Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum nixtieq nitkellem fuq il-virtù tal-fidi. Flimkien mal-imħabba u t-tama, din il-virtù hi msejħa “teologali”. Il-virtujiet teologali huma tlieta: fidi, tama u mħabba. Għaliex huma teologali? Għax nistgħu ngħixuhom biss b’don ta’ Alla. It-tliet virtujiet teologali huma d-doni kbar li Alla jagħti lill-ħila morali tagħna. Mingħajrhom nistgħu nkunu għaqlin, ġusti, qawwija u meqjusa, imma ma jkollniex għajnejn li jaraw anki fid-dlam, ma jkollniex qalb li tħobb anki meta ma hix maħbuba, ma jkollniex tama li tissogra kontra kull tama.

X’inhija l-fidi? Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jfissrilna li l-fidi hija l-azzjoni li biha l-bniedem jintelaq liberament f’idejn Alla (n. 1814). F’din il-fidi, Abram kien l-ewwel missier kbir. Meta aċċetta li jħalli l-art ta’ missirijietu biex jimxi lejn l-art li kellu jurih Alla, aktarx kien hemm min iġġudikah miġnun: għaliex għandu jħalli dak li jaf għal dak li ma jafx, iċ-ċert għall-inċert? Imma għaliex għandu jagħmel hekk? Dan miġnun? Imma Abram telaq, bħallikieku kien qed jara l-inviżibbli. Hekk tgħid il-Bibbja dwar Abram: “Telaq bħallikieku kien qed jara dak li ma jidhirx”. Kemm hi sabiħa din! U kien mill-ġdid dan li ma jidhirx li tellgħu fuq il-muntanja ma’ ibnu Iżakk, l-iben waħdieni tal-wegħda, li fl-aħħar mument biss ġie meħlus mis-sagrifiċċju. F’din il-fidi, Abram isir missier ta’ ġemgħa kbira ta’ wlied. Il-fidi għamlitu għammiel.

Bniedem ta’ fidi kien Mosè, li, meta laqa’ l-leħen ta’ Alla mqar meta iktar minn dubju wieħed seta’ riegħdu, baqa’ sod u jafda fil-Mulej, u saħansitra jiddefendi l-poplu li mill-banda l-oħra tant drabi naqsitu l-fidi.

Mara ta’ fidi kienet il-Verġni Marija, li, hija u tilqa’ t-tħabbira tal-Anġlu, li ħafna kieku kienu jwarrbuha għax wisq impenjattiva u riskjuża, wieġbet: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38). U bil-qalb mimlija fidi, bil-qalb mimlija fiduċja f’Alla, Marija telqet lejn triq li la kienet taf fejn ħa teħodha u lanqas il-perikli li fiha.

Il-fidi hija l-virtù li tagħmel in-Nisrani. Għax li nkunu Nsara ma jfissirx qabelxejn li naċċettaw kultura, bil-valuri li jiġu magħha, imma li nkunu Nsara jfisser nilqgħu u nħarsu rabta, rabta ma’ Alla: jiena u Alla; il-persuna tiegħi u l-wiċċ kollu mħabba ta’ Ġesù. Din ir-rabta hi li tagħmilna Nsara.

Dwar il-fidi, jiġini f’moħħi episodju mill-Vanġelu. Id-dixxipli ta’ Ġesù kienu qed jaqsmu l-għadira u qabdithom maltempata. Ħasbu li setgħu jegħlbuha bis-saħħa ta’ dirgħajhom, bir-riżorsi tal-esperjenza, imma d-dgħajsa bdiet timtela bl-ilma u nfixlu (ara Mk 4:35-41). Ma ntebħux li kellhom is-soluzzjoni taħt għajnejhom stess: Ġesù jinsab hemm magħhom fuq id-dgħajsa, qalb it-tempesta, u Ġesù jinsab rieqed, jgħid il-Vanġelu. Meta fl-aħħar iqajmuh, imwerwrin u rrabjati wkoll għax hu se jħallihom imutu, Ġesù jċanfarhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?” (Mk 4:40).

Hawn hu allura l-akbar għadu tal-fidi: mhux l-intelliġenza, mhux ir-raġuni, kif, ommi ma, hemm min ossessivament jibqa’ jirrepeti, imma l-akbar għadu tal-fidi hija l-biża’. Għal din ir-raġuni l-fidi hija l-ewwel don li nilqgħu fil-ħajja Nisranija: don li għandna nilqgħu u nitolbu ta’ kuljum, biex jiġġedded fina. Minn barra jidher don ċkejken, u safrattant hu dak essenzjali. Meta ġabuna fil-Fonti tal-Magħmudija, il-ġenituri tagħna, wara li ħabbru l-isem li kienu għażlu għalina, is-saċerdot staqsiehom – dan seħħ fil-Magħmudija tagħna –: “X’titolbu mill-Knisja ta’ Alla?”. U l-ġenituri wieġbu: “Il-fidi, il-Magħmudija!”.

Għal ġenitur Nisrani, li jaf bil-grazzja li ġiet irregalata lilu, dak hu d-don li jixtieq jitlob anki għal ibnu: il-fidi. Biha l-ġenitur jaf li, imqar qalb it-tiġrib tal-ħajja, ibnu mhux se jegħreq fil-biża’. Ara, l-għadu huwa l-biża’. Jaf ukoll li, meta ma jibqagħlux ġenitur fuq din l-art, jibqa’ jkollu Alla Missieru fis-smewwiet, li ma jitilqu qatt waħdu. L-imħabba tagħna hi hekk dgħajfa, u l-imħabba ta’ Alla biss tegħleb il-mewt. 

Ċertament, kif jgħid l-Appostlu, il-fidi mhijiex ta’ kulħadd (ara 2 Tess 3:2), u aħna wkoll, li nemmnu, spiss nintebħu li għandna biss biċċa żgħira minnha. Spiss Ġesù jista’ jċanfarna, kif għamel mad-dixxipli tiegħu, li aħna “nies ta’ fidi żgħira”. Imma hija d-don l-iktar hieni, l-unika virtù li għandna permess ngħiru għaliha. Għax min għandu l-fidi għandu fih qawwa li mhijiex biss umana; fil-fatt, il-fidi “tattiva” l-grazzja fina u tiftaħ il-ħsieb għall-grazzja ta’ Alla. Kif qal darba Ġesù: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut, ‘Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar’, u hi kienet tisma’ minnkom” (Lq 17:6). Mela aħna wkoll, bħad-dixxipli, intennulu: Mulej, kattar fina l-fidi! (ara Lq 17:5). Hi talba sabiħa! Ngħiduha lkoll flimkien? “Mulej, kattar fina l-fidi”. Ngħiduha flimkien: [ilkoll] “Mulej, kattar fina l-fidi”. Mhix b’saħħitha biżżejjed, għajtu ftit iktar: [ilkoll] “Mulej, kattar fina l-fidi!”. Grazzi.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard