Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Fis-silta mill-Ittra lill-Galatin li għadna kemm smajna, San Pawl isejjaħ lill-Insara biex jimxu fl-Ispirtu s-Santu (ara 5:16,25). Hu stil: nimxu flimkien fl-Ispirtu s-Santu. Fil-fatt, li nemmu f’Ġesù jfisser nimxu warajh fit-triq tiegħu, kif għamlu l-ewwel dixxipli. U jfisser fl-istess waqt naħarbu t-triq opposta, dik tal-egoiżmu, ta’ min ifittex l-interessi tiegħu, li l-Appostlu jsejjaħ “passjonijiet tal-ġisem” (v. 16). L-Ispirtu hu l-gwida ta’ din il-mixja fit-triq ta’ Kristu, mixja mill-isbaħ imma wkoll mimlija taħbit, li tibda fil-Magħmudija u tibqa’ tul il-ħajja kollha. Tiġina f’moħħna mixja twila fil-muntanji: affaxxinanti, id-destinazzjoni tiġbidna, imma titlob ħafna taħbit u determinazzjoni.
Din ix-xbieha tista’ tiswielna tajjeb biex nidħlu fil-mertu ta’ kliem l-Appostlu: “nimxu fl-Ispirtu”, “inħalluh imexxina”. Huma espressjonijiet li juru azzjoni, moviment, dinamiżmu li jżommna milli neħlu mal-ewwel diffikultajiet, imma jipprovokawna biex nafdaw fil-“qawwa li tiġi mill-għoli” (Ir-Ragħaj ta’ Erma, 43, 21). Jekk jimxi f’din it-triq, in-Nisrani jikseb viżjoni pożittiva tal-ħajja. Dan ma jfissirx li l-ħażen li hawn fid-dinja sa jisparixxi, jew li se jonqsu l-ġibdiet negattivi tal-egoiżmu u tal-kburija; pjuttost ifisser li nemmnu li Alla hu dejjem aqwa mir-reżistenzi tagħna u ikbar mid-dnubiet tagħna. U dan hu l-importanti!
Waqt li jsejjaħ lill-Galatin biex jimxu f’din it-triq, l-Appostlu jinżel għal-livell tagħhom. Iwarrab il-verb fl-imperattiv – “imxu” (v. 16) – u juża l-“aħna” fl-indikattiv: “nimxu fl-Ispirtu” (v. 25). Qisu jrid jgħid: nimxu lkoll fl-istess linja u nħallu jmexxina lill-Ispirtu s-Santu. Hija eżortazzjoni, mod eżortattiv. Din l-eżortazzjoni San Pawl iħossha meħtieġa wkoll għalih innifsu. Imqar jekk jaf li Kristu jgħix fih (ara 2:20), hu konvint ukoll li għadu ma laħaqx id-destinazzjoni, il-quċċata tal-muntanja (ara Fil 3:12). L-Appostlu ma jpoġġix lilu nnifsu ’l fuq aktar mill-komunità tiegħu, ma jgħidx: “Jiena l-kap, intom l-oħrajn; jiena wasalt fuq nett tal-muntanja u intom għadkom mexjin” – ma jgħidx hekk –, imma joqgħod f’nofs il-mixja ta’ kulħadd, biex jagħti eżempju konkret ta’ kemm hemm bżonn nobdu lil Alla, nikkorrispondu dejjem aħjar għat-treġija tal-Ispirtu. U kemm tkun ħaġa sabiħa meta nsibu ragħajja li jimxu mal-poplu tagħhom u li ma jinqatgħux minnu. Hi ħaġa sabiħa wisq din; tagħmel tajjeb lir-ruħ.
Din li “nimxu fl-Ispirtu” mhijiex biss azzjoni individwali: tolqot ukoll lill-komunità kollha kemm hi. Fil-fatt, hu entużjażmanti imma fl-istess ħin impenjattiv li nibnu l-komunità skont it-triq li wriena l-Appostlu. Il-“passjonijiet tal-ġisem”, “it-tentazzjonijiet” – biex ngħidu hekk – li lkoll għandna, jiġifieri l-għira, il-preġudizzji, l-ipokreziji, ir-rabja jkomplu jinħassu, u tista’ tkun tentazzjoni faċli li nirrikorru għar-riġidità tal-preċetti, imma jekk nagħmlu hekk inkunu noħorġu mit-triq tal-libertà u, flok ma naslu għall-quċċata, nerġgħu ninżlu fil-baxx. Biex nimxu t-triq tal-Ispirtu rridu qabelxejn nagħtu spazju lill-grazzja u lill-imħabba. Nagħmlu wisa’ għall-grazzja ta’ Alla, u ma nibżgħux. Pawlu, wara li semma’ leħnu b’mod sod, jistieden lill-Galatin biex kull wieħed jerfa’ fuqu l-iebes tal-ieħor, u jekk xi ħadd jiżbalja, jimxi miegħu bit-tjieba (ara 5:22). Nisimgħu kliemu stess: “L-aħwa, jekk xi ħadd jinqabad f’xi ħtija, intom li intom spiritwali, widdbuh bi spirtu ta’ ħlewwa; oqgħod attent li ma tkunx imġarrab int ukoll. Erfgħu t-tagħbija ta’ xulxin” (6:1-2). Atteġġjament differenti ħafna minn min joqgħod itaqtaq fuq l-oħrajn; le, dan mhuwiex skont l-Ispirtu. Skont l-Ispirtu hu li jkollna din il-ħlewwa ma’ ħutna meta nikkoreġuhom u ngħassu fuqna nfusna b’umiltà biex ma naqgħux aħna stess f’dawk id-dnubiet.
Fil-fatt, meta nkunu ttentati niġġudikaw ħażin lill-oħrajn, kif jiġri ta’ spiss, għandna qabelxejn nirriflettu fuq id-dgħufija tagħna. Kemm hu faċli nikkritikaw lill-oħrajn! Imma hemm persuni li donnhom illawrjati fid-diskors vojt fuq l-oħrajn. Ta’ kuljum jikkritikaw lill-oħrajn. Iva ħares ftit lejk innifsek! Nagħmlu sew nistaqsu lilna nfusna x’inhu li jwassalna biex nikkoreġu lil ħuna jew oħtna, u jekk aħniex b’xi mod responsabbli aħna wkoll tal-iżball tiegħu. L-Ispirtu s-Santu, barra li jagħtina d-don tal-ħlewwa, jistedinna għas-solidarjetà, biex nerfgħu l-piż tal-oħrajn. Kemm toqol hemm fil-ħajja ta’ persuna: il-mard, in-nuqqas ta’ xogħol, is-solitudni, it-tbatija…! U kemm provi oħra li jitolbu l-qrubija u l-imħabba tal-aħwa! Jistgħu jgħinuna l-kelmiet ta’ Santu Wistin meta jikkummenta din is-silta: “Għalhekk, ħuti, jekk taħkmu lil xi ħadd f’xi żball, […] wissuh b’dan il-mod, bil-ħlewwa. U jekk tgħolli leħnek, ħobb minn qalbek. Sew jekk tagħmel il-qalb lil xi ħadd, sew jekk timxi miegħu bħala missier, sew jekk iċċanfru, sew jekk tkun iebes miegħu, ħobbu” (Diskorsi 163/B 3). Ħobb dejjem. L-ogħla regola tal-korrezzjoni fraterna hi l-imħabba: li nħobbu lil ħutna. Ifisser li nittolleraw il-problemi tal-oħrajn, id-difetti tal-oħrajn fis-skiet tat-talb, biex imbagħad insibu t-triq it-tajba biex ngħinuh jikkoreġi ruħu. U din mhix ħaġa faċli. L-eħfef triq hi li npaċpċu fuq l-oħrajn. Inżarma lill-ieħor bħallikieku jien kont il-perfett. U dan m’għandux ikun. Ħlewwa. Sabar. Talb. Qrubija.
Ħa nimxu bil-ferħ u bis-sabar f’din it-triq, u nħallu l-Ispirtu s-Santu jmexxina.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard