Katekeżi. Il-vizzji u l-virtujiet. 10. Is-suppervja

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fil-mixja tal-katekeżi tagħna dwar il-vizzji u l-virtujiet, illum niġu għall-aħħar minn fost il-vizzji: is-suppervja. Il-Griegi tal-qedem kienu jsejħulha b’kelma li forsi nistgħu nittraduċuha “splendur eċċessiv”. Fil-fatt, is-suppervja hi eżaltazzjoni tal-jien, preżunzjoni, vanità. Il-kelma tidher ukoll f’dik is-serje ta’ vizzji li Ġesù jsemmi biex ifisser li l-ħażen ġej dejjem mill-qalb tal-bniedem (ara Mk 7:22). Is-supperv hu wieħed li jaħseb li hu ħafna iżjed minn dak li hu fir-realtà; wieħed li joqgħod jitperreċ biex jiġi rikonoxxut bħala ikbar mill-oħrajn, irid dejjem li jirrikonoxxu l-merti tiegħu u jistkerrah l-oħrajn għax iżommhom b’inqas minnu.

Minn din l-ewwel deskrizzjoni, naraw kif il-vizzju tas-suppervja hu ħafna qrib ta’ dak tal-vanaglorja, li diġà ppreżentajna l-aħħar darba. Imma, jekk il-vanaglorja hi marda tal-jien tal-bniedem, hi għadha marda infantili meta pparagunata ma’ fejn kapaċi twassal is-suppervja. Meta jistħarrġu l-ġenn tal-bniedem, il-monaċi tal-qedem kienu jirrikonoxxu ċertu ordni fis-sekwenza tal-ħażen: nibdew bid-dnubiet l-aktar psataż, kif tista’ tkun il-gula, biex naslu għall-mostri l-aktar inkwetanti. Mill-vizzji kollha, is-suppervja hi r-reġina l-kbira. Mhux ta’ b’xejn, fid-Divina Commedia, Dante jpoġġiha fl-ewwel kwadru tal-purgatorju: min iċedi għal dan il-vizzju hu mbiegħed minn Alla, u t-tiswija ta’ dan il-ħażen titlob żmien u taħbit, iktar minn kull battalja oħra li għaliha hu msejjaħ in-Nisrani.

Fir-realtà, f’dan il-ħażen hemm moħbi l-iktar dnub radikali, il-pretensjoni assurda li nkunu bħal Alla. Id-dnub tal-ewwel ġenituri tagħna, irrakkuntat mill-ktieb tal-Ġenesi, hu bla dubju dnub tas-suppervja. Jgħidilhom it-tentatur: “Dakinhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat” (Ġen 3:5). Il-kittieba tal-ispiritwalità huma iżjed attenti biex jiddeskrivu l-waqgħat tas-suppervja fil-ħajja ta’ kuljum, biex juru kif din tfarrak ir-relazzjonijiet umani, biex juru kif dan il-ħażen javvelena dak is-sentiment ta’ fraternità li suppost għandu jgħaqqad il-bnedmin.

Hawn hi allura l-lista twila ta’ sintomi li juru kif persuna ċċedi għall-vizzju tas-suppervja. Hu ħażen b’aspett fiżiku evidenti: is-supperv hu arroganti, għandu “rasu iebsa”, jiġifieri ma jbaxxix rasu malajr. Hu bniedem faċli fil-ġudizzju li jiddisprezza: għal xejn b’xejn ilissen sentenzi qawwija kontra l-oħrajn, li f’għajnejh jidhru inkompetenti u inkapaċi, bla tama li jitranġaw. Fl-arroganza tiegħu, jinsa li Ġesù fil-Vanġelu ftit tana preċetti morali, imma fuq wieħed minnhom kien intransiġenti: tiġġudika qatt. Tintebaħ li għandek x’taqsam ma’ xi ħadd kburi bih innifsu meta, malli tagħmillu l-iċken kritika kostruttiva, jew osservazzjoni għalkollox innoċenti, hu jirreaġixxi b’mod esaġerat, bħallikieku xi ħadd weġġagħlu l-maestà tiegħu: jitbaqbaq u jirrabja, jgħajjat, iwaqqaf ir-relazzjoni mal-oħrajn b’mod inkurlat.

Ftit li xejn tista’ tagħmel ma’ persuna marida bis-suppervja. Impossibbli titkellem, wisq inqas tikkoreġiha, għax fil-verità ma għadhiex preżenti għaliha nfisha. Magħha jrid ikollok biss paċenzja, għax jum wieħed il-binja tagħha għad tikkrolla. Hemm proverbju Taljan li jgħid: “Is-suppervja toħroġ fuq iż-żiemel u tidħol lura bil-mixi”. Fil-Vanġeli Ġesù kellu x’jaqsam ma’ diversi persuni suppervi, u spiss kixef dan il-vizzju mqar f’persuni li kienu jaħbuh tajjeb ħafna. Pietru ftaħar bil-fedeltà tiegħu tkun xi tkun il-prova: “Imqar jekk jitilqek kulħadd, jiena ma nitilqek qatt” (ara Mt 26:33). Imma malajr kellu jintebaħ kif hu mhux aħjar mill-oħrajn, anki hu jitwerwer quddiem il-mewt li ma kienx jimmaġina li setgħet tkun hekk qrib. U hekk it-tieni Pietru, dak li ma jimxix iżjed rasu mgħollija imma li jibki biki ta’ qsim il-qalb, jiġi mdewwi minn Ġesù u fl-aħħar ikun adatt biex jiflaħ għall-piż tal-Knisja. L-ewwel jiftaħar bi preżunzjoni li aħjar kieku ma perriċha xejn; u issa hu dixxiplu fidil li, kif tgħid il-parabbola, is-sid jista’ “jafdalu ġidu kollu f’idejh” (Lq 12:44).

Is-salvazzjoni tgħaddi mill-umiltà, rimedju veru ta’ kull att ta’ suppervja. Fil-Magnificat, Marija tgħanni lil Alla li fil-qawwa tiegħu jxerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Inutli nisirqu xi ħaġa lil Alla, kif jittamaw li jistgħu jagħmlu s-suppervi, għax fl-aħħar mill-aħħar hu jrid jagħtina kollox. Għalhekk l-Appostlu Ġakbu, lill-komunità tiegħu midruba mill-ġlied ta’ ġewwa li jibda mill-kburija, jiktbilhom hekk: “Alla jieqaf lill-kburi, u jagħti l-grazzja lill-umli” (Ġk 4:6).

Mela, għeżież ħuti, ejjew napprofittaw minn dan ir-Randan biex niġġieldu lis-suppervja tagħna.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard