Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum se nħarsu lejn żewġ vizzji li nsibuhom fil-listi l-kbar li t-tradizzjoni spiritwali ħallitilna: l-għira u l-vanaglorja.

Ħa nibdew mill-għira. Jekk naqraw l-Iskrittura Mqaddsa (ara Ġen 4), din tidher quddiemna bħala wieħed mill-eqdem vizzji: il-mibegħda ta’ Kajjin għal Abel toħroġ kollha meta jintebaħ li s-sagrifiċċji ta’ ħuh huma mogħġuba quddiem Alla. Kajjin kien l-iben il-kbir ta’ Adam u Eva, kien ħa l-aħjar parti mill-wirt ta’ missieru; madankollu, biżżejjed li Abel, ħuh iż-żgħir, jirnexxi f’impriża ċkejkna, u Kajjin isewwed qalbu. Wiċċ l-għajjur hu dejjem imdejjaq: ħarstu baxxuta, donnu l-ħin kollu jistudja l-art, imma fir-realtà ma jkun jara xejn, għax moħħu hu mitluf fil-ħsibijiet mimlija ħażen. L-għira, jekk ma tiġix ikkontrollata, twassal għall-mibegħda tal-ieħor. Abel ġie maqtul b’idejn Kajjin, li ma felaħx jara lil ħuh ferħan.

L-għira hi ħażen mistħarreġ mhux biss fl-ambitu Nisrnai: hi ġibdet l-attenzjoni ta’ filosfi u għorrief minn kull kultura. Fil-bażi tagħha hemm relazzjoni ta’ mibegħda u mħabba: wieħed irid id-deni lill-ieħor, imma fil-moħbi jixtieq li jkun bħalu. L-ieħor hu l-wirja ta’ dak li nixtiequ nkunu, u li fir-realtà m’aħniex. Ix-xorti tajba tiegħu tidher għalina inġustizzja: aħna naħsbu li żgur kienu jixirqu ħafna iktar lilna s-suċċessi tiegħu jew ix-xorti tajba tiegħu!

Fl-għerq ta’ dan il-vizzju hemm idea falza ta’ Alla: ma naċċettawx li Alla għandu l-“matematika” tiegħu, differenti minn tagħna. Ngħidu aħna, fil-parabbola ta’ Ġesù dwar il-ħaddiema msejħin mis-sid biex imorru fl-għalqa tad-dwieli tiegħu fid-diversi sigħat tal-jum, dawk tal-ewwel siegħa jaħsbu li għandhom dritt għal paga ogħla minn dawk li waslu l-aħħar; imma s-sid jagħti lil kulħadd l-istess paga, u jgħid: “Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?” (Mt 20:15). Irridu nimponu fuq Alla l-loġika egoistika tagħna, meta l-loġika ta’ Alla hi l-imħabba. Il-ġid li hu jagħtina hu magħmul biex ikun maqsum. Għalhekk San Pawl isejjaħ lill-Insara: “Ħobbu lil xulxin bħal aħwa; fittxu li tistmaw lil xulxin” (Rum 12:10). Dan hu l-fejqan mill-għira!

U niġu għat-tieni vizzju li llum qed nistħarrġu: il-vanaglorja. Din tmur id f’id max-xitan tal-għira, u flimkien dawn iż-żewġ vizzji ssibhom f’persuna li għandha l-ambizzjoni li tkun iċ-ċentru tad-dinja, tista’ tisfrutta kollox u lil kulħadd, oġġett ta’ kull tifħir u ta’ kull imħabba. Il-vanaglorja hi stima tagħna nfusna minfuħa żżejjed u bla fundamenti. Min għandu l-vanaglorja għandu “jien” żgombranti: ma għandux empatija u ma jintebħax li barra hu jew hi fid-dinja jeżistu persuni oħra. Ir-relazzjonijiet tiegħu dejjem huma strumentali, immarkati mill-abbuż tal-persuna l-oħra. Il-persuna tiegħu, il-ħidmiet tiegħu, is-suċċessi tiegħu jrid jarahom kulħadd: hu tallab kontinwu għall-attenzjoni. U jekk xi darba l-kwalitajiet tiegħu ma jiġux rikonoxxuti, allura jirrabja bil-kbir. L-oħrajn huma inġusti, ma jifhmuhx, mhumiex kapaċi japprezzaw. Fil-kitbiet tiegħu Evagriju Pontiku jiddeskrivi l-biċċa kerha ta’ monaku milqut mill-vanaglorja. Jiġri li, wara l-ewwel suċċessi fil-ħajja spiritwali, iħossu li diġà wasal, u allura malajr jiġri lejn id-dinja biex jikseb it-tifħir tagħha. Imma ma jifhimx li għadu biss fil-bidu tal-mixja spiritwali, u li hemm tistaħbielu tentazzjoni li ma ddumx ma twaqqgħu.

Għall-fejqan mill-vanaglorja, l-imgħallma spiritwali ma tantx jissuġġerixxu rimedji. Għax fl-aħħar mill-aħħar il-ħażen tal-vanità għandu r-rimedju tiegħu fih innifsu: it-tifħir li l-fieragħ kien jittama li jaħsad fid-dinja malajr idur kontrih stess. U kemm persuni, mogħmija minn immaġni falza tagħhom infushom, imbagħad waqgħu fi dnubiet li malajr kellhom għax jistħu minnhom! 

L-isbaħ tagħlima biex nirbħu l-vanaglorja nistgħu nsibuha fix-xhieda ta’ San Pawl. L-Appostlu dejjem żamm quddiem għajnejh difett li ma rnexxilux jegħleb. Għal tliet darbiet talab lill-Mulej biex jeħilsu minn dak it-turment, imma fl-aħħar Ġesù wieġbu: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef”. Minn dakinhar Pawlu ġie meħlus. U l-konklużjoni tiegħu għandha ssir tagħna wkoll: “Għalhekk niftaħar minn qalbi l-aktar bid-debbulizzi tiegħi biex il-qawwa ta’ Kristu tgħammar fija” (2 Kor 12:9).

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard