Katekeżi. L-Ispirtu u l-Għarusa. L-Ispirtu s-Santu jmexxi l-poplu ta’ Alla għal-laqgħa
ma’ Ġesù t-tama tagħna. 1. L-Ispirtu ta’ Alla kien jittajjar fuq wiċċ l-ibħra
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum, b’din il-katekeżi qed nibdew ċiklu ta’ riflessjonijiet li għandu bħala tema: “L-Ispirtu u l-Għarusa – l-Għarusa hija l-Knisja – L-Ispirtu s-Santu jmexxi l-poplu ta’ Alla għal-laqgħa ma’ Ġesù t-tama tagħna”. Se nagħmlu din il-mixja billi ngħaddu mit-tliet tappi kbar tal-istorja tas-salvazzjoni: it-Testment il-Qadim, it-Testment il-Ġdid, u ż-żmien tal-Knisja. Dejjem b’ħarsitna msammra fuq Ġesù, li hu t-tama tagħna.
F’dawn l-ewwel katekeżijiet fuq l-Ispirtu fit-Testment il-Qadim mhux se nagħmlu “arkeoloġija biblika”. Imma se niskopru li dak li ngħatalna bħala wegħda fit-Testment il-Qadim seħħ fil-milja tiegħu fi Kristu. Se nkunu qisna qed insegwu l-mixja tax-xemx miż-żerniq lejn nofsinhar.
Nibdew mill-ewwel żewġ versi tal-Bibbja kollha: “Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art: u
kienet l-art taħwid u baħħ; u d-dlam kien fuq wiċċ l-abbissi u fuq wiċċ l-ibħra kien jittajjar l-ispirtu ta’ Alla” (Ġen 1:1-2). L-Ispirtu ta’ Alla jidher quddiemna bħala l-qawwa misterjuża li tgħaddi lid-dinja mill-istat tagħha tal-bidu bla sura, deżert u mudlam, għall-istat ordnat u armonjuż tagħha. Għax l-Ispirtu joħloq l-armonija, l-armonija fil-ħajja, l-armonija fid-dinja. Fi kliem ieħor, huwa dak li jgħaddi mill-kaos għall-kożmu, jiġifieri mill-konfużjoni għal xi ħaġa sabiħa u ordnata. Fil-fatt, din hi t-tifsira tal-kelma Griega kosmos, kif ukoll tal-kelma Latina mundus, jiġifieri xi ħaġa sabiħa, ordnata, pulita, armonika, għax l-Ispirtu hu l-armonija.
Dan l-aċċenn, għadu vag, tal-azzjoni tal-Ispirtu fil-ħolqien hu ppreċiżat hekk kif ir-rivelazzjoni tissokta. F’salm naqraw: “Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet, u b’nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom” (Salm 33:6); u mill-ġdid: “Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu, u inti ġġedded il-wiċċ tal-art” (Salm 104:30).
Din il-linja ta’ żvilupp issir ċarissma fit-Testment il-Ġdid, li jiddeskrivi l-intervent tal-
Ispirtu s-Santu fil-ħolqien ġdid, billi jinqeda proprju bix-xbihat li naqraw bihom fir-rakkont tal-oriġni tad-dinja: il-ħamiema li fil-magħmuija ta’ Ġesù tittajjar fuq l-ilmijiet tal-Ġordan (ara Mt 3:16); Ġesù li, fiċ-Ċenaklu, jonfoħ fuq id-dixxipli u jgħid: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu” (Ġw 20:22), l-istess bħalma fil-bidu Alla kien nefaħ in-nifs tiegħu fuq Adam (ara Ġen 2:7).
L-Appostlu Pawlu jintroduċi element ġdid f’din ir-relazzjoni bejn l-Ispirtu s-Santu u l-
ħolqien. Jitkellem fuq univers li qed “jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas” (Rum 8:22). Qed ibati minħabba l-bniedem li qiegħdu taħt il-“jasar tat-taħsir” (ara vv. 20-21). Hija realtà li tolqotna mill-qrib u b’mod drammatiku. L-Appostlu jilmaħ il-kawża tat-tbatija tal-ħolqien fit-taħsir u fid-dnub tal-umanità li kaxkritu u begħditu minn Alla. Dan jibqa’ veru llum kif kien dakinhar. Nistgħu naraw x’għamlet u x’qed tkompli tagħmel l-umanità mill-ħolqien, fuq kollox dik il-parti tagħha li l-aktar kapaċi tisfrutta r-riżorsi tiegħu.
San Franġisk ta’ Assisi jurina kif nistgħu noħorġu minn dan l-isqaq, biex nerġgħu lura għall-armonija tal-Ispirtu: it-triq tal-kontemplazzjoni u tat-tifħir. Hu ried li mill-ħlejjaq titla’ għanja ta’ tifħir lill-Ħallieq. Niftakru: “Laudato si’, mi Signore…”, il-kantiku ta’ Franġisku ta’ Assisi.
Hemm salm (19:2) li jgħid hekk: “Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla”, imma għandhom
bżonn tal-bniedem biex jagħtu leħen lil din ix-xandira siekta tagħhom. U fil-“Qaddis” tal-quddiesa aħna ntennu kull darba: “Is-smewwiet u l-art mimlija bil-glorja tiegħek”. Huma,
biex ngħidu hekk, “tqal”, imma għandhom bżonn tad-dirgħajn ta’ qâbla tajba biex jistgħu
jagħtu d-dawl lit-tifħir tagħhom. Il-vokazzjoni tagħna fid-dinja, jerġa’ jfakkarna Pawlu, hi li nkunu “għat-tifħir tal-glorja tiegħu” (Efes 1:12). Irridu npoġġu l-ferħ tal-kontemplazzjoni qabel dak tal-pussess. U ħadd ma feraħ iktar bil-ħlejjaq minn Franġisku ta’ Assisi, li ma ried jippossedi xejn minnhom.
Ħuti, l-Ispirtu s-Santu, li fil-bidu bidel il-kaos f’kożmu, qed jaħdem biex iwettaq din it-trasformazzjoni f’kull persuna. Permezz tal-profeta Eżekjel Alla jwiegħed: “Nagħtikom qalb ġdida, u ruħ ġdida nqiegħed ġo fikom… U nqiegħed ruħi ġo fikom, u nagħmel li timxu skont il-kmandamenti tiegħi, u li żżommu l-preċetti tiegħi u tħarsuhom” (Eżek 36:26-27). Għax il-qalb tagħna tixbah lil dak l-abbiss deżert u mudlam tal-ewwel versi tal-Ġenesi. Fiha hemm jitqanqlu sentimenti u xewqat opposti: dawk tal-ġisem u dawk tal-ispirtu. Aħna f’ċertu sens ilkoll aħna dik is-“saltna maqsuma fiha nfisha” li dwarha jitkellem Ġesù fil-Vanġelu (ara Mk 3:24). Madwarna nistgħu ngħidu li hemm kaos estern, kaos soċjali, kaos politiku: biżżejjed naħsbu fil-gwerer, naħsbu f’tant tfal li m’għandhomx x’jieklu, f’tant inġustizzji soċjali, dan huwa l-kaos estern. Imma hemm anki kaos intern: ġewwa kull wieħed u waħda minna. Ma nistgħux infejqu l-ewwel wieħed, jekk ma nibdewx infejqu t-tieni! Ħuti, ejjew naħdmu biex nagħmlu mill-konfużjoni interjuri tagħna ċarezza tal-Ispirtu s-Santu: hija l-qawwa ta’ Alla li tagħmel dan, u aħna niftħu qalbna biex hu jista’ jwettqu.
Jalla din ir-riflessjoni tqanqal fina x-xewqa li nagħmlu l-esperjenza tal-Ispirtu ħallieq. Il-Knisja ilha iktar minn millennju tpoġġilna fuq xofftejna l-karba li biha tridna nitolbuh: “Veni creator Spiritus!”, “Spirtu qaddis li ħlaqtna, ejja lill-moħħ dawlilna. Imla bil-grazzja tiegħek il-qlub li int ħlaqtilna”. Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jiġi fina u jagħmilna bnedmin ġodda, bil-ġdid li l-Ispirtu jġib miegħu. Grazzi.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard