Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Inkomplu bil-mixja ta’ riflessjoni tagħna fuq San Ġużepp. Wara li wrejt l-ambjent li fih għex, ir-rwol tiegħu fl-istorja tas-salvazzjoni, u l-fatt li kien ġust u r-raġel ta’ Marija, illum nixtieq neżamina aspett ieħor importanti tal-figura tiegħu: is-skiet. Tant drabi llum għandna bżonn tas-skiet. Is-skiet hu importanti. Lili jolqotni vers mill-Ktieb tal-Għerf li nqara mill-perspettiva tal-Milied u li jgħid: “Waqt li ħemda ta’ kwiet kienet taħkem fuq kollox, il-kelma setgħana tiegħek niżlet fuq din l-art”. Fil-mument tal-ikbar ħemda wera ruħu Alla. Importanti naħsbu fis-skiet f’dan iż-żmien meta jidher li ma tantx għandu valur.
Il-Vanġeli ma jagħtuna l-ebda kelma ta’ Ġużeppi ta’ Nazaret, xejn, qatt ma tkellem. Dan ma jfissirx li hu kien mutu, le, hemm raġuni iżjed profonda. B’dan is-skiet tiegħu, Ġużeppi jikkonferma dak li jikteb Santu Wistin: “Skont kemm tikber fina l-Kelma – il-Verb magħmul bniedem – jonqos il-kliem”.[1] Skont kemm Ġesù – il-ħajja spiritwali – jikber, il-kliem jonqos. Jonqos xi ftit dan li nistgħu nsejħulu l-“pappagalliżmu”, li wieħed jitkellem bħall-pappagalli, il-ħin kollu. L-istess Ġwanni l-Battista, li huwa “l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: ‘Ħejju t-triq tal-Mulej’” (Mt 3:1), jgħid hekk dwar il-Verb: “Jeħtieġ jikber hu u niċkien jien” (Ġw 3:30). Dan ifisser li Hu għandu jitkellem u jiena niskot, u Ġużeppi bis-skiet tiegħu jistedinna nagħmlu wisa’ għall-Preżenza tal-Kelma li saret laħam, għal Ġesù.
Is-skiet ta’ Ġużeppi mhuwiex mutiżmu; huwa skiet mimli smigħ, skiet ħabriek, skiet li joħroġ l-interjorità kbira tiegħu. “Kelma lissen il-Missier, u kienet Ibnu”, jikkummenta San Ġwann tas-Salib, “u hi titkellem dejjem fi skiet etern, u fis-skiet għandha tiġi mismugħa mir-ruħ”.[2]
Ġesù kiber f’din l-“iskola”, fid-dar ta’ Nazaret, bl-eżempju ta’ kuljum ta’ Marija u Ġużeppi. U ma nistagħġbux bil-fatt li hu nnifsu mbagħad fittex spazji ta’ skiet fil-ġranet tiegħu (ara Mt 14:23) u stieden lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu din l-esperjenza, ngħidu aħna: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit” (Mk 6:31).
Kemm tkun ħaġa sabiħa kieku kull wieħed u waħda minna, fuq l-eżempju ta’ San Ġużepp, jirnexxilu jirkupra din id-dimensjoni kontemplattiva tal-ħajja miftuħa proprju għas-skiet. Imma lkoll kemm aħna nafu mill-esperjenza li din mhix ħaġa faċli: is-skiet ibeżżagħna xi ftit, għax jitlobna nidħlu fina nfusna u niltaqgħu mal-parti l-iżjed vera tagħna. U tant persuni jibżgħu mis-skiet, iridu bilfors jitkellmu, jitkellmu, jitkellmu jew jisimgħu, ir-radju, it-televiżjoni…, imma s-skiet ma jridux jaċċettawh, għax jibżgħu. Il-filosfu Pascal josserva li “n-nuqqas ta’ ferħ kollu tal-bnedmin ġej minn ħaġa waħda: li ma jafux joqogħdu bi kwiethom f’kamra”.[3]
Għeżież ħuti, nitgħallmu mingħand San Ġużepp inrawmu spazji ta’ skiet, fejn tista’ toħroġ għad-dawl Kelma oħra, jiġifieri Ġesù, il-Kelma: dik tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina u li jwasslilna lil Ġesù. Mhux faċli nagħrfuh dan il-Leħen, li spiss nifxluh mal-elf leħen ta’ tħassib, tentazzjonijiet, xewqat, tamiet li għandna fina; imma mingħajr dan it-taħriġ li ġej proprju mill-prattika tas-skiet, jista’ jimrad ukoll id-diskors tagħna. Mingħajr il-prattika tas-skiet jimrad id-diskors tagħna. Dan, mingħajr ma jħalli l-verità tiddi, jista’ jsir arma perikoluża. Fil-fatt, il-kliem tagħna jista’ jsir inċensar, vanaglorja, gideb, tpaċpiċ fieragħ fuq l-oħrajn, kalunnja. Hu fatt mill-esperjenza li, kif ifakkarna l-Ktieb ta’ Bin Sirak, “ħafna waqgħu bil-ponta tas-sejf, imma mhux daqskemm iġġarrfu minħabba l-ilsien” (28:18). Ġesù dan qalu ċar: min jitkellem ħażin fuq ħuh u fuq oħtu, min jikkalunnja lill-proxxmu, huwa qattiel (ara Mt 5:21-22). Qed joqtol bi lsienu. Aħna dan ma nemmnuhx, imma hu l-verità. Jekk naħsbu ftit f’kemm drabi qtilna bi lsienna, nistħu minna nfusna! Imma jagħmlilna tajjeb, wisq tajjeb.
L-għerf tal-Iskrittura jistqarr li “s-setgħa ta’ lsien il-mewt u l-ħajja, min jinqeda bih tajjeb jiekol minn frottu” (Prov 18:21). U l-Appostlu Ġakbu, fl-Ittra tiegħu, jiżviluppa din it-tema qadima tal-poter – pożittiv u negattiv – tal-kelma b’eżempji li jiskantawna u jgħid hekk: “Jekk xi ħadd ma jiżbaljax f’dak li jgħid, dan ikun perfett, kapaċi jrażżan ġismu kollu. […] huwa biċċa ċkejkna fil-ġisem, imma jista’ jiftaħar li jagħmel ħwejjeġ kbar. […] Bih aħna nbierku lill-Mulej, lil Missierna, u bih nisħtu lill-bnedmin xbieha ta’ Alla. Minn ilsien wieħed joħorġu l-barka u s-saħta” (3:2-10).
Din hi r-raġuni għaliex għandna nitgħallmu minn Ġużeppi kif inrawmu fina s-skiet: dak l-ispazju ta’ interjorità fil-jiem tagħna li fih nagħtu lill-Ispirtu l-possibbiltà li jnissilna mill-ġdid, li jfarraġna, li jikkoreġina. M’iniex ngħid li għandna naqgħu fil-mutiżmu, le, imma li għandna nrawmu s-skiet. Kull wieħed u waħda għandu jħares ġo fih innifsu: kemm drabi nkunu nagħmlu xi biċċa xogħol u malli nispiċċaw immorru nfittxu dritt il-mowbajl biex nagħmlu ħaġa oħra! Dejjem hekk sejrin. U dan ma jgħinniex, dan iżellaqna fis-superfiċjalità. Il-profondità tal-qalb tikber fis-skiet, skiet li mhuwiex mutiżmu, kif għidt, imma li jħalli wisa’ għall-għerf, għar-riflessjoni u għall-Ispirtu s-Santu. Aħna xi kultant nibżgħu mill-mumenti ta’ skiet, imma ma għandniex għax nibżgħu! Kemm jista’ jagħmlilna ġid is-skiet! U l-ġid li tikseb il-qalb minn dan jasal biex ifejjaq ukoll l-ilsien tagħna, il-kliem tagħna u fuq kollox l-għażliet tagħna. Fil-fatt Ġużeppi mas-skiet għaqqad l-azzjoni. Hu mhux tkellem, imma għamel, u hekk uriena dak li jum wieħed Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet!” (Mt 7:21). Kliem għammiel meta nitkellmu; tiftakruha l-kanzunetta “Parole, parole, parole…”, imma xejn ta’ sustanza. Skiet, nitkellmu kif suppost, fejn hemm bżonn inrażżnu xi ftit ilsienna, u dan jagħmlilna tajjeb, flok ngħidu l-ħmerijiet.
Nagħlqu b’talba:
San Ġużepp, bniedem tas-skiet,
int li fil-Vanġelu ma lissintx kelma waħda,
għallimna nsumu mill-kliem fil-vojt,
biex niskopru mill-ġdid il-valur tal-kliem li jedifika, jagħmel il-qalb, ifarraġ, iwieżen.
Kun qrib ta’ dawk li qed ibatu minħabba kliem li jweġġa’,
bħall-kalunnji u l-qlajjiet foloz,
u għinna biex mal-kliem norbtu dejjem il-fatti. Amen.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard
[1] Diskors 288, 5: PL 38, 1307.
[2] Dichos de luz y amor, BAC, Madrid, 417, n. 99.
[3] Pensieri, 139.