna virtuża għaldaqstant hi dik li ma tiżnaturax ruħha u titlef il-forma, imma hi fidila għall-vokazzjoni tagħha, tasal għall-milja tagħha nfisha.
Inkunu ħriġna minn triqtna jekk naħsbu li l-qaddisin huma l-eċċezzjonijiet fost il-bnedmin: xi ċirku ristrett ta’ kampjuni li jgħixu lil hemm mill-limiti tal-ispeċi tagħna. Il-qaddisin, f’din il-perspettiva li għadna kemm introduċejna dwar il-virtujiet, huma dawk li jsiru għalkollox huma nfushom, li jwettqu l-vokazzjoni li għandu kull bniedem. X’dinja hienja tkun dik li fiha l-ġustizzja, ir-rispett, it-tjieba reċiproka, il-ftuħ tal-qalb, it-tama jkunu n-normalità f’kulħadd, u mhux xi anomalija rari! Għalhekk il-kapitlu fuq l-aġir virtuż, f’dawn iż-żminijiet drammatiċi tagħna li spiss fihom ikollna nħabbtu wiċċna mal-agħar parti tal-uman, ilkoll għandna nerġgħu niskopruh u nipprattikawh. F’dinja deformata jeħtieġ niftakru fil-forma li biha lkoll ġejna magħġuna, fix-xbieha ta’ Alla li fina hi msawra għal dejjem.
Imma kif nistgħu niddefinixxu l-kunċett ta’ virtù? Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika joffrilna definizzjoni preċiża u sintetika: “Il-virtù hi dispożizzjoni abitwali u soda għall-għemil it-tajjeb” (n. 1803). Mela mhix xi għemil tajjeb spontanju u xi ftit b’kumbinazzjoni, li jaqa’ mis-sema darba fill. L-istorja turina li mqar il-kriminali, f’mument fejn ħsiebhom kien ċar, wettqu għmejjel tajba; ċertament dawn l-għemejjel huma miktuba fil-“ktieb ta’ Alla”, imma l-virtù hi ħaġa oħra. Hu ġid li jitwieled minn maturazzjoni tal-persuna li tieħu ż-żmien, sa ma jsir karatteristika interjuri tiegħu. Il-virtù hi habitus tal-libertà. Jekk aħna ħielsa f’kull għemil tagħna, u kull darba aħna msejħin nagħżlu bejn tajjeb u ħażin, il-virtù hi dak li jippermettilna li jkollna drawwa li nagħżlu tajjeb.
Jekk il-virtù hi don hekk sabiħ, malajr tqum il-mistoqsija: kif nistgħu nakkwistawha? It-tweġiba għal din il-mistoqsija mhijiex sempliċi, hi kumplessa.
Għan-Nisrani l-ewwel għajnuna hi l-grazzja ta’ Alla. Fil-fatt, fina l-imgħammdin jaġixxi l-Ispirtu s-Santu, li jaħdem fir-ruħ tagħna biex iwassalna għal ħajja ta’ virtù. Kemm Insara waslu għall-qdusija permezz tad-dmugħ, huma u jaraw kif mhux jirnexxilhom jegħlbu ċerti dgħufijiet tagħhom! Imma daqu kif Alla kompla wettaq dak l-għemil ta’ ġid li għalihom kien biss abbozz. Il-grazzja dejjem tiġi qabel l-impenn morali tagħna.
Barra minn hekk, ma rridu qatt ninsew il-lezzjoni għanja ħafna li waslitilna mill-għerf tan-nies tal-qedem, li tgħidilna li l-virtù tikber u tista’ tiġi kkultivata. U biex iseħħ dan, l-ewwel don tal-Ispirtu li rridu nitolbu hu proprju dak tal-għerf. Il-bniedem mhuwiex territorju ħieles biex jiġi kkonkwistat mill-pjaċiri, mill-emozzjonijiet, mill-istinti, mill-passjonijiet, bla ebda setgħa li jagħmel xi ħaġa kontra dawn il-qawwiet, xi kultant kaotiċi, li jgħammru fih. Don mill-akbar li għandna f’idejna hu l-ftuħ tal-moħħ, hu l-għerf li jaf jitgħallem mill-iżbalji biex jindirizza l-ħajja b’mod tajjeb. Imbagħad irid ikollok ir-rieda tajba: il-ħila li nagħżlu t-tajjeb, li nagħġnu lilna nfusna bit-taħriġ axxetiku, u naħarbu l-esaġerazzjonijiet.
Għeżież ħuti, ejjew b’dan il-mod nibdew il-vjaġġ tagħna mal-virtujiet, f’dan l-univers seren li jidher impenjattiv, imma deċiżiv għall-hena tagħna.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard